Konferenza Ġenerali
Nieħdu Fuqna Isem Ġesù Kristu
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Nieħdu Fuqna Isem Ġesù Kristu

Aktar ma nidentifikaw ruħna ma’ Ġesù Kristu u niftakru fih, aktar inkunu rridu nsiru bħalu.

Fl-2018, fl-Università ta’ Utah, inħoloq professorat speċjali bl-isem ta’ “Is-Siġġu Presidenzjali Dott. Russell M. Nelson u Dantzel W. Nelson fil-Kirurġija Kardjotoraċika”—cardio, tfisser “qalb,” u thoracic, tfisser “sider.” Din onorat il-ħidma importanti tal-President Nelson bħala kirurgu tal-qalb u l-appoġġ li huwa kellu minn Dantzel, li m’għadhiex magħna. Dan il-professorat għamel tajjeb għalih fondi maħluq biex jibqa’ jintuża fil-ġejjieni. L-individwu li jingħażel għal dan it-tip ta’ professorat prestiġjuż jirċievi rikonoxximent, għajnuna f’salarju, u fondi għar-riċerka.

Dott. Selzman mal-President Nelson

L-ewwel kirurgu li ntgħażel biex jingħata dan il-professorat kien Dott. Craig H. Selzman, kirurgu tal-qalb mill-aktar kapaċi li mhuwiex membru tal-knisja tagħna. Fiċ-ċerimonja biex jingħata dan il-professorat lil Dott. Selzman, kien hemm bosta mistednin importanti, fosthom il-President Nelson u martu Sister Wendy W. Nelson. Matul il-laqgħa, il-President Nelson tkellem b’mod modest dwar il-karriera tiegħu fil-kirurġika fejn huwa kien pijunier.

Mbagħad Dott. Selzman tkellem x’kien ifisser għalih li jinħatar għal dan il-professorat. Huwa semma li erbat ijiem qabel, wara ġurnata sħiħa fil-kamra fejn jopera, huwa skopra li wieħed mill-pazjenti tiegħu kien jeħtieġ li jerġa’ jiġi operat. Huwa kien qed iħossu għajjien u kien ddiżappuntat, għax kien jaf li kellu jgħaddi lejl ieħor fl-isptar.

Dott. Selzman ma’ Sister u President Nelson

Dik il-lejla, Dott. Selzman kellu konverżazzjoni miegħu nnifsu li bidlitlu ħajtu. F’dak il-mument, huwa qal lilu nnifsu: “Nhar il-Ġimgħa, jiena se ningħata professorat msemmi għal Dott. Nelson. Hu minn dejjem kien magħruf bħala bniedem li kien kapaċi jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu, jittratta lil kulħadd b’rispett, u li qatt ma kienet taqbiżlu. Issa li ismi se jkun marbut ma’ tiegħu, jeħtieġ li nipprova nkun aktar bħalu.” Dott. Selzman diġà kien kirurgu tajjeb ħafna. Iżda huwa ried isir kirurgu aħjar.

Fil-passat, it-tìm kirurġiku tiegħu jista’ jkun li kienu jkunu konxji mill-għeja u l-frustrazzjoni tiegħu għax jista’ jkun li kien juri dan f’għemilu u fit-ton ta’ leħnu. Iżda dik il-lejla, fil-kamra tal-operazzjonijiet, Dott. Selzman għamel sforz minn jeddu biex ikun tabilħaqq aktar ta’ appoġġ għat-tìm tiegħu u jifhimhom aktar. Huwa ħass li dan seta’ jagħmel differenza u ddeċieda li jkompli jipprova jkun aktar bħal Dott. Nelson.

Dott. Selzman liebes il-lejpil RMN

Ħames snin wara, il-President Nelson ta bħala donazzjoni l-karti professjonali tiegħu lill-Università ta’ Utah. Dinjitarji mill-università marru biex formalment jirringrazzjaw lill-President Nelson. Waqt dan l-avveniment, tkellem Dott. Selzman għal darb’oħra. Waqt li rrefera għall-President Nelson bl-inizjali tiegħu, RMN, huwa qal, “Aħna tad-diviżjoni tal-Kirurġija Kardjotoraċika fl-Università ta’ Utah nippruvaw inħaddnu l-istess attitudni li kellu ‘RMN.’”

F’sitwazzjonijiet frustranti, Dott. Selman spjega: “Jiena nagħmel dak li ngħallmu lill-apprendisti biex jagħmlu—niffukaw, ma nibqgħux naħsbu x’ġara, u nagħmlu l-almu tagħna. Kull jum qed nadattaw din it-tip ta’ attitudni. Aħna nagħtu lejpil pins lil kull membru tad-diviżjoni u lil kull apprendist ġdid. Fin-naħa t’isfel tal-lejpil hemm l-ittri ‘RMN.’ L-attitudni RMN hija ħaġa mill-aktar fundamentali fit-taħriġ tagħna; aħna ngħallmuha lil kulħadd.” Dott. Selzman intenzjonalment tejjeb l-attitudni u l-aspirazzjonijiet li kellu qabel minħabba li ismu issa kien marbut ma’ dak tal-President Nelson.

Din is-sensiela ta’ avvenimenti li jinvolvu lil Dott. Selzman wassluni biex nistaqsi lili nnifsi: “Jiena kif inbdilt minn meta ismi ġie marbut ma’ isem Ġesù Kristu? Jiena adottajt attitudni Kristjana b’riżultat ta’ dan? Ippruvajt jiena li ġenwinament insir aħjar u nsir bħalu?”

Fl-esperjenza ta’ Dott. Selzman, nistgħu naraw ta’ lanqas ħames tixbiħat mal-proċess li permezz tiegħu aħna nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu. Minkejja li l-proċess jibda bil-magħmudija, huma ma jkunx komplut qabel ma aħna nsiru aktar safja u qaddisa u nsiru aktar bħalu.

L-ewwel parallel huwa l-identifikazzjoni. Il-ħatra ta’ Dott. Selzman għall-professorat ta’ Nelson rabat ismu ma’ dak tal-President Nelson, u Dott. Selzman beda jidentifika ruħu mal-President Nelson. Meta aħna nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu, aħna norbtu isimna ma’ tiegħu. Aħna nidentifikaw ruħna miegħu. Aħna b’ferħ nibdew nissejħu Kristjani. Aħna nagħrfu lis-Salvatur u b’wiċċna minn quddiem nuru li aħna tiegħu.

Marbut mill-viċin mal-identifikazzjoni nsibu parallel ieħor—it-tifkira. Meta Dott. Selzman imur fl-uffiċċju tiegħu, għajnejh imorru fuq il-medalja li huwa rċieva meta ġie maħtur għall-professorat ta’ Nelson. Din il-medalja tfakkru kuljum fl-attitudni ta’ RMN. Għalina, li kull ġimgħa nieħdu sehem fis-sagrament jgħinna biex niftakru f’Ġesù Kristu matul il-ġimgħa. Hekk kif nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nagħmlu dan b’tifkira tal-prezz li Huwa ħallas biex jifdina. Aħna nagħmlu patt mill-ġdid li sejrin niftakru fih, sejrin nagħrfu l-kobor tiegħu, u napprezzaw tjubitu. Aħna kontinwament nagħrfu li huwa biss fih u permezz tal-grazzja tiegħu li aħna niġu meħlusa mill-mewt fiżika u spiritwali.

It-tifkira tfisser li aħna nimxu wara l-parir mogħti mill-profet tal-Ktieb ta’ Mormon, Alma. Aħna “naraw li kulma nagħmlu nagħmluh għall-Mulej, u kull fejn immorru mmorru għall-Mulej; … naraw li ħsibijietna ikunu dejjem fil-Mulej; … u naraw li fil-fond ta’ qalbna ikollna għal dejjem lill-Mulej.” Anke meta moħħna jkun mgħobbi bi ħwejjeġ oħra, Hu għandu jibqa’ dejjem f’moħħna, l-istess kif nibqgħu niftakru isimna, irrispettivament fuq xiex inkunu qed niffokaw.

Li niftakru aktar dak li għamel għalina s-Salvatur huwa t-tielet parallel—l-imitazzjoni. Dott. Selzman beda jimita lill-President Nelson u l-attitudni RMN. Nemmen li l-attitudni tal-President Nelson hija sempliċiment manifestazzjoni tad-dixxipulat tiegħu ta’ Ġesù Kristu li għex tul ħajtu. Għalina, aktar ma nidentifikaw ruħna ma’ Ġesù Kristu u niftakru fih, aktar inkunu rridu nsiru nixbhuh. Bħal dixxipli tiegħu, aħna ninbidlu għall-aħjar meta niffokaw fuqu, aktar milli niffokaw fuqna nnifisna. Aħna nagħmlu li nistgħu biex insiru bħalu, u nippruvaw nitbierku bil-kwalitajiet tiegħu. Aħna nitlobu b’qawwa li qalbna tkun mimlija karità, l-imħabba safja ta’ Kristu.

Kif għallem il-President Nelson f’April: “Hekk kif il-karità ssir parti min-natura tagħna, aħna ma jkollniex aktar l-impuls li nċekknu lil ħaddieħor. Aħna ma nkomplux niġġudikaw lil ħaddieħor. Aħna nibdew nuru karità ma’ dawk li ġejjin minn oqsma oħra tal-ħajja. Il-karità lejn kulħadd … hija xi ħaġa essenzjali għall-progress tagħna. Il-karità hija s-sisien ta’ karattru pjetuż.” Minbarra l-karità, aħna nippruvaw, “nikkultivaw, nużaw, … nespandu” doni spiritwali oħra mingħand is-Salvatur, fosthom l-integrità, is-sabar, u d-diliġenza.

Li nimitaw lil Ġesù Kristu jwassalna għar-raba’ parallel—allinjament mal-għanijiet tiegħu. Aħna ningħaqdu miegħu f’ħidmietu. Bħala kirurgu, Dott. Nelson kien magħruf bħala għalliem, tabib, u riċerkatur. Il-lejpil pin li kienu jużaw fid-diviżjoni ta’ Dott. Selzman jenfasizza dan kollu, permezz tal-kliem għallem, fejjaq, u skopri. Għalina, parti milli nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu tinvolvi li minn jeddna, intenzjonalment, u b’entużjażmu nallenjaw l-għanijiet tagħna ma’ tiegħu. Aħna ningħaqdu miegħu f’ħidmietu meta “nħobbu, nixxerjaw, u nistiednu.” Aħna ningħaqdu miegħu f’ħidmietu meta nimministraw lil ħaddieħor, speċjalment lill-vulnerabbli u lil dawk li sfaw imweġġa’, imfarrka, jew imġarrfa minħabba l-esperjenzi tagħhom fid-dinja.

Għalhekk aħna nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu b’aktar qawwa permezz tal-identifikazzjoni, tat-tifkira, tal-emulazzjoni, u l-allinjament. Jekk nagħmlu dawn l-erbgħa jwassalna għall-ħames parallel—li ningħataw il-qawwa. Aħna naċċessaw il-qawwa u l-barkiet ta’ Alla f’ħajjitna. Il-professorat ta’ Nelson jipprovdi lil Dott. Selzman ir-rikonoxximent u l-fondi ta’ għajnuna li hu qed juża biex jibdel il-kultura fid-diviżjoni tiegħu. Huwa japplika did “id-dota ta’ qawwa” biex jgħin lil ħaddieħor. Bl-istess mod, meta aħna nieħdu fuqna isem is-Salvatur, Missierna fis-Smewwiet iberikna bil-qawwa tiegħu biex jgħinna nwettqu l-missjoni tagħna fil-mortalità.

Hekk kif aħna nagħmlu aktar patti ma’ Alla, aħna nieħdu fuqna b’mod aktar sħiħ l-isem ta’ Ġesù Kristu. Konsegwentament, Alla jberikna b’doża akbar tal-qawwa tiegħu. Kif għallem il-President Nelson: “Kull persuna li tagħmel il-patti fil-fonti tal-magħmudija u fit-tempji—u tħarishom—għandha aċċess akbar għall-qawwa ta’ Ġesù Kristu. … “Il-premju talli nħarsu l-patti ma’ Alla huwa qawwa divina … li ssaħħaħna sabiex inkunu nistgħu nikkumbattu l-isfidi, it-tiġrib, u l-uġigħ il-qalb tagħna aħjar.”

Aħna nsiru aktar spiritwalment riċettivi. Aħna jkollna aktar kuraġġ biex nikkonfrontaw ċirkustanzi impossibbli. Aħna nissaħħu aktar fid-deċiżjoni tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu. Aħna nindmu aktar malajr u nerġgħu lura lejh meta aħna naqgħu fit-trasgressjoni. Aħna nsiru aħjar fl-abbiltà tagħna li naqsmu ma’ ħaddieħor l-evanġelju tiegħu bil-qawwa u l-awtorità tiegħu. Aħna ngħinu lil dawk fil-bżonn waqt li nkunu nies li niġġudikaw anqas, ferm anqas. Aħna niksbu maħfra ta’ dnubietna. Aħna jkollna aktar paċi, u nkunu aktar ferħanin għax inkunu nistgħu nithennew dejjem. Il-glorja tiegħu tkun madwarna, u l-anġli tiegħu jieħdu ħsiebna.

Is-Salvatur jistedinna, “Ejjew għand il-Missier f’ismi, u meta jkun il-waqt intom tirċievu l-milja tiegħu.” Nitlobkom biex tagħmlu dan. Ejjew għand Missierna fis-Smewwiet. Ħudu fuqkom isem Ġesù Kristu. Identifikaw ruħkom miegħu. Dejjem ftakru fih. Agħmlu l-almu tagħkom biex issiru bħalu. Ingħaqdu miegħu f’ħidmietu. Iksbu l-qawwa u l-barkiet tiegħu f’ħajjitkom. Naqqxu isimkom f’qalbkom, minn jeddkom u minn rajkom. Dan jagħmilkom “denji” quddiem Alla u jikkwalifikakom biex is-Salvatur ikun id-difensur tagħkom. Intom issiru werrieta eżaltati fis-saltna ta’ Missierna fis-Smewwiet, werrieta flimkien mal-Ewwel Wild, il-maħbub Salvatur u Feddej tagħna.

Huwa jgħix. Jiena naf dan b’ċertezza. Huwa jħobbkom. Huwa ta ħajtu għalikom. Huwa jitlobkom sabiex tersqu lejn il-Missier permezz tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Il-fond jirreferi għalih bħala dota.

  2. Kisba sinifikattiva partikolari hija l-ħidma tal-President Nelson biex ġiet żviluppata l-ewwel magna tal-bajpas tal-qalb u l-pulmun li tintuża fl-operazzjoni tal-qalb.

  3. Il-President Nelson qal li fit-taħriġ tiegħu fil-kirurġika, wieħed kirurgu fit-teatru tal-operazzjonijiet tilef il-boxxla u xeħet skalpell li spiċċa niżel fuq driegħ il-President Nelson. Il-President Nelson qal: “Din l-esperjenza ħalliet impressjoni kbira fuqi. F’dik is-siegħa stess, għamilt wegħda miegħi nnifsi li jiġri x’jiġri fit-teatru tiegħi, jien qatt ma nitlef il-kontroll tiegħi nnifsi. Dakinhar ħlift li qatt ma nwaddab xejn f’mument ta’ rabja—la skalpell u lanqas kliem” (“Meħtieġa Nies li Jġibu l-Paċi,” Liahona, Mejju 2023, 98).

  4. Id-donazzjoni kienet tinkludi aktar minn 7,000 rapport ta’ operazzjonijiet, flimkien ma’ karti ta’ riċerka u kitbiet professjonali oħra li nġabru waqt il-karriera medika mill-aktar straordinarja tal-President Russell M. Nelson.

  5. Kienu bosta n-nies li ndirizzaw lill-President Russell M. Nelson, fosthom il-president tal-Università ta’ Utah, il-President Taylor R. Randall, li rrefera għall-President Nelson bħala l-aktar ex-student distint tal-Università ta’ Utah.

  6. Il-kelma ethos tiddeskrivi “il-karattru, is-sentiment, in-natura morali, jew it-twemmin li jiggwida lil dak li jkun, li jiddistingwi persuna, grupp jew istituzzjoni” (Merriam-Webster.com Dictionary, “ethos”).

  7. Fl-2018, jien u marti, Ruth, kellna l-opportunità li nattendu ċ-ċerimonja li fiha Dott. Selzman ġie nħatar għall-professorat Nelson. Fl-2023, kelli l-opportunità nattendi l-avveniment formali meta l-President Nelson rregala l-karti professjonali tiegħu lill-Università ta’ Utah.

  8. Ara Moroni 7:48.

  9. Il-kelma Ebrajka tradotta bħala “nieħdu” fil-frażi “nieħdu fuqna isem Kristu” tfisser li “nelevaw” jew inġorru,” kif wieħed jagħmel lil xi stendard li jidentifika ruħu miegħu bħala individwu jew grupp (ara James Strong, The New Strong’s Exhaustive Concordance of the Bible [1984], Hebrew dictionary section, paġna 80, numru 5375).

  10. Ara 2 Nefi 10:24; Moroni 10:32–33; Doctrine and Covenants 76:69.

  11. Alma 37:36.

  12. Dott. Selzman ġie kkwotat li qal: “Kull meta tibda titkellem dwar il-kura tas-saħħa mal-President Nelson, għajnejh jixegħlu. … Kemm hi ħaġa sabiħa tara kif huwa jimtela’ b’enerġija kbira kull meta jitkellem dwar dawk il-ħwejjeġ” (f’Sydney Walker, “As President Nelson Turns 100, His Family and Associates Reflect on His Life and Legacy,” Church News, 7 ta’ Sett., 2024, thechurchnews.com). Jiena personalment rajt għajnejn il-President Russell M. Nelson “jixegħlu”, iżda żgur li ma jixegħlux daqs meta huwa kien jitkellem dwar Ġesù Kristu.

  13. Ara Moroni 7:47–48.

  14. Russell M. Nelson, “Kunfidenti fil-Preżenza ta’ Alla,” Liahona, Mejju 2025, 128.

  15. Ara 1 Korintin 12:31; Doctrine and Covenants 46:8.

  16. Russell M. Nelson, “Il-Parteċipazzjoni tal-Aħwa Nisa fil-Ġabra ta’ Iżrael,” Liahona, Nov. 2018, 69.

  17. Ara Preach My Gospel: A Guide to Sharing the Gospel of Jesus Christ (2023), 123.

  18. Ara Moses 1:39. It- Tema tal-Kworum tas-Saċerdozju ta’ Aron tibda: “Jiena iben maħbub ta’ Alla, u Huwa għandu ħidma għalija xi nwettaq” (Gospel Library). It- Tema tat-Tfajliet. tiddikjara: “Bħala dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, nagħmel l-almu tiegħi biex insir nixbhu. Jiena nfittex u naġixxi skont ir-rivelazzjoni personali u nimministra lill-oħrajn fl-isem imqaddes tiegħu” (Librerija tal-Evanġelju).

  19. Ara Dieter F. Uchtdorf, “Il-Ħidma Missjunarja: Aqsmu mal-Oħrajn Dak li Hemm f’Qalbkom,” Liahona, Mejju 2019, 16–18; Gary E. Stevenson, “Ħobbu, Ixxerjaw, Stiednu,” Liahona, Mejju 2022, 84–87.

  20. Kmieni fil-ministeru mortali tiegħu, is-Salvatur spjega l-għan tiegħu għalina billi kkwota minn Isaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, inrodd il-ħelsien lill-maħqurin” (Luqa 4:18).

  21. Anke t-talb tagħna lil Missierna fis-Smewwiet jinbidel. Kif hemm miktub fid-Dizzjunarju tal-Bibbja taħt “Talb”: “Il-Kristjani huma mgħallmin sabiex jitolbu f’isem Kristu. Aħna nitolbu f’isem Kristu meta moħħna huwa moħħ Kristu, u meta xewqatna huma xewqat Kristu—meta kliemu ikun jgħammar fina. Aħna nitolbu għal ħwejjeġ li hu possibbli li Alla jagħtihomna. Bosta talb jibqa’ mhux mismugħ għax ma jkunx f’isem Kristu; dan it-talb ma jirrappreżentax ħsibijietu iżda huwa frott l-egoiżmu li hemm f’qalb il-bniedem.”

  22. Ara Doctrine and Covenants 109:26.

  23. Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 96; enfażi miżjuda.

  24. Ara Doctrine and Covenants 109:21–22. Fil-frażi “meta n-nies tiegħek jaqgħu fit-trasgressjoni, xi ħadd minnhom” tintuża l-kelma “meta,” mhux “jekk.” Dan jissuġġerixxi li s-Salvatur jifhem li aħna lkoll naqgħu fit-trasgressjoni, niżbaljaw, u nidinbu. Iżda l-pjan hu li aħna “nindmu malajr” biex “nerġgħu ningħataw il-barkiet” li ġejna mwiegħda.

  25. Ara Ġwanni 16:33; Mosija 4:11; 18:26; Alma 36:2, 28–29; Għeter 7:27; Moroni 9:25.

  26. Ara Doctrine and Covenants 109:22.

  27. Doctrine and Covenants 93:19.

  28. Mormon iddeskriva x’ġara lil niesu meta Kristu ma kienx involut f’ħajjithom. Niesu “darba kienu poplu mill-aktar dħuli, u kellhom lil Kristu bħala r-ragħaj tagħhom; iva, huma kienu mmexxijin sewwasew minn Alla l-Missier. Iżda issa, araw, huma jinsabu mmexxijin minn Satana, l-istess kif karfa tiġi mmexxija permezz tar-riħ, jew kif dgħajsa tixxengel ’l hemm u ’l hawn fuq mewġ il-baħar, mingħajr qlugħ jew ankra, bla ma ħadd jidderiġiha; u huma l-istess, bħalha” (Mormon 5:17–18). Bis-Salvatur f’ħajjitna, aħna nkunu mberkin bil-qawwa, bl-istabilità, u bid-direzzjoni.

  29. Doctrine and Covenants 109:24.

  30. Ara Doctrine and Covenants 45:3–5.

  31. Ara Rumani 8:17.