Konferenza Ġenerali
Profeti ta’ Alla
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Profeti ta’ Alla

Li nisimgħu u nobdu dak li jgħidilna l-profeta huwa kruċjali biex aħna nadottaw kull ħaġa li hija tajba sa jum it-Tieni Miġja.

Għeżież żgħażagħ, x’sezzjoni tal-konferenza mill-isbaħ qed nattendu għaliha! Diġà smajna minn tlett Appostli ħajjin ta’ Ġesù Kristu. X’barka meraviljuża! U għad baqgħalna nisimgħu minn wieħed ieħor, mill-Presbiteru Henry B. Eyring. Il-festa spiritwali tkompli!

Meta jien tkellimt is-sena l-oħra, tgħallimna kif nistgħu niffaċċjaw din id-dinja permezz tal-esperjenza ta’ David ma’ Gulija. Tiftakruhom il-ħames ġebliet? Illum, se naqsam magħkom storja mit-Testment il-Qadim li jiena qrajt meta kont daqskom, li nibtet fija x-xewqa li nkun bħall-protagonista. Il-Bibbja ma tgħidilniex x’jisimha, għalhekk se nsejħuha l-mara ta’ Sunem għax hekk jismu r-raħal li ġejja minnu.

Mara tagħmel il-ħobż għall-profeta

Darba waħda, il-profeta Eliżew kien jinsab għaddej minn Sunem, u naqraw li hemmhekk “kienet toqgħod mara għanja, u din stednitu biex joqgħod jiekol għandha. U kull meta kien jgħaddi minn hemm kien idur għal għandha … biex jiekol.” Nimmaġina li l-profeta Eliżew kien kuntent ferm bl-istedina li jiekol fid-dar tagħha! Huwa kien diġà mar għandha bosta drabi, meta darba l-mara qalet lil żewġha, “Issa, jien żgura li dan ir-raġel hu raġel qaddis ta’ Alla.”

Il-mara qalet, “Issa, jien żgura.” Jidher li hija stiednet lil Eliżew f’darha mingħajr ma kienet taf li kien profeta; hija rċeviet ix-xhieda tagħha permezz tal-Ispirtu s-Santu billi semgħet bir-reqqa dak li kellu xi jgħid u x’jgħallem Eliżew. (Ftakru, dak iż-żmien ma kien hawn l-ebda ritratti! Għalhekk kien diffiċli li tagħraf il-profeta sempliċiment billi tħares lejn wiċu.)

Mara tħejji kamra għall-profeta

Iżda l-istorja ma tintemmx hawn. Jum fost l-oħrajn, il-mara qalet lil żewġha, “Ħa ntellgħulu għorfa, … u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu u mnara, u meta jgħaddi għandna, ikun jista’ jidħol fiha.”

Din il-mara fidila kienet lesta li tibni kamra f’darha biex il-profeta, meta jkun għaddej mill-belt, ikollu post fejn joqgħod!

Illum, nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-iktar importanti minn din l-esperjenza.

Il-Mulej xehed ma’ din il-mara ta’ Sunem li Eliżew kien profeta ta’ Alla, u hija aġixxiet billi fetħet darha biex tilqgħu.

Aħna wkoll nistgħu nirċievu xhieda personali tal-profetai ta’ Alla fi żmienna u niftħu qalbna u moħħna—darna—għall-messaġġ li Missierna fis-Smewwiet għandu għalina f’dawn l-aħħar żminijiet.

Għeżież żgħażagħ, nistedinkom biex tistaqsu lilkom infuskom din il-mistoqsija: “Jiena għandi xhieda personali tal-profetai ħajjin ta’ Alla?”

Ejjew nibdew mill-bidu.

X’inhu profeta? Profeta huwa bniedem li Alla sejjaħlu biex jitkellem f’ismu. Illum hawn profeti fid-dinja l-istess kif kien hawn fiż-żminijiet tal-qedem.

Il-profeti huma veġġenti u rivelaturi. Dan ifisser li huma jistgħu jaraw dak li ħaddieħor ma jistax, u huma jistgħu jħabbru dwar avvenimenti li għad iridu jseħħu. Huma jistgħu wkoll jippreparawna għal żmien ta’ għawġ. Il-profeti jirċievu l-kmandamenti u r-rivelazzjonijiet mingħand il-Mulej. Id- disa’ artiklu tal-fidi jitkellem dwar ir-rivelazzjoni kontinwa f’dawn l-aħħar żminijiet. Hija tgħid, “Aħna nemmnu dak kollu li żvela Alla, dak kollu li qed jiżvela bħalissa, u nemmnu li għad irid jiżvela bosta ħwejjeġ kbar u importanti li jappartienu għas-Saltna ta’ Alla.”

Il-Presbiteru Gary E. Stevenson qal, “Il-Mulej ikompli jiżvela l-kmandamenti u r-rieda tiegħu lill-profeti tiegħu llum għax jixtieq li jwassalna għall-hena f’din il-ħajja u għall-glorja ċelestjali fil-ħajja li jmiss.”

Il-profeti jxandru wkoll l-evanġelju u huma għalliema u messaġġiera spirati ta’ Alla għan-nies kollha tad-dinja.

Kull membru tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu huma profeti, veġġenti, u rivelaturi. Hekk kif iservu bħala kunsill taħt id-direzzjoni tal-Mulej, huma għandhom l-awtorità li jxandru u jinterpretaw id-duttrina u jistabbilixxu l-polisi għall-Knisja tiegħu. Huma jitolbu u jiddeliberaw bir-reqqa, għax id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-kworums jeħtieġ li jkunu unanimi. B’dan il-mod, il-Mulej jiżgurana li tiġi fis-seħħ ir-rieda tiegħu.

Il-profeti jixhdu dwar Kristu—dwar l-eżistenza tiegħu, il-ministeru tiegħu, u d-divinità tiegħu.

Ejja naqraw uħud mix-xhieda tal-profeti fil-Ktieb ta’ Mormon.

Abinadi ħabbar:

“Alla nnifsu se jiġi fost ulied il-bnedmin, u sejjer jifdi lill-poplu tiegħu.

“U għaliex huwa se jgħammar fil-ġisem hu se jkun jissejjaħ Iben Alla.”

Samwel il-Lamanita xehed ukoll li Ġesù Kristu huwa “Bin Alla, Missier is-sema u l-art, il-Ħallieq ta’ kollox mill-bidu taż-żmien.”

U l-profeta Moroni qal, “Jiena rajt lil Ġesù, u … huwa tkellem miegħi wiċċ imb wiċċ.”

Meta Kristu żar lin-Nefiti, waħda mill-ewwel ħwejjeġ li għamel kienet li sejjaħ lit-tnax-il Appostlu. U Huwa qal lin-nies, “Henjin intom jekk tagħtu widen għall-kliem ta’ dawn it-tnax li jiena għażilt.”

Issa, ejja naqsmu flimkien ftit kliem għall-ġenituri jew għal membri oħra tal-familja li qed irabbu t-tfal. Il-Mulej innifsu għallem lil Adam u Eva l-veritajiet tal-pjan tas-salvazzjoni. Mbagħad qalilhom, “Jiena nagħtikom kmandament, biex tgħallmu dawn il-ħwejjeġ minn jeddkom lil uliedkom.”

Xi tfisser li ngħallmu minn jeddna? Ifisser li ngħallmu l-veritajiet tal-evanġelju, li jkollna xhieda personali tagħhom, u li naqsmu dan l-għarfien ma’ wliedna. Ifisser li tippromwovu kemm il-mumenti ta’ tagħlim formali kif ukoll informali. Ifisser li ngħixu skont dak l-għarfien u dik ix-xhieda.

Il-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi lill- 2,060 gwerrier żagħżugħ bħala “nies ta’ fiduċja u bil-għaqal, għax huma kienu ġew mgħallmin biex iħarsu l-kmandamenti ta’ Alla u jimxu fis-sewwa quddiemu.” Dawn iż-żgħażagħ obdew b’fedeltà lil Ħelaman, li f’dak iż-żmien kien il-mexxej militari tagħhom kif ukoll il-profeta tagħhom, u huma rrikonoxxew li ommijiethom kienu mlewlhom qalbhom bil-verità u l-fidi.

Lilna l-ġenituri, f’din id-dinja mimlija ilħna u xi kultant dlam kbir, Alla nnifsu ordnalna biex inrabbu lil uliedna fid-dawl u l-verità. Huwa fdana bir-responsabbiltà li ngħallmu lil uliedna l-veritajiet tas-salvazzjoni tal-evanġelju. Jekk ma nagħmlux dan, id-dinja żgur mhijiex se tagħmel dan.

Għeżież ħbieb tiegħi, għandi stedina għalikom: Fil-jiem li ġejjin, nistedinkom biex tinżlu għarkubbtejkom, tiftħu qalbkom, u titolbu bil-fidi lil Missierna fis-Smewwiet u titolbuh sabiex jikkonfermalkom li l-profeta u l-appostli magħżula tiegħu huma l-leħen tiegħu fid-dinja llum.

Il-mara ta’ Sunem għallmitna li aħna jista’ jkollna din ix-xhieda permezz tal-Ispirtu s-Santu. Inwegħidkom li ladarba nsiru nafu li huma l-magħżulin ta’ Alla, ħajjitna ssir aktar faċli minkejja l-isfidi kontinwi tagħna hekk kif aħna nobdu dak li jgħidulna b’fiduċja, fidi, u tama. Li nisimgħu u nobdu dak li jgħidilna l-profeta huwa kruċjali biex aħna nadottaw kull ħaġa li hija tajba sa jum it-Tieni Miġja tas-Salvatur tagħna.

Il-ħażen fid-dinja qed jikber, iżda l-Knisja ta’ Ġesù Kristu u s-saltna tiegħu u b’saħħithom aktar minn qatt qabel. Sijon qed tilbes l-ilbies sabiħ tagħha, u t-tron ta’ Kristu mhuwiex se jaqa’. Il-Mulej jistenniena li nkunu b’saħħitna fix-xhieda tagħna, mimlijin fidi, u li nindmu kuljum. Is-Salvatur tagħna jiddependi minn kull wieħed u waħda minna biex immexxu ’l quddiem il-ħidma tiegħu.

Darba waħda, il-Profeta Joseph Smith qal, “L-aħwa m’għandniex aħna nibqgħu mexjin f’kawża daqstant kbira?” Madankollu, peress li l-messaġġ tiegħi huwa l-aktar għalikom, iż-żgħażagħ, nixtieq li nuża l-kelma żgħażagħ minflok aħwa. Lesti?

“[O żgħażagħ], m’għandniex aħna nibqgħu mexjin f’kawża daqstant kbira? Imxu ’l quddiem u mhux lura. Kuraġġ, [O żgħażagħ]; u ibqgħu, mexjin sar-rebħa! Ħallu lil qalbkom tifraħ, u kunu verament kuntenti.

Jiena grata għall-gwida u l-ħidma kkonsagrata tal-profeti ħajjin. Naqsam ix-xhieda solenni tiegħi magħkom li huma msejħin minn Alla biex jiggwidaw, jistabbilixxu, u jmexxu s-saltna tiegħu fuq l-art illum. U dejjem se jkun dan. Dejjem se jkun il-Mulej li jagħżel lill-qaddejja tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. It-traduzzjoni għall-Ispanjol ta’ din il-frażi ġġib it-tifsira “tistieden b’insistenza.”

  2. 2 Slaten 4:8.

  3. 2 Slaten 4:9; enfażi miżjuda.

  4. 2 Slaten 4:10.

  5. Ara Għamos 3:7.

  6. “Taħt id-direzzjoni tal-Mulej, il-President tal-Knisja jippresedi fuq il-Knisja u huwa l-uniku persuna fid-dinja awtorizzata li teżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju. … Huwa għandu l-awtorità li jirċievi r-rivelazzjoni u li jxandar ir-rieda ta’ Alla għall-Knisja kollha” (General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 5.1.1.1, Gospel Library).

  7. Ara Doctrine and Covenants 1:38.

  8. Gary E. Stevenson, “The Gospel of Jesus Christ: A Cheering Sound,” For the Strength of Youth, Lulju 2025, 5.

  9. Ara Mattew 28:19–20; Doctrine and Covenants 21:1, 4–5; 107:35.

  10. “Kull Appostlu jħaddan l-imfietaħ tas-saltna u jeżerċita dawk l-imfietaħ taħt id-direzzjoni tal-President tal-Knisja” (General Handbook, 5.1.1.1).

  11. Ara General Handbook, 5.1.1.1.

  12. Ara Doctrine and Covenants 107:27–31.

  13. “It-Tnax-il Appostlu huma ‘xhieda speċjali’ ta’ isem Ġesù Kristut. … Huma jixhdu mad-dinja kollha dwar id-divinità tiegħu u r-realtà tal-Qawmien tiegħu” (General Handbook, 5.1.1.1).

  14. Mosija 15:1–2.

  15. Ħelaman 14:12.

  16. Għeter 12:39.

  17. Rigward il-Ktieb ta’ Mormon, il-Profeta Joseph Smith għallem: “Dan il-ktieb jgħidilna li s-Salvatur tagħna deher f’dan il-kontinent wara l-qawmien tiegħu, li huwa żera’ l-evanġelju hawnhekk fil-milja tiegħu, u fil-kobor, u l-qawwa u l-barkiet tiegħu; li huma kellhom appostli, profeti, ragħajja, għalliema, u evanġelisti; l-istess ordni, l-istess saċerdozju, l-istess ordinanzi, doni, qawwiet, u barkiet, li kienu jgawdu dawk li kienu fil-Kontinent tal-Lvant” (History, 1838–1856, volume C-1 [2 November 1838–31 July 1842], 1282, josephsmithpapers.org).

  18. 3 Nefi 12:1; enfażi miżjuda.

  19. Moses 6:58; enfażi miżjuda.

  20. Ara Doctrine and Covenants 68:25–28.

  21. “Jeħtieġ li naħtfu kull opportunità biex naqsmu t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu mat-tfal. Dawn il-mumenti ta’ tagħlim huma prezzjużi u ferm anqas mill-isforzi bla heda tal-forzi opposti. Għal kull siegħa li ngħaddu niżirgħu d-duttrina fil-ħajja tat-tfal, hemm sigħat bla għadd li fihom l-oppożizzjoni tibbumbardjahom b’messaġġi u immaġini li jisfidaw jew jinjoraw dawk il-veritajiet tas-salvazzjoni.

    “Xi wħud minnkom tafu tistaqsu jekk ikunx aħjar li tressqu lil uliedkom qrib tagħkom permezz tad-divertiment, jew tafu tistaqsu jekk it-tfal hux qed jibdew jiddejqu bit-tagħlim tagħkom. Minflok, aħna nikkunsidraw, ‘Peress li ma tantx għandi ħin u ftit li xejn opportunitajiet, xi kliem tad-duttrina nista’ naqsam magħhom li jsaħħahom kontra l-isfidi inevitabbli għall-fidi tagħhom?’ Il-kliem li taqsam magħhom illum jaf ikun il-kliem li jibqgħu jġorru magħhom, u llum dalwaqt jgħaddi” (Henry B. Eyring, “Id-Duttrina ta’ Ġesù Kristu Hija Sempliċi,” Liahona, Nov. 2024, 97).

  22. Kull żagħżugħ u żagħżugħa huma importanti! (ara Alma 57:6, 20).

  23. Alma 53:21; enfażi miżjuda.

  24. Ara Alma 56:44–48; 57:21.

  25. Ara Doctrine and Covenants 93:40.

  26. Għandna wkoll l-eżempju tal-ġenituri ta’ Enos, li rabbewh “skont it-trawwim u t-twiddib tal-Mulej” (Enos 1:1) u għallmuh dwar “ il-ħajja ta’ dejjem, u l-hena tal-qaddisin” (Enos 1:3). Enos kien jaf sew x’inhu l-karattru ta’ Alla (ara Enos 1:6, 15, 17).

  27. Ara Doctrine and Covenants 21:1–2, 4–6. “Waqt li d-dinja tinsisti li l-poter, il-ġid materjali, il-popolarità, u l-pjaċiri tal-ġisem iġibu l-kuntentizza, mhuwiex il-każ! Ma jistgħux! Dak li jipproduċu mhu xejn ħlief sostitut vojt għall-’istat imbierek u hieni’ ta’ dawk li ’jħarsu l-kmandamenti ta’ Alla’ (Mosija 2:41).

    “Il-verità hi li hi ħaġa li teżawrik ferm aktar li tfittex il-kuntentizza fejn qatt ma tista’ ssibha! Madankollu, meta intom tgħaqqdulilkom infuskom mal-madmad ta’ Ġesù Kristu u tagħmlu l-ħidma spiritwali meħtieġa biex tegħlbu d-dinja, Hu, u Hu biss, għandu l-qawwa li jgħollikom ’il fuq mill-ġibda ta’ did-dinja.

    “Issa, kif tiġi mbierka ħajjitna jekk negħlbu d-dinja? It-tweġiba ċara: meta nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla permezz tal-patti torbotna miegħu b’tali mod li dak kollu relatat mal-ħajja isir aktar faċli. Jekk jogħġobkom tifhmunix ħażn: jien ma għidtx li l-għamil tal-patti jagħme il-ħajja faċli. Fil-fatt, stennew l-oppożizzjoni, għaliex l-avversarju ma jridkomx tiskopru l-qawwa ta’ Ġesù Kristu. Iżda li tintrabtu mas-Salvatur ifisser li jkollkom aċċess għall-qawwa u l-qawwa feddejja tiegħu” (Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 97).

  28. Ara Għeter 8:26; Moroni 7:19–25.

  29. Ara Isaija 52:1.

  30. Ara Salm 125:1; Isaija 28:16.

  31. Doctrine and Covenants 128:22; enfażi miżjuda.

  32. Ara Doctrine and Covenants 1:30.

  33. Ara Artikli tal-Fidi 1:5.