Konferenza Ġenerali
“Tħobbni int?”
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


“Tħobbni int?”

Jekk aħna nuru mħabbitna lil Alla, aħna għandna nifhmu kif Huwa jagħraf mħabbitna.

Fil-parabbola tal-iben il-ħali, il-kbir fost l-aħwa għall-ewwel beda jsibha bi tqila jiċċelebra r-ritorn ta’ ħuh iż-żgħir wara li għadda żmien jagħmel għażliet ħżiena u jberbaq ġidu f’ħajja mtajra.” Il-kburija u l-awto-tjieba tal-kbir fost l-aħwa żammewh milli jgawdi l-hena tal-indiema minħabba r-ritorn ta’ ħuh. Aħna wkoll nafu nitilfu ċerti opportunitajiet billi ma nurux lill-maħbubin tagħna, permezz ta’ kliemna u għemilna, l-imħabba sinċiera tagħna għalihom.

Għandna bosta eżempji qawwija fl-iskrittura ta’ mħabba sinċiera li qasmu bejniethom u rċevew ċerti individwi: Nagħomi u Rut, Għammon u s-Sultan Lamoni, l-iben il-ħali u missieru, is-Salvatur u d-dixxipli tiegħu.

Meta l-imħabba tingħata b’xejn u tintlaqa’ b’mod sinċier, jingħata bidu għal ċiklu virtuż b’imħabba akbar bejn dak li joffri u dak li jirċievi l-imħabba.

L-imħabba ta’ Alla hija perfetta, infinita, u li tibqa’, u “mill-aktar ħelwa.” Hija timla r-ruħ “b’ferħ kbir immens.” Madankollu, xi kultant nafu nsibuha diffiċli nagħrfu l-imħabba ta’ Alla f’ħajjitna. Madankollu, Missierna fis-Smewwiet li jħobbna b’imħabba perfetta jixtieq tassew li aħna nesperjenzaw mħabbtu li Huwa “ikellimna skont … l-għarfien tagħna.” Huwa tabilħaqq jesprimi mħabbtu għalina b’modi li aħna, individwalment, nistgħu nagħrfu. Aħna nistgħu nesperjenzaw l-imħabba ta’ Alla għalina meta nosservaw is-sbuħija tan-natura, jew nirċievu tweġiba għal talbna, jew jiġuna ċerti ħsibijiet f’moħħna proprju fil-mument tal-ħtieġa, jew nesperjenzaw mumenti ħelwin ta’ hena. L-akbar manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina li tirresona kemm mal-moħħ kif ukoll mal-qalb hija meta Huwa ħalla lil Ibnu l-Maħbub joffri lilu nnifsu biex ipatti għalina.

Bħal ħu l-iben il-ħali, l-attenzjoni ewlenija tagħna ħafna drabi tkun fuqna nnifisna. Aħna ħafna drabi wisq ikun moħħna biex insibu xi evidenza tal-imħabba ta’ Alla għalina u nifrustraw ruħna meta ma narawhiex. Iżda l-paradoss sabiħ hu li aktar ma niffokaw fuq li nuru mħabbitna għal Alla, aktar ikun faċli li nagħrfu mħabbtu għalina. Jista’ jkun li dan huwa għaliex is-Salvatur wieġeb għall-mistoqsija “Liema hu l-kmandament il-kbir?” b’din l-istedina sempliċi u importanti: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”

Xi kultant il-mod kif aħna nuru mħabbitna lil dawk li huma l-għeżeż għalina mhuwiex neċessarjament il-mod kif huma jagħrfu l-imħabba. Din taf tkun ħaġa frustranti kemm għal min joffru u min jirċievi l-imħabba. Taf tkun ta’ għajnuna li nistaqsu lil dawk li nħobbu kif huma jagħrfu l-imħabba li aħna nesprimu. Bl-istess mod, jekk aħna nuru mħabbitna lil Alla, aħna għandna nifhmu kif Huwa jagħraf l-espressjoni individwali tagħna tal-imħabba. Fortunatament, Hu wriena b’mod ċar diversi modi fl-iskrittura kif aħna nistgħu nuru mħabbitna lejh.

Tħobbni Int Aktar Minn Dawn?

Fid-diskursata struttiva ta’ bejn Pietru u l-Mulej mqajjem mill-imwiet ħdejn il-Baħar ta’ Tiberija, nitgħallmu dwar modi kif aħna nistgħu nuru mħabbitna lejn il-Mulej.

“Ġesù qal lil Xmun Pietru: Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn? Iva, Mulej, wieġbu; int taf li nħobbok.”

Il-mistoqsija ewlenija f’dan il-kliem tal-Mulej hija “tħobbni int aktar minn dawn?” Aħna nuru mħabbitna lejn il-Mulej meta npoġġuh qabel “dawn,” u “dawn” jista’ jkun kulħadd, kwalunkwe attività, jew ħaġa li tieħu post Dak, u ma jibqax l-aktar influwenza importanti f’ħajjitna.

Żgur li m’għandniex ħin biżżejjed fil-ġurnata, fil-ġimgħa, fix-xahar, jew fis-sena biex inwettqu dak kollu li rridu jew nixtiequ nwettqu. Parti mit-test tal-mortalità hu li nużaw ir-riżors prezzjuż tal-ħin għal dak li hua l-aktar importanti għall-ġid etern tagħna u neħilsu minn dawk il-ħwejjeġ li huma anqas importanti.

Il-President Russell M. Nelson qal: “Il-mistoqsija għalina lkoll … hija dejjem l-istess. … Inti lest tħalli lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajtek? Lest tħalli kliemu, il-kmandamenti tiegħu, u l-patti tiegħu jinfluwenzaw dak li tagħmel kuljum? Lest tħalli leħnu jieħu prijorità fuq kull leħen ieħor? Inti lest tħalli dak kollu li Hu jeħtieġ minnek jiġi qabel kull ambizzjoni oħra? Inti lest tħalli r-rieda tiegħek tiġi kkunsmata mir-rieda tiegħu?” Aħna nuru d-dixxipulat tagħna u mħabbitna lejn Alla meta npoġġu lilu bħala l-ogħla prijorità tagħna.

Irgħa n-Nagħaġ Tiegħi

Fil-vers ta’ wara ta’ din l-istess diskussjoni bejn Pietru u s-Salvatur, aħna nitgħallmu dwar mod ieħor kif is-Salvatur jagħraf l-espressjoni tagħna ta’ mħabba: “Il-Mulej staqsieh għat-tieni darba, Xmun bin Ġwanni, tħobbni int? Iva, Mulej, wieġbu, int taf li nħobbok. Qallu, Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”

Aħna nuru mħabbitna għal Missierna fis-Smewwiet meta nservu, nisimgħu, inħobbu, ngħinu, jew nimministraw lil uliedu. Dan is-servizz jaf ikun sempliċi bħal meta nħarsu lejn ħaddieħor mingħajr ma niġġudikawhom. Fis- 76 sezzjoni tad-Duttrina u Patti, aħna jista’ jkollna idea tal-karattru ta’ dawk li se jirtu l-glorja ċelestjali: “Huma jaraw kif jarahom hu, u jagħrfu kif jagħrafhom hu.” Huma jaraw lil ħaddieħor kif jarahom Alla, u Huwa jarahom kif jistgħu jsiru, skont il-potenzjal divin u glorjuż tagħhom.

Wara li ġejt lura mill-missjoni tiegħi, jiena ħadt f’idejja n-negozju tal-kura tal-ħaxix tal-art li kont bdejt flimkien ma’ ħuti meta konna għadna adoloxxenti. Jien kont impenjat sew bl-istudji tiegħi tal-università. Darba waħda, f’ġimgħa fir-rebbiegħa, xita qawwija u l-aħħar eżamijiet li kienu fil-qrib wassluni biex inħossni taħt pressjoni kbira u waqajt lura fil-xogħol tal-art.

F’nofs il-ġimgħa s-sema ċċarat, u jien ippjanajt li nara kif nagħmel biex nagħmel tajjeb għax-xogħol tal-art wara l-lezzjonijiet. Iżda meta wasalt id-dar, ma stajtx nara l-vann u l-apparat tiegħi. B’kurżita, mort inżur l-artijiet li kelli naħdem; kull waħda minnhom kienet diġà nħadmet b’mod sabiħ. Meta wasal ħdejn l-aħħar art li kelli skedata, jiena rajt lil ħija ż-żgħir miexi wara l-magna tal-ħsad. Meta rani, huwa tbissimli, u xejjirli. Kollni gratitudni, jiena għannaqtu miegħi u rringrazzjajtu. L-att sinifikanti ta’ servizz tiegħu saħħaħ bil-kbir l-imħabba u l-lealtà li kelli lejh. Li naqdmu lil xulxin huwa mod inkonfondibbli kif nistgħu nuru mħabbitna lejn Alla u lejn Ibnu l-Għażiż.

Agħraf is-Sehem Tiegħu f’Kollox

Aħna nuru wkoll mħabbitna lejn Alla billi jkollna qalb mimlija gratitudni. Il-Mulej qal, “U f’xejn il-bniedem ma joffendi lil Alla, … ħlief lejn dawk li ma jagħrfux idejh f’kull ħaġa.” Aħna nuru mħabbitna lejn Alla billi nagħrfu li Huwa s-sors ta’ kull ħaġa tajba f’ħajjitna.

Fl-ewwel żminijiet meta tajna bidu għal kumpanija ġdida, sieħbi fin-negozju u jien konna nitolbu b’ħerqa qabel xi laqgħat importanti, u nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet għall-għajnuna. Kemm-il darba, Alla wieġeb talbna, u l-laqgħat tagħna marru tajjeb. Wara laqgħa minnhom, sieħbi fin-negozju rrimarka li aħna konna ħfief biex nitolbu l-għajnuna iżda tqal biex nirringrazzjawh. Minn dawk inhar ’il quddiem, għamilniha drawwa li noffru t-talb sinċier mimli gratitudni tagħna, fejn nagħrfu id il-Mulej fis-suċċessi tagħna. Aħna nuru mħabbitna lejn Alla “b’attitudni ta’ gratitudni.”

Jekk Tħobbuni, Ħarsu l-Kmandamenti Tiegħi

Mod ieħor kif nistgħu nuru mħabbitna għal Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż hu billi nagħżlu li nobduhom. Is-Salvatur qal: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.” Din it-tip ta’ ubbidjenza la hija għamja u ta’ bilfors iżda hija espressjoni sinċiera u determinata ta’ mħabba. Missierna tas-Smewwiet iridna nkunu ubbidjenti. Sister Tamara W. Runia sejħet dan “ubbidjenza ta’ affezzjoni.” Hija qalet, “Minkejja li aħna mhux dejjem nobdu b’mod perfett għalissa, aħna nippruvaw nobdu sforz imħabbitna issa, fejn nagħżlu li nibqgħu fit-triq, kull darba, għaliex inħobbuh.”

Missierna fis-Smewwiet tana l-volontà biex jispirana ħalli nkunu rridu li nagħżlu lilu. Il-ħidma u l-glorja tiegħu mhijiex biss li jġib fis-seħħ il-ħajja ta’ dejjem tagħna iżda tinkludi wkoll tama li l-akbar xewqa tagħna tkun li nerġgħu lura ħdejh. Madankollu, Hu qatt ma jġegħelna nobdu. Fl-għanja “Kun Af, Li Kull Ruħ Hija Ħielsa,” nkantaw:

Huwa jsejħilna, jipperswadina, u jmexxina lejn is-sewwa,

U jberikna bl-għerf, bl-imħabba, u bid-dawl,

B’modi li diffiċli tiddeskrivihom huwa twajjeb u ħanin,

Iżda qatt ma jisforza l-moħħ uman.

Bħala mexxejja tal-missjoni, jiena u marti, Christina, konna spirati minn bosta missjunarji li għażlu li jkunu ubbidjenti, mhux biss għaliex kienet xi ħaġa mistennija mill-missjunarji iżda għaliex huma riedu juru mħabbithom lill-Mulej billi b’umiltà jagħżlu li jirrappreżentawh.

Il-Presbiteru Dale G. Renlund qal: “L-għan ta’ Missierna tas-Smewwiet bħala ġenitur mhuwiex li jwassal lil uliedu biex jagħmlu dak li hu tajjeb; hu li jwassal lil uliedu biex jagħżlu li jagħmlu dak li hu tajjeb u ultimament isiru bħalu. Jekk l-għan tiegħu kien li aħna sempliċiment inkunu ubbidjenti, Huwa seta’ uża sistema ta’ premjijiet u kastigi immedjati biex jinfluwenza l-imġieba tagħna.” Aħna nuru mħabbitna għal Alla meta nagħżlu li nobduh u nimxu warajh.

Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna jagħrfu l-espressjoni tagħna ta’ mħabba għalihom meta aħna npoġġuhom l-ewwel f’ħajjitna, naqdu lil xulxin, nagħrfu bi gratitudni kull barka li nirċievu mingħandhom, u nagħżlu li nobduhom u nimxu warajhom.

Jiena nixhed li kull wieħed u waħda minna aħna tassew ulied Alla, u Huwa jħobbna b’mod perfett. Jiena nixhed li Huwa jixtieqna nesperjenzaw mħabbtu b’modi li aħna nagħrfu u nifhmu. U l-paradoss sabiħ hu li aħna nesperjenzaw l-imħabba tiegħu għalina b’aktar qawwa hekk kif aħna nuruh mħabbitna. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Luqa 15:13.

  2. Ara Rumani 8:35–39; Dale G. Renlund, “Experience God’s Love” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 3 ta’ Diċ, 2019), speeches.byu.edu; Russell M. Nelson, “Divine Love,” Liahona, Frar 2023, 12–17.

  3. 1 Nefi 8:12.

  4. 1 Nephi 8:12.

  5. 2 Nephi 31:3.

  6. Ara Ġwanni 3:16.

  7. Ara 1 Ġwanni 4:19.

  8. Mattew 22:36–37.

  9. Filwaqt li aħna ma nirċevux l-imħabba ta’ Alla sforz għemilna, Huwa jinsab lest li jagħraf l-espressjoni tagħna ta’ mħabba għalih billi jisma’ talbna, iberikna, u jgħinna nesperjenzaw imħabbtu għalina.

  10. Ġwanni 21:15.

  11. “Jeħtieġ li npoġġu lil Alla fuq quddiem f’kull ħaġa oħra f’ħajjitna. Jeħtieġ li Huwa jiġi l-ewwel. …

    “Meta npoġġu lil Alla l-ewwel, il-kumplament isib il-post xieraq tiegħu jew ifeġġ f’ħajjitna. L-imħabba tagħna lejn il-Mulej tmexxi t-talb tagħna għall-affezzjoni, il-ħtiġijiet ta’ żmienna, l-interessi li jkollna, u l-ordni tal-prijoritajiet tagħna” (Teachings of Presidents of the Church: Ezra Taft Benson [2014], 40). Ara wkoll Dallin H. Oaks, “Good, Better, Best,” Liahona, Nov. 2007, 104–8.

  12. Russell M. Nelson, “Ħallu lil Alla Jiddomina,” Liahona, Nov. 2020, 94.

  13. Ġwanni 21:16.

  14. Ara Mosija 2:17.

  15. Doctrine and Covenants 76:94.

  16. Doctrine and Covenants 59:21.

  17. Ara Filemon 1:4–7.

  18. Thomas S. Monson, “An Attitude of Gratitude,” Ensign, Mejju 1992, 54.

  19. Ġwanni 14:15.

  20. Tamara W. Runia, “L-Indiema tagħkom Ma Titfa’ l-Ebda Piż Fuq Ġesù Kristu; Hija Tkabbar l-Hena Tiegħu,” Liahona, Mejju 2025, 92.

  21. Ara 2 Nefi 10:23–24; Ħelaman 14:30–31.

  22. Ara Moses 1:39.

  23. “Know This, That Every Soul Is Free,” Hymns, nu. 240.

  24. Ara Mosija 5:2–5.

  25. Dale G. Renlund, “Agħżlu Illum,” Liahona, Nov. 2018, 104.

  26. Ara Patrick Kearon, “Irċievu r-Rigal Tiegħu,” Liahona, Mejju 2025, 121–24.

  27. “L-ewwel kmandament kbir fl-eternità kollha hu li nħobbu lil Alla bil-qalb, u bil-qawwa tagħna kollha, u b’moħħna kollu—dak huwa l-ewwel kmandament kbir. Iżda l-ewwel verità kbira fl-eternità kollha hi li Alla jħobbna lkoll b’qalbu kollha, b’moħħu kollu u bil-qawwa u s-setgħa tiegħu kollha ” (Jeffrey R. Holland, “Għada l-Mulej se Jagħmel Ħwejjeġ tal-Għaġeb f’Nofskom,” Liahona, Mejju 2016, 127).

  28. Ħesed hija tip speċjali ta’ mħabba u ħniena li Alla jħoss għal, u jestendi ma’, dawk li jagħmlu patt miegħu. U aħna nirriċiprokaw b’ ħesed għalih.

    “Peress li Alla għandu ħesed għal dawk li għamlu patt miegħu, Huwa jħobbhom. Huwa jibqa’ jaħdem magħhom u joffrilhom opportunitajiet biex jinbidlu. Huwa jaħfrilhom meta huma jindbu. U kieku kellhom jitbiegħdu, huwa jgħinhom isibu t-triq lura lejh.

    “La darba intom u jien għamilna patt ma’ Alla, ir-relazzjoni tagħna miegħu ssir ħafna eqreb milli kienet qabel il-patt tagħna” (Russell M. Nelson, “Il-Patt ta’ Dejjem,” Liahona, Ott. 2022, 6).