Ir-Rigal Etern tat-Testimonjanza
Kull iben u bint ta’ Alla jistgħu jiksbu għarfien aktar profond, sod u ċert għalihom infushom.
Għeżież ħuti, dan l-aħħar kont qed nirrifletti fuq tliet veritajiet qawwija mir-Restawrazzjoni. Dawn il-veritajiet birkuli ħajti b’mod profond. Illum, nixtieq naqsam magħkom kif dawn il-veritajiet iggwidawni fil-vjaġġ tiegħi lejn xhieda ċerta tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
1. Alla Huwa Missierna fis-Smewwiet li Tant Iħobbna
Huwa omnixxenti u omnipotenti. Permezz tad-Dawl ta’ Kristu u l-amministrazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, l-influwenza tiegħu hija kullimkien. Hija fin-natura Tiegħu li jberikna.
Huwa jara d-destin passat, preżenti, u etern tagħna. Xejn ma jista’ jkun moħbi minnu.
L-istedina tal-President Russell M. Nelso li “naħsbu ċelestjali” tħeġġiġna biex nimitaw il-viżjoni u n-natura ta’ Missierna fis-Smewwiet.
Minħabba l-kwalitajiet divini Tiegħu, Missierna fis-Smewwiet jagħtina kull rigal tajjeb, ilkoll bil-perspettiva u l-viżjoni eterna tiegħu fi ħsiebu.
2. Il-Volontà Hija r-Rigal li Nagħżlu u Naġixxu Għalina Nfusna
Hija wkoll ir-responsabbiltà li nagħżlu tajjeb.
Ġesù Kristu ħallas l-ogħla prezz għal dak il-privileġġ bid-demm prezzjuż Tiegħu.
Xi kultant nafu nemmnu li l-volontà tfisser li nagħmlu dak kollu li rridu. Iżda l-fatt li l-prezz tħallas ifisser li l-volontà hija rigal sagru.
Aħna aġenti, u l-aġenti huma responsabbli għal xi ħaġa. F’dan il-każ, aħna responsabbli għall-għażliet li nagħmlu bbażati fuq l-għarfien li għandna u r-rigali li ningħataw. Ma nistgħux nagħżlu mingħajr ma nkunu responsabbli għall-konsegwenzi.
Għalfejn għandna l-volontà?
Biex nagħżlu t-tajjeb.
Biex nagħżlu lil Kristu.
3. It-Testimonjanza Tagħna Tasal Permezz tal-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu
Xhieda tal-Ispirtu s-Santu hija akbar mid-dawl. Huwa x-xhieda preeminenti tal-Missier u l-Iben. Il-President Nelson kompla għallimna, “Fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”
Ħuti, huwa għalhekk li lkoll neħtieġu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu llum.
Testimonjanza permezz tal-Ispirtu s-Santu tista’ tasal b’diversi modi. Bħal bozza tad-dawl f’kamra mudlama, tista’ tiġi fuqna b’mod drammatiku u f’daqqa waħda. Tista’ tasal bħal tlugħ ix-xemz, gradwalment u biż-żmien. Tista’ tasal bħal raġġi ta’ dawl, espożizzjoni intermittenti għall-intelliġenza pura. Hi x’inhi t-triq, din tasal permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Insibu t-Testimonjanza fil-Ġamajka
Jiena trabbejtt f’dik l-art sabiħa tal-Ġamajka; kienet ħaġa mill-aktar divertenti u meraviljuża. Madankollu, meta bdejt l-iskola sekondarja, xi wħud minn sħabi u mill-ħbieb tal-klassi ma setgħux jifhmu d-deċiżjoni tiegħi li nkun membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. “Kif tista’ tingħaqad ma’ dik il-knisja?” kienu jistaqsuni. “Kif tista’ temmen dik l-istorja?” —u hawn kienu qed jirreferu għall-Ewwel Dehra. “Kif tista’ taqra dak il-ktieb?” —u hawn kienu qed jirreferu għall-Ktieb ta’ Mormon. “Vera temmen dak kollu?” U “Għalfejn qed taħli ħajtek?”
Kien verament diffiċli, speċjalment meta dan kien ġej minn nies li fihom kelli interess ġenwin.
Iżda dak li ma kenux jafu kien dan: Jiena kelli esperjenza mal-Ispirtu s-Santu. Hekk kif dik it-testimonjanza mlietli lil qalbi, din kienet tmewwet l-uġigħ ta’ dak il-perjodu, u “għal mument qasir, dehru l-veduti tas-smewwiet quddiem ħarsti.”
Jista’ jkun li intom ġejtu mistoqsijin xi wħud minn dawn il-mistoqsijiet. Jista’ jkun li anke issa intom qed tiġu bbumbardjati kif kont jien.
Id-don u x-xhieda tal-Ispirtu s-Santu huma disponibbli għal kulħadd.
Il-Ġamajka għalija hi kif kienet Palmyra għal Joseph Smith. Hija l-Masġar Sagru tiegħi. Ma nafx eżatt fejn Joseph niżel għarkupptejh jitlob fil-Masġar Sagru, iżda naf eżattament fejn kont meta l-Masġar Sagru tiegħi sar realtà. Ġara f’Four Grove Road, Mandeville, Ġamajka, fil-kamra tal-banju tiegħi, fis-6 ta’ filgħaxija nhar l-Erbgħa tliet snin wara l-magħmudija tiegħi. Din l-esperjenza sagra seħħet għaliex ħmistax qabel waħda oħt ispirata missjunarja stednitni biex naqra l-Ktieb ta’ Mormon. Sister Audrey Krauss qed tattendi din il-konferenza llum mal-familja tagħha, u jien inħobbha għal dejjem.
Dik l-esperjenza biddlitni.
Ħuti, testimonjanza ma tingħatax għal użu temporanju. Dan ir-rigal mingħand Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna hu intenzjonat li jkun etern għaliex dak li jagħtina huwa etern. Testimonjanza m’għandhiex ikollha data ta’ skadenza. M’għandhiex tiddgħajjef jew tgħib għaliex xi ħaġa f’ħajti nbidlet jew xi ħaġa fid-dinja nbidlet. Għandha titqawwa għaliex, bħall-qaddej fil-parabbola tat-talenti, it-testimonjanza personali tiegħi hija rigal li għandu jiġu mmultiplikat—mhux midfun.
Li nħares lura lejn dak il-perjodu diffiċli ta’ prova u persekuzzjoni li jiena għaddejt minnu meta kont għadni tifel għenni biex nasal fil-post fejn jien issa nagħraf għalija nnifsi. Jiena mhux biss nemmen, nittama, jew nafda, avolja dawn huma aspetti sinifikanti tal-fidi fit-triq li twassal għal xhieda ċerta. Nifirħilkom talli twittu t-triq tagħkom billi tistaqsu mistoqsijiet, tistudjaw, titolbu, issumu, u tixtarru. Nitlobkom biex ma tiqfux. Dan jiswa kull sforz biex nimxu fit-triq li twassal għat-testimonjanza. Lil min se tħalli jbiegħdek minn dan, jew lil xiex? “Jista’ jkollok xhieda akbar mix-xhieda t’Alla?”
Kull iben u bint ta’ Alla jistgħu jiksbu għarfien aktar profond, sod u ċert għalihom infushom. Bħal Joseph Smith, li afferma t-testimonjanza tiegħu minkejja l-oppożizzjoni, aħna nistgħu b’qawwa ngħidu, “Kont naf dan, u kont naf li Alla kien jaf dan, u ma stajtx niċħadha, lanqas ma ażżardajt nagħmel dan.”
Għeżież ħuti, ħallu ż-żerriegħa ċkejkna tat-testimonjanza taħdem fikom sakemm tikber sal-għarfien glorjuż u ċert dejjiemi.
Jekk intom membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien mgħammdin u kkonfermati iżda xorta waħda titqabdu mal-“Jiena mhux ċert jekk nafx,” jekk jogħġobkom ftakru din il-wegħda fit-talba tas-sagrament: “Ħalli jkollhom l-Ispirtu tiegħu dejjem magħhom.” Minħabba din il-wegħda, ilkoll kemm aħna nistgħu nimxu fit-triq li twassal għat-testimonjanza u l-għarfien ċert.
Ħudu F’Idejkom it-Testimonjanza Tagħkom
Issa hawn hija verità kbira: Hi x’inhi t-testimonjanza li tingħata—kemm jekk tiġi ddistillata bħal tlugħ ix-xemx jew tasal f’dehra glorjuża—xorta waħda teħtieġ għażla biex nirċievu dan ir-rigal prezzjuż.
Li ngħid “Jiena nagħżel li nemmen” jagħmilha aktar faċli li nirċievu xhieda mingħand Alla. Jekk insibu li t-testimonjanza tagħna qed tiddgħajjef, ftakru li huma l-għażliet li nagħmlu li qed inaqqsu l-qawwa tat-testimonjanza. Iżda t-testimonjanza ma marret imkien. Jeħtieġ biss li nagħżlu li nerġgħu nagħmlu kuntatt magħha mill-ġdid.
Li tagħżel li temmen huwa mod għaqli u qawwi kif tuża l-volontà tiegħek.
Ma nistax nara mod aħjar kif nuża l-volontà tiegħi milli niddefendi t-testimonjanza tiegħi.
Il-President Nelson għallimna: “Nitlobkom biex tieħdu ħsieb it-testimonjanza tagħkom. Aħdmu għaliha. Agħmluha tagħkom. Agħtu kasha. Rawmuha ħalli tikber. Itimgħuha l-verità.”
Għalija, il-kliem tieħdu ħsieb, aħdmu, agħtu kas, agħmlu tagħkom, rawmu jinstemgħu bħallikieku xi aġent li ngħata l-amministrazzjoni ta’ xi ħaġa prezzjuża u importanti.
Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, Parley P. Pratt ħassu diżappuntat mill-Profeta Joseph Smith u għażel li jikkritika lilu u lill-Knisja. Meta John Taylor, li Parley għallmu l-evanġelju, wasal il-belt, Parley ħadu fil-ġenb u widdbu biex ma jimxix wara Joseph. John Taylor qal lil Parley:
“Qabel ma int tlaqt mill-Kanada, inti ħallejt testimonjanza b’saħħitha li Joseph Smith huwa profeta ta’ Alla, … u int għidt li intom kontu tafu dawn il-ħwejjeġ permezz tar-rivelazzjoni u d-don tal-Ispirtu s-Santu.”
“… Issa għandi l-istess testimonjanza li dak inhar int fraħt biha. Jekk il-ħidma kienet vera sitt xhur ilu, hija vera llum. Jekk Joseph Smith dak iż-żmien kien profeta, huwa profeta issa wkoll.”
Jiena nixhed li Joseph Smith profeta ta’ Alla u li l-mantell profetiku li huwa rċieva jkompli llum. Ġesù Kristu jmexxi din il-ħidma.
Nistedinkom biex taħsbu dwar it-triq bħala xhieda ċerta ta’ Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu. Ħudu f’idejkom it-testimonjanza tagħkom; użaw il-volontà tagħkom bl-għaqal u agħrfu lil dak li jagħtikom u l-kwalitajiet glorjużi tiegħu kollha. Jiena nixhed li l-qawwa tinsab fikom. Ħadd ma jista’ jagħżel għalikom. Ħadd ma jista’ joħdilkom dan ir-rigal. Tistgħu tagħżlu li temmnu.
Inwegħidkom li hekk kif tagħmlu dan, it-testimonjanza tagħkom tkun “bir ta’ ilma ħaj, li jogħla ’l fuq sa ħajja dejjiema.” Tkun ankra u motivatur, u se żżommkom fi żminijiet diffiċli. Din tagħtikom il-qawwa li tiżviluppaw id-doni spiritwali. Tgħinkom fil-ministeru u s-servizz personali tiegħek. Se tkun arma kontra Satana u l-avversarji tiegħek. It-testimonjanza tagħkom tkun ta’ ferħ hekk kif tarawha tiġi replikata f’uliedkom, fin-neputijiet tagħkom, u fit-tfal tagħhom u f’’dawk li tħobbu u sservu. Tkun ħaġa mill-aktar qawwija meta intom taqsmuha ma’ ħaddieħor u tużawha biex tixhdu.
Jekk tafu, tafu. Jiena naf li jiena naf. Neħtieġu aktar xhieda ċerti ta’ Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu. Siru hekk! Fittxu! Hija ħaġa urġenti! Din hija l-aħħar dispensazzjoni—id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.
Ġesù Kristu ddikjara din il-verità: “Is-smewwiet u l-art se jgħaddu, iżda kliemi ma jgħaddix.”
Ħuti, testimonjanza ta’ Ġesù Kristu qatt ma kienet intenzjonata li tkun rigal temporanju. Xejn dwarha mhu temporanju—mhux dak li jagħti, mhux ir-rigal innifsu, mhux dak li jwassali r-rigal, u mhux dwar min hu r-rigal. Jalla t-testimonjanza tagħkom tiġi deskritta bl-istess mod. Għalkemm “is-smewwiet u l-art se jgħaddu,” it-testimonjanza u x-xhieda tagħkom tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ma jgħaddux. Issa huwa ż-żmien li naħfnu dan ir-rigal prezzjuż. F’isem Ġesù Kristu, ammen.