L-Isem li Bih Tissejħu
Xi jfisser li tissejħu b’isem Kristu?
Il-President Russell M. Nelson għallem li jekk il-Mulej kien qed ikellem lilna direttament, l-ewwel ħaġa li jara li nifhmu hija l-identità vera tagħna: aħna wlied Alla, wlied il-patt, u dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Kwalunkwe deżinjazzjoni oħra ultimament tispiċċa biex tiddiżappuntana.
Jiena sirt naf dan meta ibni l-kbir rċieva l-ewwel mowbajl tiegħu. Mimli eċċitament, huwa beda jdaħħal l-ismijiet tal-familja tiegħu u tal-ħbieb tiegħu fil-kuntatti tiegħu. Darba waħda, innotajt li bdiet iċċempillu ommu. Fuq l-iskrijn deher l-isem “Ommi.” Kienet għażla mill-aktar sensibbli u dinjituża—u jkolli nammetti, sinjal ta’ rispett għall-aqwa ġenitur fid-dar tagħna. Naturalment, ġietni l-kurżità. Lili x’isem tani?
Jiena fittixt fil-kuntatti tiegħu, u assumejt li jekk Wendi kienet “Ommi,” mela jiena “Missieri.” Ma sibt xejn. Fittixt “Pa.” Bqajt ma sibt xejn. Il-kurżità li kelli nbidlet f’mument ta’ tħassib. “Tgħid isejjaħli ‘Corey’?” Le. Bħala sforz ieħor tal-aħħar, għidt lili nnifsi, “Aħna plejers tal-futbol—forsi jsejjaħli ‘Pelé.’” Kollu ta’ xejn. Finalment, jiena ċempilt in-numru tiegħu, u feġġew żewġ kelmiet fuq l-iskrijn tiegħu: “Mhux Ommi”!
Ħuti, intom b’liema isem tissejħu?
Ġesù sejjaħ lis-segwaċi tiegħu b’bosta ismijiet: Dixxipli. Ulied. Ulied il-profeti. Nagħaġ. Ħbieb. Id-dawl tad-dinja. Qaddisin. Ilkoll għandhom sinifikat etern u jenfasizza ċerta relazzjoni personali mas-Salvatur.
Iżda fost dawn l-ismijiet, hemm wieħed li hu aqwa mill-kumplament—l-isem ta’ Kristu. Fil-Ktieb ta’ Mormon, is-Sultan Benjamin għallem b’qawwa:
“M’hemm l-ebda isem ieħor li permezz tiegħu tinkiseb is-salvazzjoni; għalhekk, nitlobkom sabiex tieħdu fuqkom isem Kristu. …
“U għad jiġri li kull min jagħmel dan se jsib ruħu fuq il-lemin ta’ Alla, għax hu se jkun jaf l-isem li bih se jiġi msejjaħ; għax hu se jiġi msejjaħ bl-isem ta’ Kristu.”
Dawk li jieħdu fuqhom infushom isem Kristu jsiru d-dixxipli u x-xhieda tiegħu. Fil-Ktieb tal-Atti, naqraw li wara l-Qawmien ta’ Ġesù Kristu, xi xhieda magħżula ġew ordnati sabiex jaqsmu x-xhieda tagħhom li dawk kollha li jemmu f’Ġesù, jitgħammdu, u jirċievu l-Ispirtu s-Santu ikunu jistgħu jiksbu maħfra ta’ dnubiethom. Dawk li rċevew dawn l-ordinanzi sagri nġabru mal-Knisja, u saru dixxipli, u bdew jissejħu Kristjani. Il-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi wkoll lil dawk li jemmnu fi Kristu bħala Kristjani u n-nies tal-patt bħala “ulied Kristu, subien u bniet.”
Xi jfisser li tissejħu b’isem Kristu? Ifisser li tagħmlu u tħarsu l-patti, li dejjem tiftakru fih, tħarsu l-kmandamenti tiegħu, u tkunu “lesti … li tieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox.” Ifisser li tieqfu mal-profeti u l-appostli hekk kif huma jieħdu l-messaġġ ta’ Kristu—flimkien mad-duttrina, mal-patti, u l-ordinanzi tiegħu—madwar id-dinja. Ifisser ukoll li naqdu lil ħaddieħor biex nnaqqsulhom it-tbatija u biex inkunu ta’ dawl u nwasslu t-tama fi Kristu lil kulħadd. Bla dubju, dan huwa proċess tul ħajjitna. Il-Profeta Joseph Smith għallem li “dan huwa stazzjon li l-ebda bniedem qatt ma wasal fih f’ħakka t’għan.”
Peress li l-vjaġġ tad-dixxipulat jeħtieġ il-ħin u ċertu sforz, u dan nagħmluh “linja wara linja, preċett wara preċett,” hu faċli li nispiċċaw niffokaw fuq it-titli li tagħtina d-dinja. Dawn jagħtuna biss valur temporanju u qatt ma jkunu biżżejjed weħidhom. Il-fidwa u l-ħwejjeġ tal-eternità jiġu biss “fil-Messija Mqaddes u permezz tiegħu.” Għalhekk, li nimxu wara l-parir profetiku li naraw li d-dixxipulat tagħna jkun għalina prijorità hija ħaġa f’waqtha u għaqlija, speċjalment fi żmien fejn hawn wisq ilħna u influwenzi jikkompetu bejniethom. Dan kien il-qofol tal-parir li ta s-Sultan Benjamin meta qal, “Jien ngħidilkom, nixtieq li intom tiftakru biex iżżommu l-isem ta’ Kristu dejjem miktub f’qalbkom, … biex intom tisimgħu u tagħrfu l-leħen li sejjer isejħilkom, kif ukoll, l-isem li bih se jsejħilkom.”
Jiena stajt nosserva dan fil-familja tiegħi. Il-bużnannu tiegħi Martin Gassner seħħet fih bidla totali grazzi għal president tal-fergħa umli li sema’ s-sejħa tas-Salvatur. Fl-1909, ġewwa l-Ġermanja, iż-żminijiet kienu mill-aktar diffiċli, u ftit kien hemm flus. Martin kien jaħdem bħala welder f’impjant tal-manifattura tal-pajpijiet. Skont kliemu, meta jirċievi l-paga ħafna drabi kien jonfoqha fuq ix-xorb, it-tipjip, u li jixtri x-xorb lil sħabu fil-ħanut tax-xorb. Martu finalment wissietu li jekk ma kienx se jinbidel, kienet se titilqu.
Darba waħda, il-kollega ta’ Martin ltaqa’ miegħu hu u sejjer lejn il-ħanut tax-xorb b’fuljett reliġjuż imkemmex f’idu. Huwa kien sabu fit-triq u qal lil Martin li ħass xi ħaġa differenti wara li qara dan il-fuljett li kien iġib l-isem Was wissen Sie von den Mormonen?, jew X’taf dwar il-Mormoni? Ninsab ċerti li dak it-titlu m’għadux l-istess.
Fuq in-naħa ta’ wara kien hemm stampat indirizz, li kien ċar biżżejjed li wieħed seta’ jagħraf fejn kienet tinsab il-knisja. Kienet tinsab ’il bogħod mhux ħażin, iżda huma ħassewhom kommossi b’dak li qraw u ddeċidew li l-Ħadd li jmiss jaqbdu l-ferrovija u jmorru jaraw. Meta waslu, huma sabu li l-indirizz ma kienx il-knisja li kienu qed jistennew, iżda dar tal-funerali. Martin beda jitħawwad—għax fil-verità, knisja ġo dar tal-funerali dehret wisq li kienet xi ħaġa organizzata.
Iżda meta telgħu fuq, f’sala mikrija, huma sabu miġburin flimkien grupp żgħir ta’ Qaddisin. Wieħed raġel stedinhom għal-laqgħa ta’ testimonjanza. Martin ħassu kommoss bl-Ispirtu u impressjona ruħu bit-testimonjanzi sempliċi u ferventi hekk li mar jaqsam it-testimonjanza tiegħu. U kien hemmhekk, f’dak il-post mhux tas-soltu, li huwa qal li kien diġà jaf li l-knisja kienet vera.
Wara, ir-raġel introduċa lilu nnifsu bħala l-president tal-fergħa u staqsihom jekk kienux se jerġgħu jattendu. Martin spjega li huwa kien joqgħod ’il bogħod ħafna u ma kienx jaffordja l-vjaġġ ta’ kull ġimgħa. Il-president tal-fergħa qallu sempliċiment, “Imxi warajja.”
Huma mxew ftit kantunieri ’l bogħod u waslu ħdejn fabbrika fejn kien jaħdem il-ħabib tal-president tal-fergħa. Wara konverżazzjoni qasira, Martin u sieħbu ġew offruti mpjieg it-tnejn li huma. Imbagħad, il-president tal-fergħa ggwidahom lejn bini ta’ appartament u rranġalhom fejn joqogħdu mal-familji tagħhom.
Dan kollu seħħ f’perjodu ta’ sagħtejn. Martin u l-familja marru joqogħdu hemm il-ġimgħa ta’ wara. Sitt xhur wara, huma tgħammdu. Ir-raġel li qabel kien magħruf bħala raġel xurban sar magħruf bħala bniedem appassjonat għat-twemmin ġdid tiegħu—tant li n-nies fil-belt bdew isejħulu, minkejja li forsi mhux b’affezzjoni, “il-qassis.”
Dwar il-president tal-fergħa, ma nistax ngħidilkom x’jismu—l-identità tiegħu ntilfet maż-żmien. Iżda jiena nsejjaħlu dixxiplu, ambaxxatur, Kristjan, Samaritan it-tajjeb, u ħabib. L-influwenza tiegħu għadha tinħass 116-il sena wara, u jiena ninsab wieqaf fuq spallejn id-dixxipulat tiegħu.
“Hemm qawl li jgħid li inti tista’ tgħodd iż-żerriegħa ta’ tuffieħa, iżda ma tistax tgħodd it-tuffieħ li ġej minn żerriegħa waħda.” Iż-żerriegħa li ġiet miżrugħa mill-president tal-fergħa pproduċiet frott bla għadd. Min kien jgħidlu li 48 sena wara, bosta ġenerazzjonijiet mill-familja ta’ Martin fuq iż-żewġ naħat tal-velu kienu se jiġu ssiġillati fit-Tempju ta’ Bern, fl-Isvizzera.
Jista’ jkun li l-akbar diskors huwa dak li qatt ma nisimgħuh iżda li narawh fis-skiet, fl-għemejjel bla preżunzjoni li nosservaw fil-ħajja ta’ nies ordinarji li, biex jippruvaw ikunu bħal Ġesù, jgħaddu jagħmlu l-ġid. Dak li għamel dan il-president tal-fergħa grazzjuż ma kienx biex huwa jgħid li għamel dmiru. Huwa kien sempliċiment qed jgħix l-evanġelju kif inhu deskritt fil-ktieb ta’ Alma: “Huma ma bagħtu ’l hemm lil ħadd … li kien bil-ġuħ, jew bil-għatx jew marid, … huma taw lil kulħadd b’id miftuħa, mix-xiħ saż-żgħir, … kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa.” U, ħaġa li m’għandniex ninjoraw, huma ma bagħtu ’l hemm lil ħadd “kemm jekk kienu barra l-knisja jew fil-knisja.”
Dawk li jieħdu fuqhom isem Kristu jistagħu jagħrfu, kif qal Joseph Smith “Raġel mimli bl-imħabba ta’ Alla, mhuwiex kuntent billi jbierek lill-familja tiegħu weħidha, iżda jimraħ madwar id-dinja kollha, anzjuż biex ibierek lir-razza umana kollha.”
Ġesù għex b’dan il-mod. Fil-fatt, Huwa tant għamel ġid li d-dixxipli tiegħu ma setgħux jiktbu kulma għamel. L-Appostlu Ġwanni kiteb, “Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu.”
Ejjew nagħmlu li tistgħu biex nimxu wara l-eżempju ta’ Kristu, li nagħmlu l-ġid u li naraw li d-dixxipulat tagħna ikun prijorità f’ħajjitna biex kull darba li aħna ninteraġixxu ruħna ma’ ħaddieħor, huma jħossu l-imħabba ta’ Alla u l-qawwa konfermattiva tal-Ispirtu s-Santu. Imbagħad inkunu nistgħu ningħaqdu mal-bużnannu tiegħi u miljuni ta’ nies oħra li ddikjaraw, bħad-dixxiplu Indri, “Aħna sibna lill-Messija.”
Finalment, l-identità tagħna ma tidentifikahiex id-dinja. Iżda d-dixxipulat tagħna jiġi defenit permezz tal-ordinanzi li nirċievu, il-patti li nħarsu, u l-imħabba li nuru lil Alla u lil għajrna billi sempliċiment nagħmlu l-ġid. Kif għallem il-President Nelson, aħna tassew ulied Alla, ulied il-patt, dixxipli ta’ Ġesù Kristu.
Jiena nixhed li Ġesù Kristu jgħix u huwa fdiena. Huwa Dak li qal, “Jien sejjaħtlek … b’ismek; inti tiegħi.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.