Konferenza Ġenerali
Il-Mulej Qed Iħaffef il-Ħidma Tiegħu
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Il-Mulej Qed Iħaffef il-Ħidma Tiegħu

Hekk kif il-Mulej qed ifittex jagħmel li għandu jagħmel, aħna jeħtieġ li nħobbu, nieħdu ħsieb, u naqdu lil dawk li jaċċettaw l-evanġelju tiegħu.

Charles Dickens magħruf li beda n-novella klassika tiegħu Rakkont ta’ Żewġt Ibliet bid-dikjarazzjoni li “kien l-aqwa żmien, kien l-agħar żmien.” F,ċertu sens, nistgħu ngħidu l-istess għal żmienna.

Ninsabu ngħixu fi żminijiet imqanqla meta “id-dinja kollha tinsab f’konfużjoni.” Dalgħodu l-Presbiteru Gary E. Stevenson enfasizza b’mod sabiħ it-twiddiba tal-President Russell M. Nelson biex bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu għandna nkunu nies li nġibu l-paċi. Din hija parti essenzjali li nrawmu l-għaqda, il-paċi, u l-fejqan għall-“agħar żminijiet.”

Aħna qed ngħixu wkoll fl-“aħjar żminijiet,” u fuq dan se nagħmel enfażi. Il-Mulej fid-daħla tad- Duttrina u Patti, l-1 sezzjoni, iddikjara li l-milja tal-evanġelju se tiġi “mxandra … minn tarf għall-ieħor tad-dinja.” Fi żmienna l-Mulej tassew qed ifittex jagħmel li għandu jagħmel. Aħna għandna nkunu profondament grati ta’ dan, għax dan qed iseħħ minkejja dawn l-isfidi ta’ żmienna. Aħna qed ngħixu fi żmien meta d-dixxipli tal-Mulej għandhom il-privileġġ li jisimgħu leħnu u jwieġbu b’qalb sinċiera u moħħ miftuħ. Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, li huma dedikati lejn is-Salvatur u l-kmandamenti tiegħu, qed isibu f’ħajjithom skop u paċi personali mill-aktar profonda.

Fi żminijiet varji fl-istorja tal-Knisja, kien hemm żieda sinifikanti fl-ammont ta’ nies li daħlu fit-triq tal-patt. Żmien partikolari kien sewwasew bejn l-1837 u l-1850. Xi wħud mill-ewwel Appostli fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej servew missjoni fir-Renju Unit. Dawn il-missjonijiet wasslu biex eluf ingħaqdu mal-Knisja, u sal-1850 kien hemm aktar membri tal-Knisja jgħixu fir-Renju Unit milli kien hemm fl-Istati Uniti. F’dak iż-żmien, il-Mulej ordna lil dawn il-Qaddisin biex jinġabru f’Utah. Emigraw numru kbir ta’ nies, b’xi wħud ingħataw l-għajnuna permezz tal-Fond Perpetwu għall-Emigranti.

Jogħġobni ferm ir-rakkont tal-wasla fil-Wied ta’ Salt Lake ta’ numru kbir ta’ konvertiti mill-Ingilterra u Wales fl-1852. Il-grupp sab tistennieh l-Ewwel Presidenza fil-bidu tal-Kanjon Emigration flimkien mal-banda tal-Kaptan Pitt. Il-ġurnal Deseret News iddeskrivihom bħala “grupp ta’ pellegrini fosthom nisa u tfal, mexjin, maħruqa bix-xemx, u taħt l-effett tat-temp kiefer, iżda minkejja dan ma kenux abbandunati; kienu qalbhom qawwija u ferrieħa, ħaġa evidenti mid-dehra hienja u ta’ ferħ li kellhom fuq wiċċhom.”

Hekk kif “imxew lil hinn mill-Bini tat-Tempju, … eluf ta’ rġiel, nisa, u tfal, inġabru minn partijiet diversi tal-belt biex jagħtuhom ilkoll merħba glorjuża u ta’ ferħ.” Il-President Brigham Young kellimhom u qalilhom: “Nitlob biex il-Mulej Alla ta’ Iżrael iberikkom. … Aħna ilna ħafna nitolbu għalikom; tlabna għalikom, jum wara jum, eluf ta’ talbiet lil Dak li ordnalna biex niġbru flimkien lil Iżrael, biex insalvaw l-ulied il-bnedmin billi nxandrulhom l-evanġelju, u billi nħejjuhom għall-miġja tal-Messija.”

Fl-ispirtu ta’ dik l-okkażjoni ta’ ferħ, ippermettuli għal darb’oħra niżgura lill-membri ġodda u lil dawk li reġgħu lura fil-Knisja tal-Mulej: aħna nħobbukom; Aħna neħtieġukom; il-Mulej jeħtieġkom. Forsi mhux se nilqgħukom bil-baned jimmarċjaw, iżda nitolbu li l-barkiet tas-smewwiet ikunu magħkom fil-ħidma tagħkom tul it-triq tal-patt li twassal għand Alla l-Missier u Ġesù Kristu fis-saltna ċelestjali.

Hemm evidenza ċara li l-fidi f’Ġesù Kristu qed tikber fi żmienna. Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, kien hemm tkabbir sinifikanti fl-ikkonvertiti u fil-parteċipazzjoni tagħhom F’dawn l-aħħar 36 xahar kienu kważi 900,000 l-ikkonvertiti li ngħaqdu mal-Knisja. Dawn l-ikkonvertiti jagħmlu bejn wieħed u ieħor 5 fil-mija tas-sħubija totali tal-Knisja. Aħna nilqgħu lill-membri l-ġodda b’dirgħajna miftuħa u b’apprezzament kbir għat-triq li intom għażiltu.

Dawn id-900,000 konvertit fl-aħħar 36 xahar qabżu s-sħubija totali tal-Knisja minn dak li kien fil-110 anniversarju tagħha, fl-1940, fejn kien hawn membri ftit aktar minn 860,000 ruħ. Din kienet is-sena li fiha twieldu l-Presbiteru Jeffrey R. Holland, il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf, u s-sena li twelidt jiena wkoll.

Dawn il-membri ġodda meraviljużi ġejjin minn kull parti tad-dinja. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-konverżjonijiet kibru b’aktar minn 20 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel fl-Ewropa, fl-Afrika, fl-Asja, fil-Paċifiku, u fl-Amerika Latina. Fl-Amerika ta’ Fuq rajna tkabbir ta’ 17 fil-mija. Il-ħidma tal-Mulej tkompli miexja ’l quddiem b’qawwa. Dawn in-numri dejjem jikbru huma xhieda ċara li l-evanġelju qed imess il-qlub u jibdel il-ħajjiet ma’ kullimkien.

Fi żmienna, dawn l-ikkonvertiti prezzjużi m’għadhomx aktar jinġabru f’post wieħed ċentrali. Minħabba l-fidi u l-konsagrazzjoni tal-membri tal-Knisja, ir-riżorsi huma disponibbli biex jissapportjaw il-konsagrazzjonijiet—bil-bini ta’ kappelli u tempji—madwar id-dinja kollha. Permezz tal-imfietaħ tas-saċerdozju neċessarji u r-riżorsi pprovduti, l-ordinanzi tas-salvazzjoni issa huma disponibbli fil-parti l-kbira tad-dinja.

Irrispettivament fejn ngħixu, il-membri kurrenti jeħtieġ li jilqgħu lil mijiet ta’ eluf ta’ membri ġodda hekk kif ilqajna lill-Qaddisin Ingliżi u minn Wales li tkellimt dwarhom mill-istorja bikrija tagħna. Jogħġobni d-diskors li għamel il-Presbiteru Gerrit W. Gong f’din is-sezzjoni fejn huwa għallimna li ħadd m’għandu joqgħod bilqiegħda waħdu la b’mod emozzjonali u lanqas spiritwali.

Id-dmir sagru tagħna hu li naċċettaw u nilqgħu lill-membri ġodda u lil dawn li reġgħu lura. Hekk kif il-Mulej qed ifittex jagħmel li għandu jagħmel, aħna jeħtieġ li nħobbu, nieħdu ħsieb, u naqdu lil dawk li jaċċettaw l-evanġelju tiegħu. Aħna nistgħu ngħinu nibnu l-poplu ta’ Sijon, fejn aħna nkunu “ta’ qalb waħda u moħħ wieħed, u ngħammru flimkien fi tjubija.” Biex inkunu ħaġa waħda mal-Mulej jeħtieġ li nkunu ħaġa waħda quddiem il-Mulej. Il-membri kollha, irrispettivament meta kienet id-data tal-magħmudija tagħhom, għandhom responsabbiltà li jilqgħu lil ħaddieħor.

Il-parir tiegħi lill-membri tal-Knisja hu li ngħannqu lil dawn in-nies prezzjużi u magħżula li aċċettaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Il-President Gordon B. Hinckley għallimna li l-membri ġodda jeħtieġu “ħabib, responsabbiltà, u li jiġu mrawma permezz tal-‘kelma t-tajba ta’ Alla’ (Moroni 6:4).” Aħna nistgħu nkunu fost il-ħbieb li jiżguraw lil dawn il-membri ġodda li huma jappartjenu magħna li mhumiex biss mistednin. Aħna nistgħu ngħinuhom jifhmu li huma dixxipli ta’ Ġesù Kristu li jistgħu jimministraw lil ħaddieħor u jaċċettaw is-sejħiet li jservu. L-ikkonvertiti żgħażagħ għandhom jikkunsidraw li jservu missjoni full-time. Kulħadd għandu jara li jgħix ħajja Kristjana.

Ħafna ngħaqdu mal-Knisja minkejja sagrifiċċju personali kbir u kienu jeħtieġu l-imħabba u s-sapport ta’ sħabhom il-Qaddisin.

Lil dawk fostkom li huma ġdida jew li reġgħu lura lejn il-Knisja, hemm sfidi li tafu tħabbtu wiċċkom magħhom. Stabru ftit bikom infuskom. Il-missjunarji għallmukom id-duttrina essenzjali u spjegawlkom il-patti u l-ordinanzi tas-saltna kif insibuhom fl-iskrittura u f’ Preach My Gospel.

Huwa essenzjali li aħna nirċievu l-ordinanzi u l-patti u li ngħixu l-kmandamenti. Iffokaw fuq il-patti neċessarji għall-eżaltazzjoni. Grazzi għall-evanġelju, l-eżaltazzjoni hija ħaġa possibbli, u dan jeħtieġ li aħna nagħmlu u nħarsu l-patti sagri li nagħmlu ma’ Alla. Minbarra l-magħmudija, il-konferma, u l-għotja tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek għall-irġiel, il-patti li nidħlu fihom iseħħu fit-tempju. Għall-mejtin, kull waħda minn dawn l-ordinanzi tas-salvazzjoni titwettaq biss fit-tempju. Għaldaqstant, li titħejjew għat-tempju għandu jkun għan fiż-żmien immedjat.

Xi kultant se tħossukom inadegwati dwar dak li tafu. L-għarfien tal-evanġelju hija barka kbira li niksbuha ftit ftit maż-żmien, iżda mhuwiex ordinanza tas-salvazzjoni. L-evanġelju mhuwiex test ta’ għarfien. Madankollu, kif wiegħed il-President Russell M. Nelson wiegħed: “Hekk kif bl-għajnuna tat-talb intom tistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon kull jum, intom tibdew tieħdu deċiżjonijiet aħjar—kull jum. … Hekk kif intom tixtarru dak li tistudjaw dwaru, jinfetħu għalikom bwieb is-sema, u intom tirċievu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħkom kif ukoll direzzjoni għal ħajjitkom.”

Barra minn hekk, kull sena, skont xi jkun imissu, il-kurrikulu tal-Knisja fil-laqgħat tal-Ħadd ikopri t-Testment il-Qadim, it-Testment il-Ġdid, il-Ktieb ta’ Mormon, u d-Duttrina u Patti. Maż-żmien tħossukom aktar kunfidenti hekk kif l-għarfien tagħkom tal-evanġelju jikber. L-istudju regolari tal-iskrittura jberikkom u jtejjeb ħajjitkom billi jkabbar il-konverżjoni tagħkom għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristut.

Li nitgħallmu d-duttrina safja ta’ Ġesù Kristu hija xi ħaġa li għandna nfittxu li nagħmlu tul ħajjitna, kemm meta niġu biex nifhmu d-duttrina kif ukoll biex ngħixu ħajja Kristjana. Il-patti essenzjali jipprovdulna struttura li nistgħu niddeskrivuha bħala t-triq tal-patt. Dawn il-prinċipji ġew mgħallmin b’qawwa mill-President Nelson. Il-membri kollha, speċjalment dawk ġodda u reġgħu lura, jiġu mberkin meta jistudjaw u jadottaw dawn il-messaġġi profetiċi dwar il-patti u t-triq tal-patt.

Jekk intom tiddeċiedu li tirċievu kull patt neċessarju għall-eżaltazzjoni, intom tkunu diġà tinsabu fit-triq li twassal għas-saltna ċelestjali. Aħna għandna niffokaw fuq it-tempju u l-ordinanzi tat-tempju. Bosta patti huma disponibbli għal kull individwu. Patt minnhom, taż-żwieġ etern, jinvolvi li tgħaqqdu l-isforzi tagħkom ma’ dawk tal-kompanji tagħkom. L-għan tagħna għandu jkun li nsibu dak il-kumpann etern.

Madankollu, taqtgħux qalbkom jekk iż-żwieġ etern mhuwiex xi ħaġa possibbli bħalissa. Il-profeti għallmu li l-ebda barka mhu se tinżamm mill-membri fidili li jħarsu l-kmandamenti. Is-Sultan Benjamin, profeti fil-Ktieb ta’ Mormon, qal dan b’mod sabiħ: “Dawk li jħarsu l-kmandamenti ta’ Alla … jiġu mbierka f’kollox, … u jekk huma … jibqgħu fidili sat-tmiem … huma jkunu jistgħu jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ hena bla tmiem.”

Intom se tindunaw, jekk għadkom ma ndunajtux, li l-membri mhumiex perfetti. Id-duttrina żvelata tagħmilha ċara li fiż-żmien li aħna ngħaddu hawn fid-dinja, aħna sejrin niżbaljaw. Aħna ninsabu ngħixu f’dinja imperfetta u mitlufa, mhux f’dinja ċelestjali. Din il-ħajja hija żmien ta’ prova, b’opportunitajiet kostanti li nindmu u nippruvaw lilna nfusna.

Ilkoll kemm aħna nħossuna inadegwati hekk kif nagħmlu li nistgħu biex insiru bħal Ġesù Kristu. L-Espjazzjoni tiegħu tagħtina ċ-ċans li nindmu ta’ kuljum kull meta niżbaljaw. Kif qal Nefi, profeta ieħor fil-Ktieb ta’ Mormon: “Araw li tibqgħu mexjin ’il quddiem b’fermezza fi Kristu, u b’dija perfetta ta’ tama, u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin ’il quddiem, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu tirreżistu sal-aħħar, araw, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”

Hekk kif aħna nikkontemplaw l-isfidi ta’ żmienna, jeħtieġ li niftakru li s-Salvatur, tul il-ministeru tiegħu fid-dinja, ukoll għex fi żmien mqalleb u vjolenti. Huwa ma bediex jiffoka fuq l-isfidi politiċi ta’ żmienu; iżda fuq il-perfezzjoni tal-Qaddisin.

Li nimxu wara s-Salvatur u d-duttrina u t-tagħlim tiegħu qatt ma kienet xi ħaġa faċli f’dinja li l-ħin kollu tinsab f’konfużjoni. Ma kienx faċli għas-Salvatur f’dinja volatili waqt il-ħajja mortali tiegħu, u mhuwiex faċli għalina, ma kienx faċli għall-ewwel mexxejja u membri tagħna, u mhuwiex faċli għalina. Fortunatament, il-profeti ħajjin jipprovdulna l-gwida li aħna speċifikament neħtieġu għal żmienna. Il-President Dallin H. Oaks se jkompli dak il-legat spiritwali mill-aktar qawwi.

Jiena nixhed li d-duttrina tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija waħda eterna u vera. Jiena naqsam magħkom ix-xhieda ċerta tiegħi li Ġesù Kristu jgħix, u grazzi għall-Espjazzjoni tiegħu, aħna nistgħu nkunu ħaġa waħda ma’ miegħu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.

Noti

  1. Charles Dickens, A Tale of Two Cities (1859), 1.

  2. Waħda mit-temi ta’ Dickens kienet l-idea tat-trasformazzjoni individwali fi żmien ta’ taqlib soċjali.

  3. Doctrine and Covenants 45:26.

  4. Ara Gary E. Stevenson, “Henjin Dawk li Jġibu l-Paċi,” Liahona, Nov. 2025, 6–9.

  5. Doctrine and Covenants 1:23.

  6. Ara Doctrine and Covenants 88:73.

  7. Ara Doctrine and Covenants 59:23; ara wkoll Ġwanni 14:27.

  8. Ara Atti 2:41.

  9. Ara Doctrine and Covenants 112. Din ir-rivelazzjoni ġiet mogħtija nhar it-23 ta’ Lulju, 1837, fil-jum li fih ġie mxandar l-evanġelju fl-Ingilterra f’din id-dispensazzjoni. Għal aktar dwar dawn il-missjonijiet, ara James B. Allen, Ronald K. Esplin, u David J. Whittaker, Men with a Mission: The Quorum of the Twelve Apostles in the British Isles, 1837–1841 (1992).

  10. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-ikkonvertiti kienu ġejjin mill-klassi tal-ħaddiema. Charles Dickens osserva lil xi wħud minnhom hekk kif huma bdew iħejju għall-vjaġġ tagħhom lejn l-Istati Uniti, fuq il-vapur Amazon. Huwa kellu kummenti favorevoli għalihom. Huwa ddeskrivihom bħala, “fil-klassi tagħhom, l-aqwa u l-aħjar li hawn fl-Ingilterra” (“The Uncommercial Traveller,” All the Year Round, 4 ta’ Lulju, 1863, 446). Ara wkoll 1 Korintin 1:26–28.

  11. Ara “Arrival from England, by the ‘Perpetual Emigrating Fund,’” Deseret News, 18 ta’ Sett., 1852, 90.

  12. Ara Doctrine and Covenants 76:62, 70; ara wkoll 1 Korintin 15:40–42.

  13. Informazzjoni pprovduta mir-Reġistri tal-Membri u l-Istatistika u d-Dipartiment Missjunarju.

  14. Informazzjoni pprovduta mir-Reġistri tal-Membri u l-Istatistika u d-Dipartiment Missjunarju.

  15. Informazzjoni pprovduta mir-Reġistri tal-Membri u l-Istatistika.

  16. Informazzjoni pprovduta mir-Reġistri tal-Membri u l-Istatistika u d-Dipartiment Missjunarju.

  17. Fis-snin disgħin tas-seklu dsatax, il-mexxejja tal-Knisja bdew iħeġġu lill-membri biex jibqgħu fl-artijiet nattivi tagħhom minflok ma jinġabru f’Utah. L-ewwel pali barra l-Punent madwar il-muntanji nħoloq fis-snin 20 tas-seklu għoxrin, u l-ewwel pal barra l-Istati Uniti u l-Kanada inħoloq ġewwa New Zealand (ara Brandon S. Plewe, ed., Mapping Mormonism: An Atlas of Latter-day Saint History [2014], 184–85).

  18. Ara Doctrine and Covenants 110:11–16.

  19. Ara Gerrit W. Gong, “Ħadd M’Għandu Joqgħod Bilqiegħda Waħdu,” Liahona, Nov. 2025, 40–43.

  20. Moses 7:18.

  21. Ara Ġwanni 17:20–21; 1 Korintin 12:11–31.

  22. Gordon B. Hinckley, “Converts and Young Men,” Ensign, Mejju 1997, 47.

  23. Ara Ġakbu 2:5; ara wkoll Mattew 19:29; Rumani 2:11; Efesin 2:19; Mosija 18:8–9.

  24. Ara Preach My Gospel: A Guide to Sharing the Gospel of Jesus Christ (2023), 17.

  25. Ara Doctrine and Covenants 14:7.

  26. Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom Mingħajru?,” Liahona, Nov. 2017, 62–63; ara wkoll Spencer W. Kimball: “Meta bħallikieku l-ebda widna divina mhi tisma’,u l-ebda leħen divin mhu jitkellem … jekk aħna nintilfu fl-iskrittura, id-distanza tiċkien u l-ispiritwalità terġa lura” (Teachings of Presidents of the Church: Spencer W. Kimball [2006], 67).

  27. Ara Ġwanni 5:39.

  28. Ara, per eżempju, Russell M. Nelson, “Ħallu lil Alla Jiddomina,” Liahona, Nov. 2020, 92–95; “Il-Qawwa ta’ Spinta Spiritwali,” Liahona, Mejju 2022, 97–100; “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 95–98.

  29. Mosija 2:41.

  30. Ara Alma 34:32.

  31. 2 Nefi 31:20.

  32. Ara Efesin 4:11–15.

  33. Ara Ġwanni 17:20–22.