Konferenza Ġenerali
Ġesù Kristu u l-Bidu Ġdid Tagħkom
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Ġesù Kristu u l-Bidu Ġdid Tagħkom

Ilkoll kemm aħna jista’ jkollna bidu ġdid minħabba, u permezz ta’ Ġesù Kristu. Anke intom.

Sottostima Skritturali: Ġesù Għadda Jagħmel il-Ġid

Ġesù “għadda jagħmel il-ġid.” Naqraw dan ir-rapport sempliċi fil-ktieb tal-Atti. X’sottostima mill-aktar kbira! Ġesù tassew għadda jagħmel il-ġid! Huwa l-vera essenza—u sors—tat-tjubija! Huwa għadda l-ħajja mortali tiegħu kollha jagħmel il-ġid. Huwa “mimli ħniena, grazzja u sabar, u abbundanti” infinit fit-tjubija u għal dejjem fil-ħniena.”

Kull attentat biex niddeskrivu jew niġbru fi ftit kliem it-tjubija u l-ħniena tiegħu ikun sottostima! Sewwasew, hekk kif l-Appostlu Ġwanni pprova jesprimi dan, jekk aħna nippruvaw nagħmlu lista ta’ kull turija tat-tjubija li wera s-Salvatur, “anqas id-dinja stess ma tesa’ l-kotba kollha li jistgħu jinkitbu.”

Ġesù Kristu Joffri Lilna Lkoll Bidu Ġdid

L-eżempji speċifiċi li aħna għandna immortalitizzati fl-iskrittura dwar Ġesù għaddej “jagħmel il-ġid” jimliena b’sens ta’ meravilja u għaġeb, speċjalment meta aħna nikkunsidraw tassew xi stajna nesperjenzaw li kieku konna hemm, fejn stajna naraw b’għajnejna l-mirakli tiegħu, nisimgħu t-tagħlim tiegħu, u nesperjenzaw il-fejqan tiegħi. Huwa għadda ħin jitkellem man-nies soċjalment imwarrba, u Huwa mess lill-morda u lill-imniġġsa, Huwa ġab il-faraġ lill-mifnija, Huwa għallem verità li teħlisna, u Huwa ordna lill-midinbin sabiex jindmu. Lil kull raġel imġiddem, raġel agħmi, u mara żienja; lil dawk li kienu zopop, torox, u ma jitkellmux; lil kull omm mnikkta, missier iddisprat, u armla b’qalbha sewda; lill-ikkundannati, lil dawk li ġew imwaqqgħin għaż-żuffjett, u lil kienu għaddejjin minn tbatija; lil dawk li kienu mejtin fil-ġisem u fl-ispirtu, dak li huwa għamel kien li offrielhom bidu ġdid. Iva, x’sottostima oħra mill-aktar kbira!

Dak kollu li Huwa qal u għamel kien li pprovda bidu ġdid għal kull wieħed u waħda li Huwa fejjaq, bierek, għallem, u ħeles mid-dnub. Huwa ma tbiegħedx minnhom, u bla dubju mhuwiex se jitbiegħed minnkom. Immaġinaw li f’dan il-mument tisimgħuh jgħidilkom xi ftit minn dan il-kliem li jagħti l-ħajja:

“Ibni, dnubietek maħfura.”

“Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum.”

“Kun imfejjaq.”

“Anqas jien ma nikkundannak; mur, u mil-lum ‘il quddiem tidnibx iżjed.”

“Agħmel il-qalb, binti: il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”

Il-kliem li s-Salvatur qal lil dawn l-individwi kien qasir, iżda permezz tiegħu Huwa pinġa orizzonti ġodda mill-aktar vasti ta’ maħfra, fejqan, restawrazzjoni, paċi, u ħajja ta’ dejjem. U l-aħbar glorjuża hi li Huwa joffri l-istess bidu ġdid lilkom u lili. Ilkoll kemm aħna jista’ jkollna bidu ġdid minħabba, u permezz ta’ Ġesù Kristu. Anke intom. Il-bidu ġdid huwa fil-qalba tal-pjan tal-Missier għal uliedu. Din hi l-knisja tal-bidu ġdid! Din hi l-knisja ta’ fejn wieħed jista’ jerġa’ jibda mill-ġdid!

Din Hi l-Knisja tal-Bidu Ġdid

Bil-magħmudija permezz tal-ilma u l-Ispirtu, aħna “nitwieldu mill-ġdid” u nistgħu “ngħixu ħajja ġdida.” Kemm jagħti tama dak il-bidu ġdid lil min spiċċa mgħaffeġ taħt it-toqol tad-dnub jew qed ibati mill-effett ta’ ħajja mħawda u relazzjonijiet disfunzjonali? Ġesù nnifsu ma kien jeħtieġ l-ebda maħfra mid-dnub jew bidu ġdid, madankollu Huwa ġie mgħammed, biex jurina b’mod mill-aktar ċar il-mod kif nistgħu nibdew mill-ġdid li huwa fassal għal kull wieħed u waħda minna.

U l-bidu ġdid tagħna ma jseħħx darba biss. Aħna nafu naħsbu li l-magħmudija hija ċans uniku ta’ bidu ġdid. Mhijiex. Aħna m’għandniex biss ċans wieħed. Dan il-bidu ġdid jaf iseħħ kull jum! U m’hemmx dubju li kull ġimgħa aħna nieklu dik il-biċċa ħobż żgħira u nixorbu dik it-tazza ilma żgħira b’tifkira tar-rigal tas-Salvatur perfett tagħna, li miet sewwasew sabiex jagħtina kemm il-bidu ġdid inkunu neħtieġu! Ġesù jagħtina kemm il-bidu ġdid inkunu neħtieġu.

B’impenn u ferħ għal ħajja ġdida fi Kristu, aħna nistgħu nsiru “ħlejjaq ġodda,” fejn il-qadim jgħaddi u jidħol il-ġdid. X’solliev jagħti lir-ruħ dan it-tip ta’ sebħ mill-ġdid li tkompli tagħżel il-fidi fil-qawwa li tfejjaq u tirrestawra tal-Feddej tagħna, minkejja l-isfidi diffiċli tal-ħajja li niffaċċjaw waqt li qed ngħixu f’dinja mitlufa? Is-Salvatur qatt ma waqaf jimpenja ruħu li jwettaq ir-rieda tal-Missier u li jara li jtemm il-missjoni espjatorja u divina tiegħu, minkejja li l-uġigħ wasslu biex jitriegħed, biex iċarċar demmu mill-pori kollha tiegħu, biex ibati kemm fil-ġisem u fl-ispirtu, u biex jitlob ħalli jekk jista’ jkun il-kalċi morr jitbiegħed minnu. Għal darb’oħra, Huwa wriena kif wieħed għandu jibqa’ għaddej b’fidi ma’ Alla.

Ma’ kull patt li nagħmlu u kull sforz li nagħmlu biex inħarsuh, aħna nistgħu nirċievu “qalb ġdida” u doża akbar ta’ “spirtu ġdid.” Ftit ftit, aktar ma nistiednu t-tjubija tiegħu f’qalbna u neħilsu mill-ilħna li jkissruna li jkun hemm f’moħħna, aħna nsiru l-poplu tiegħu għaliex lilu aħna tassew nagħmluh Alla tagħna. Ġesù għandu ħerqa kbira li jkun is-Sultan tagħna u r-Ragħaj tagħna u l-Prinċep tal-Paċi tagħna, u aħna nistgħu nagħżlu li nagħmluh dan f’qalbna u f’moħħna.

Bidu Ġdid fil-Mod Kif Inħarsu Lejn l-Indiema

L-indiema tiftaħ il-bieb għal bidu ġdid, u li jkollna t-tieni ċans. It-tagħlim tal-maħbub President tagħna, il-President Russell M.Nelson, wasal biex iċċara ċerti kunċetti żbaljati li seta’ kien hemm dwar id-don divin tal-indiema, u jiena naħseb li finalment aħna bdejna nifhmu dan.

Kemm hi ħaġa sabiħa li nisimgħu liż-żgħażagħ tagħna jiddeskrivu xi tfisser għalihom l-indiema. M’ilux jiena smajt tfajla tgħid, bi tbissima fuq ħaddejha, “Meta naħseb dwar l-indiema, l-indiema ta’ kuljum, inħoss fija hena u tama mill-aktar kbira. Jiena nħoss l-imħabba u l-ferħ ta’ Missieri fis-Smewwiet u s-Salvatur tiegħi. Jiena ma nibżax li nersaq lejn Missier fis-Smewwiet fit-talb u nitolbu għall-għajnuna tiegħu f’dak kollu li nkun għaddejja minnu. Jiena naf li Huma mhux qed jippruvaw jaraw kif jaqbduna nagħmlu xi ħaġa ħażina. Huma jinsabu b’dirgħajhom miftuħa. Għalija din hija l-indiema,” hija qalet. Din it-tfajla tifhem li minħabba Ġesù Kristu, hija jista’ jkollha bidu ġdid!

Bidu Ġdid għal Kulħadd, Kull Darba

Intom teħtieġu bidu ġdid? Tistgħu anke intom tibdew mill-ġdid? Aħsbu ftit dwar il-nies li lilhom is-Salvatur mar jaqdi—in-nies li Huwa għallem, fejjaq, qajjem, ħafer, u rrestawra. Tgħid Huwa kien qed jipprova jagħżilhom minn xi klassi ekonomika jew sfond partikolari? Tgħid Huwa kien qed jiddistingwi bejn it-twajbin u l-midinbin? Tgħid Huwa kien qed jagħżel xi nies għax kien ħaqqhom aktar jew għax kien iħobbhom aktar? Le.

Xi wħud li marru għandu b’fidi kbira, b’fidi fil-qawwa tiegħu li jfejjaqhom—bħall-mara li bdiet tnixxi d-demm, iċ-ċenturjun Ruman li l-qaddej tiegħu kien qed imut, l-imġiddem, Ġajru, u Bartimew li kien nieqes mid-dawl. Ilkoll kemm huma ħaddmu l-fidi tagħhom, u ttamaw li t-tjubija u l-qawwa tar-rabbi minn Nazaret setgħet tibdel ħajjithom u l-prospettivi tagħhom. U Hu hekk għamel. Huwa ħalla l-fejqan tiegħu jaħdem.

Iżda Ġesù bierek ukoll lil dawk li kienu nieqsa fil-fidi, bħal missier it-tifel marid li għajjat, jista’ jkun kif għamiltu intom, “Mulej, jiena nemmen; għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.” U Hu anke wera l-kompassjoni ma’ dawk li ma marrux ifittxuh xejn, bħall-mara żienja, l-armla ta’ Najn, ir-raġel b’diżabbiltà ħdejn il-menqgħa ta’ Betżada, u r-raġel li twieled għami. Ħassejtuh intom jgħaddi biex jagħmel il-ġid f’ħajjitkom anke meta lilu ma kontux qed tfittxuh jew timxu warajh?

Lil dawn in-nies kollha fl-iskrittura, u lil dawk kollha li lesti jisimgħu u jwieġbu, Huwa tahom bidu ġdid, sew jekk kien ħajja ġdida meta ħafrilhom dnubiethom, jew ħajja ġdida mfejqa mill-mard, jew ħajja ġdida għax ġew imqajmin mill-mewt.

Dan si jfisser għalikom u għalija? It-tjubija kollha mħabba tiegħu u l-ħniena tiegħu huma bla limitu. Il-bidu ġdid huwa fil-qalba tal-pjan tal-Missier! Il-bidu ġdid huwa l-missjoni tal-Iben! Sebħ ġdid, kapitli ġodda, u ċans ieħor huma l-qalba mill-aktar sempliċi tal-aħbar it-tajba tal-evanġelju!

Għalhekk, intom ilkom wisq ’il bogħod mill-patti tagħkom biex tirċievu bidu ġdid? Le. Intom għamiltu dil-ħaġa u dik il-ħaġa wisq drabi biex tingħataw ċans ieħor? Le. Intom tbiegħedtu wisq minn Kristu biex Huwa jgħinkom tiktbu storja ġdida minn issa ’l quddiem? Le. L-avversarju huwa l-uniku wieħed li jibbenefika mill-idea li intom tinsabu wisq fil-qiegħ. Żgur li mhuż il-każ.

U bidu ġdid hu ferm aktar milli sempliċiment id-dnubiet u l-iżbalji tagħna. Permezz tat-tjubija u l-grazzja tas-Salvatur, aħna jista’ jkollna bidu ġdid li jwassal għall-bidla fil-mod kif naħsbuha, fid-drawwiet ħżiena tagħna, fid-dispożizzjoni xejn tajba tagħna, fl-attitudni negattiva tagħna, fis-sentiment tagħna li m’aħniex b’saħħitna biżżejjed, u fit-tendenza tagħna li nitfgħu l-ħtija fuq ħaddieħor u nevitaw ir-responsabbiltà personali. Intom tistgħu fil-fatt tibdlu ċerti ħwejjeġ dwarkom infuskom li ilhom itaqqlukom snin twal. Intom tistgħu ibdew mill-ġdid permezz tal-qawwa tal-Imgħallem tal-bidu ġdid. Huwa qatt ma jieqaf joffrilna bidu ġdid.

Lil dawk li qed jitqabdu bla waqfien mal-istess dnub jew l-istess diffikultà, komplu ppruvaw. Huwa ma poġġa l-ebda ostaklu quddiemkom. Huwa mhux se jieqaf jagħtikom ċans ieħor. Ibqgħu ppruvaw. Ibqgħu agħmlu l-almu tagħkom. Komplu fittxu l-għajnuna mingħand dawk ta’ madwarkom. U intom tkunu qed tafdaw f’dan il-bidu ġdid li hemm għalikom kull darba li dduru lejn Missierkom b’qalb sinċiera. Abbandunaw għal kollox id-dnub intenzjonat, ir-ripetizzjoni każwali, u r-ribelljoni kollha kburija. M’għandkomx għalfejn tkunu dak li kontu qabel. Araw li tgħożżu l-bidu ġdid tagħkom, it-tieni jew it-tielet jew ir-raba’—jew il-mitt— ċans tagħkom, li hu offrut lilkom permezz tad-demm espjatorju ta’ Ġesù Kristu.

Jien grat, aktar milli qatt nista’ niddeskrivi, għall-bidu ġdid li ngħatajt u għal dak li għad irrid ningħata.

Konklużjoni

Is-Salvatur tagħna lissen sottostima oħra finali li mingħajrha ma jista’ jkun hemm l-ebda ċans ta’ tama jew ferħ illum. Wara l-agonija tiegħu fil-Ġetsemani u fit-tmiem ta’ ħajtu fuq is-salib kiefer, Huwa sempliċiment qal, “Kollox mitmum.” Il-profezija messjanika ġiet fis-seħħ, u l-ħlas sħiħ tad-dejn għad-dnubiet u t-tbatija tal-umanità kien tħallas. Huwa ddikjara li kien ġie “mitmum” is-sagrifiċċju infinit u etern tiegħu. Madankollu l-Espjazzjoni tiegħu ma setgħetx tkun kompluta qabel ma Huwa nnifsu esperjenza ħajja ġdida fit-tielet jum, il- bidu ġdid bħala esseru gglorifikat u mqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa tal-Missier.

Għax Huwa dejjem għamel dawk il-ħwejjeġ li jogħġbu lil Missieru, u għax Huwa “għamel ir-rieda tal-Missier f’kull ħaġa,” intom u jien jista’ jkollna bidu ġdid. Jekk jogħġobkom ilqgħu l-bidu ġdid tagħkom, anke llum, bħalissa. Ġesù Kristu huwa Dak li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna, li magħna jikteb numru bla għadd ta’ kapitli ġodda. Huwa l-Bidu u t-Tmiem—it-tmiem tal-mistħija u t-tbatija tagħna, u l-bidu ta’ ħajja ġdida miegħu, fejn jagħtina ċ-ċans niksbu l-grazzja tiegħu, inħallu warajna l-passat u nibdew mill-ġdid b’sebħ ġdid kemm il-darba nkunu neħtieġu. Tassew li “t-tjieba u l-ħniena tiegħu jimxu magħna l-jiem kollha ta’ ħajjitna.” F’isem Ġesù Krtistu, Ammen.

Noti

  1. Atti 10:38; ara wkoll “Il-Kristu l-Ħaj: It-Testimonjanza tal-Appostli,” Librerija tal-Evanġelju.

  2. Ara Moroni 7:12–13.

  3. Ara Eżodu 34:5–7.

  4. Ġwanni 21:25.

  5. Mark 2:5.

  6. Mark 5:41.

  7. Mattew 8:3.

  8. Ġwanni 8:11.

  9. Luqa 8:48.

  10. Ara Shayne M. Bowen, “Because I Live, Ye Shall Live Also,” Liahona, Nov. 2012, 15–17.

  11. Ġwanni 3:3; Mosija 27:25.

  12. Rumani 6:4.

  13. Moroni 6:8.

  14. 2 Korintin 5:17.

  15. Ara Doctrine and Covenants 19:16–19.

  16. Ara Eżekjel 36:26–28.

  17. “Il-fidi tagħna fi Kristu u l-imħabba tagħna lejh iwassluna sabiex nindmu, jew nibdlu dawk il-ħsibijiet, dak it-twemmin u dik l-imġiba tagħna li mhumiex f’ armonija mar-rieda Tiegħu. Parti mill-indiema hi li tifforma għarfien ġdid dwar Alla, dwarek innifsek u dwar id-dinja” (Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service [2004], 62).

    “Id-duttrina tal-indiema hija ferm aktar wiesgħa mid-definizzjoni li nsibu fid-dizzjunarju. Meta Ġesù qal ‘indmu,’ id-dixxipli tiegħu kitbu dak il-kmand bil-lingwa Griega billi użaw il-verb metanoeo. Din il-kelma qawwija għandha sinifikat kbir. F’din il-kelma, il-prefiss meta ifisser ‘bidla.’ Is-suffiss jirrelata ma’ erba’ termini Griegi importanti: nous, li tfisser ‘il-moħħ’; gnosis, li tfisser ‘għarfien’; pneuma, li tfisser ‘spiritu’; u pnoe, li tfisser ‘nifs’” (Russell M. Nelson, “Repentance and Conversion,” Liahona, Mejju 2007, 103).

    “Xejn ma jilliberana aktar, ma jirraffinana aktar, jew li hu aktar kruċjali għall-progressjoni individwali tagħna milli b’mod regolari u ta’ kuljum niffokaw fuq l-indiema. L-indiema mhijiex xi avveniment; hija proċess. Hija l-element ewlieni għall-ferħ u s-serħan il-moħħ. Meta tħaddimha flimkien mal-fidi, l-indiema tiftaħ l-aċċess tagħna għall-qawwa tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

    “… Esperjenzaw kuljum il-qawwa setgħana tal-indiema—li kuljum tagħmlu u tkunu ftit aħjar.

    “Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Aħna nagħżlu li nikbru spiritwalment u nirċievu l-hena—l-hena tal-fidwa fih. Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu!” Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67.

    “Skopru l-hena tal-indiema ta’ kuljum.

    “Kemm hi importanti l-indiema? Alma għallem li aħna ma għandna ‘ngħallmu xejn ħlief dwar l-indiema u l-fidi fil-Mulej’ [Mosija 18:20]. L-indiema hi meħtieġa għal kull persuna kontabbli li tixtieq il-glorja eterna. M’hemm l-ebda eċċezzjoni. …

    “Li nimxu fit-triq tal-patt, flimkien mal-indiema ta’ kuljum, twassal għal spinta spiritwali pożittiva” (Russell M. Nelson, “Il-Qawwa ta’ Spinta Spiritwali,” Liahona, Mejju 2022, 98–99).

  18. Ara Mark 5:25–34.

  19. Ara Mattew 8:5–13.

  20. Ara Mattew 8:1–4.

  21. Ara Mark 5:22–43.

  22. Ara Mark 10:46–52.

  23. Ara Mark 9:17–27.

  24. Ara Ġwanni 8:3–11.

  25. Ara Luqa 7:12–15.

  26. Ara Ġwanni 5:1–9.

  27. Ara Ġwanni 9:1-7.

  28. Ġwanni 19:30.

  29. Ara Alma 34:14–16.

    “Meta s-Salvatur qal, ‘Kollox mitmum,’ hu kien qed jirreferi għall-esperjenza mortali tiegħu, għax il-kruċifissjoni tiegħu kienet biss marka fil-qawwa dejjem tespandi tiegħu” (Spencer W. Kimball, f’Conference Report, Apr. 1946, 49).

    “Is-Salvatur ma temmx il-ħidma tiegħu meta huwa miet fuq is-salib, meta għajjat, ‘Kollox mitmum.’ Huwa, meta uża dak il-kliem, ma rrefera bl-ebda mod għall-missjoni kbira tiegħu fuq l-art, iżda sempliċiment għat-tbatija li huwa bata” (Joseph F. Smith, Gospel Doctrine, 5 ed. [1939], 449–50).

  30. Ara Ġwanni 8:29.

  31. 3 Nefi 11:11.

  32. Salm 23:6.