Inħeġġu lil Xulxin
Huwa biss il-Mulej li jaf verament il-limitazzjonijiet u l-kapaċità individwali tagħna, u minħabba f’hekk, Huwa l-uniku wieħed ikkwalifikat b’mod sħiħ biex jiġġudika l-prestazzjoni tagħna.
M’ilux jiena qrajt dwar esperjenza li messitni fil-fond. Dan seħħ fil-USA Masters Track and Field National Championship-—kompetizzjoni għall-anzjani.
Wieħed mill-parteċipanti fl-avveniment tal-1,500 metru kien Orville Rogers ta’ 100 sena. L-awtur jikteb:
“Mat-tir tal-pistol tal-bidu, l-atleti telqu jiġru, waqt li Orville spiċċa immedjatament fl-aħħar post, fejn baqa’ waħdu għat-tellieqa kollha, ikarkar tlikki tlikki. [Meta] l-aħħar raġel li għadda minn barra Orville spiċċa, Orville kien għad baqagħlu żewġ dawriet u nofs x’jiġri. Kważi 3,000 spettatur baqgħu bilqiegħda fiis-skiet, jarawh jagħmel ftit ftit il-korsa—totalment waħdu, f’silenzju u f’skumdità.
“[Iżda] meta beda l-aħħar dawra tiegħu, il-folla qamet fuq saqajha, tħeġġu u ċċapċap. Sakemm wasal fl-aħħar tat-tellieqa, il-folla kienet qed tgħajjat b’ħanġra daqsiex. Bl-inkuraġġiment ferrieħi ta’ eluf ta’ spettaturi, Orville irnexxielu jsib l-aħħar riservi ta’ enerġija tiegħu. Il-folla splodiet bil-ferħ hekk kif huwa qabeż il-linja tal-aħħar żmien u spiċċa mgħannaq mill-kompetituri tiegħu. Orville b’umiltà u bi gratitudni xejjer lill-folla u mexa ’l barra mill-korsa flimkien mal-ħbieb il-ġodda tiegħu.”
Din kienet il-ħames tellieqa tal-kompetizzjoni għal Orville, u f’kull waħda mill-avvenimenti l-oħra, kien ukoll spiċċa fl-aħħar post. Xi wħud forsi waslu biex jiġġudikaw lil Orville, u jgħidu li ma kellux jikkompeti fl-età tiegħu—li postu ma kienx fil-korsa għaliex tawwal ħafna l-avvenimenti tiegħu u dan affettwa lil kulħadd.
Iżda minkejja li hu dejjem spiċċa l-aħħar, dakinhar Orville kiser ħames rekords tad-dinja. Ħadd minn dawk li kienu qed jarawh itellaq ma seta’ jemmen li dan kien possibbli, iżda la l-ispettaturi u lanqas il-kompetituri tiegħu ma kienu l-imħallfin. Orville ma kiser l-ebda regoli, u l-uffiċjali ma baxxew l-ebda standards. Huwa ġera l-istess tellieqa u ssodisfa l-istess ħtiġijiet bħall-kompetituri l-oħra kollha. Iżda l-livell ta’ diffikultà tiegħu—f’dan il-każ, l-età tiegħu u l-kapaċità fiżika limitata tiegħu—ittieħdu inkonsiderazzjoni u għalhekk tqiegħed fid-diviżjoni ta’ ’l fuq minn 100 sena. U f’dik id-diviżjoni, huwa kiser ħames rekords tad-dinja.
L-istess kif Orville kellu bżonn kuraġġ kbir kull darba li kellu jinżel f’dik il-korsa, jeħtieġ ukoll kuraġġ kbir għal xi wħud minn ħutna biex kuljum joħorġu fl-arena tal-ħajja, għax jafu li huma jistgħu jiġu ġġudikati b’mod inġust anki jekk qed jagħmlu l-almu tagħhom kontra ostakli serji biex jimxu wara s-Salvatur u jonoraw il-patti tagħhom miegħu.
Irrispettivament fejn ngħixu fid-dinja, hi x’inhi l-età tagħna, hija ħtieġa umana bażika li lkoll kemm aħna nħossu sens ta’ appartenenza, li nħossu li aħna mixtieqa u meħtieġa u li ħajjitna għandha għan u tifsira, huma x’nhuma ċ-ċirkustanzi jew il-limitazzjonijiet tagħna.
Fl-aħħar dawra tat-tellieqa, il-folla ħeġġet lil Orville b’qawwa kbira, u din tagħtu s-saħħa biex jibqa’ għaddej. Ma kenitx ħaġa importanti li hu spiċċa l-aħħar. Għall-parteċipanti u l-folla, din kienet xi ħaġa ferm aktar minn kompetizzjoni. B’bosta modi, dan kien eżempju sabiħ tal-imħabba tas-Salvatur fl-azzjoni. Meta Orville temm it-tellieqa, huma lkoll ferħu flimkien.
L-istess bħall-Masters Championship, il-kongregazzjonijiet u l-familji tagħna jistgħu jkunu postijiet fejn aħna nħeġġu lil xulxin—komunitajiet tal-patt imħeġġin mill-imħabba ta’ Kristu għal xulxin—ngħinu lil xulxin jegħlbu kull sfida li niffaċċjaw, u hekk nagħtu lil xulxin qawwa u inkuraġġiment mingħajr ma niġġudikaw lil xulxin. Aħna neħtieġu lil xulxin. Il-qawwa divina niksbuha mill-għaqda, u huwa għalhekk li Satana għandu l-intenzjoni li jifridna.
Sfortunatament, għal xi wħud minna, li nattendu l-knisja xi kultant jaf ikun diffiċli għal diversi raġunijiet differenti. Jista’ jkun xi ħadd li qed jitqabad ma’ ċerti mistoqsijiet ta’ fidi jew xi ħadd b’anzjetà jew dipressjoni soċjali. Jista’ jkun xi ħadd minn xi pajjiż jew razza differenti jew xi ħadd b’esperjenzi differenti tal-ħajja jew modi kif wieħed jista’ jara ħwejjeġ, li jafu jħossu bħal ħuta barra mill-ilma. Taf anke tkun sitwazzjoni ta’ ġenituri ta’ trabi u tfal żgħar imċaħħda mill-irqad u għajjiena emozzjonalment jew xi ħadd li huwa single f’kongregazzjoni mimlija koppji u familji. Jista’ jkun ukoll xi ħadd li qed ifittex il-kuraġġ li jerġa’ lura wara snin mbiegħed jew xi ħadd bil-ħsieb kontinwamnet iberren f’moħħu li mhuwiex addattat u li qatt ma se jħossu jappartjeni.
Il-President Russell M. Nelson qal: “Jekk xi koppja fil-qasam tagħkom jiddivorzjaw, jew xi missjunarju żagħżugħ jasal id-dar qabel iż-żmien, jew xi ħadd adoloxxenti jiddubita t-testimonjanza tiegħu, dawn m’għandhomx bżonn il-ġudizzju tiegħek. Huma għandhom bżonn li jesperjenzaw l-imħabba safja ta’ Ġesù Kristu tirrifletti fi kliemkom u f’għemilkom.”
L-esperjenza tagħna fil-knisja għandha l-għan li tipprovdi konnessjonijiet mill-aktar importanti mal-Mulej u ma’ xulxin li tant huma meħtieġa għall-benesseri spiritwali u emozzjonali tagħna. Inerenti fil-patti li nagħmlu ma’ Alla, mill-punt tal-magħmudija stess, hija r-responsabbiltà tagħna li nħobbu u nieħdu ħsieb xulxin bħala membri tal-familja ta’ Alla, membri tal-ġisem ta’ Kristu, u mhux biss li nimmarkaw kaxxa fuq lista ta’ affarijiet li aħna mistennija nagħmlu.
L-imħabba u l-kura kristjana huma ogħla u aktar qaddisa. L-imħabba pura ta’ Kristu hija l-karità. Kif għallem il-President Nelson, “Il-karità twasslilna biex ‘inġorru t-tagħbija ta’ xulxin’ [Mosija 18:8] minflok ma nordmu t-tagħbijiet fuq xulxin.”
Is-Salvatur qal, “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jigifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” U l-President Nelson kompla: “Il-karità hija l-karatteristika prinċipali ta’ dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.” “l-messaġġ tas-Salvatur huwa wieħed ċar: Id-dixxipli vera tiegħu jibnu, jelevaw, iħeġġu, jipperswadu, u jispiraw. … Kif nitkellmu ma’ ħaddieħor u dwar ħaddieħor … huwa verament importanti.”
It-tagħlim tas-Salvatur dwar dan huwa sempliċi ħafna. Huwa mqassar fir-Regola tad-Deheb: Agħmlu lil ħaddieħor kif tridu lil ħaddieħor jagħmel magħkom. Poġġu lilkom infuskom fil-post ta’ dik il-persuna u ttrattawhom bil-mod kif intom tkunu tridu tiġu ttrattati kieku kontu fiż-żarbun tagħhom.
It-trattament kristjan ta’ ħaddieħor imur lil hinn mill-familji u l-kongregazzjonijiet tagħna. Jinkludi lil ħutna b’twemmin ieħor jew dawk li huma ta’ ebda fidi. Jinkludi lil ħutna minn pajjiżi u kulturi oħra, kif ukoll dawk ta’ persważizzjonijiet politiċi differenti. Aħna lkoll parti mill-familja ta’ Alla, u Hu jħobb lil uliedu kollha. Huwa jixtieq li wliedu jħobbuh u anki lil xulxin.
Il-ħajja tas-Salvatur kienet eżempju ta’ kif aħna nħobbu, niġbru, u nelevaw lil dawk li s-soċjetà kienet iġġudikat bħala mwarrba u imniġġsa. Huwa l-eżempju li aħna mitlubin nimxu warajh. Aħna ninsabu hawn biex niżviluppaw kwalitajiet kristjana u eventwalment insiru bħas-Salvatur tagħna. Tiegħu mhuwiex evanġelju ta’ lista ta’ kontroll; huwa evanġelju ta’ kif insiru—kif insiru bħalu u nħobbu kif iħobb hu. Huwa jridna nsiru poplu ta’ Sijon.
Meta kont riesaqa lejn it-tletin, jien għaddejt minn żmien ta’ dipressjoni qawwija, u f’dak iż-żmien, kien bħallikieku r-realtà li Alla jeżisti f’daqqa waħda intemmet. Ma nistax nispjega is-sentiment sew għajr li ngħid li kont qed inħossni mitlufa għal kollox. Minn mindu kont għadni tifla żgħira, jiena minn dejjem kont naf li Missieri fis-Smewwiet kien jinsab hemm u li stajt nitkellem miegħu. Iżda f’dak iż-żmien, ma bqajtx naf jekk hemmx Alla. Qatt ma kont esperjenzajt xi ħaġa bħal dik qabel f’ħajti, u ħassejt li l-pedament kollu tiegħi kien qed jiġġarraf.
B’riżultat ta’ dan, kien diffiċli għalija li nattendi l-knisja. Bqajt immur, iżda kien parzjalment għaliex kont qed nibża’ li nkun ittikkettata bħala “mhux attiva” jew “anqas fidila,” u kont qed nibża’ li nispiċċa l-proġett assenjat ta’ xi ħadd ieħor. Dak li jien verament kelli bżonn f’dak iż-żmien kien li nħoss l-imħabba ġenwina, l-għarfien, u s-sapport ġenwin minn dawk ta’ madwari, mhux il-ġudizzju.
Xi wħud mis-suppożizzjonijiet li kont qed nibża’ li n-nies kienu se jagħmlu dwari, jien stess kont għamilt dwar ħaddieħor meta huma ma kenux jattendu regolarment il-knisja. Dik l-esperjenza personali mill-aktar diffiċli għallmitni xi lezzjonijiet prezzjużi dwar għalfejn ġejna mitlubin biex ma niġġudikawx lil ħaddieħor b’mod inġurjuż.
Hemm nies minn fostna li qed isofru fis-silenzju, imbeżżgħin li ħaddieħor ikun jaf it-taqbid moħbi tagħhom għaliex ma jafux x’se tkun ir-reazzjoni?
Huwa biss il-Mulej li jaf verament il-livell attwali ta’ diffikultà li bih ilkoll kemm aħna qed niġru t-tellieqa tal-ħajja tagħna—it-tagħbijiet, l-isfidi, u l-ostakli li nħabbtu wiċċna magħhom u li spiss ħaddieħor ma jistax jara. Huwa biss jifhem għal kollox il-ġrieħi li bidlulna ħajjitna u t-trawma li xi wħud minna jafu esperjenzajna fil-passat li għadhom qed jaffettwawna fil-preżent.
Ħafna drabi aħna anke niġġudikaw lilna nfusna b’mod aħrax, għax naħsbu li messna qegħdin ferm aktar ’il quddiem fil-korsa tat-tellieqa. Huwa biss il-Mulej li jaf verament il-limitazzjonijiet u l-kapaċità individwali tagħna, u minħabba f’hekk Huwa l-uniku wieħed ikkwalifikat b’mod sħiħ biex jiġġudika l-prestazzjoni tagħna.
Ħuti, ejjew inkunu bħal dawk l-ispettaturi fl-istorja u nħeġġu lil xulxin fil-vjaġġ tagħna tad-dixxipulat irrispettivament x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna! Dan ma jeħtieġx li aħna niksru r-regoli jew inbaxxu l-istandards. Fil-fatt huwa t-tieni kmandament kbir—li nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. U kif qal is-Salvatur tagħna, “Hekk kif għamiltu ma’ wieħed mill-anqas fost dawn… , għamiltuh miegħi,” għat-tajjeb jew għall-ħażin. Huwa qalilna wkoll, “Jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”
Se jkun hemm mumenti f’kull waħda minn ħajjitna meta aħna nkunu dawk li jeħtieġu l-għajnuna u l-inkuraġġiment. Ejjew nieħdu impenn issa li dejjem inwettqu dan għal xulxin. Hekk kif nagħmlu dan, aħna niżviluppaw aktar għaqda u niffaċilitaw spazju għas-Salvatur biex huwa jagħmel il-ħidma sagra tiegħu li jfejjaqna u jittrasforma lil kull wieħed u waħda minna.
Lil kull wieħed u waħda minnkom li tafu tħossukom li waqajtu lura ferm f’din it-tellieqa tal-ħajja, f’dan il-vjaġġ tal-mortalità, jekk jogħġobkom ibqgħu sejrin. Huwa biss is-Salvatur li jista’ jiġġudika b’mod sħiħ fejn għandkom tkunu f’dan il-punt, u Hu huwa kompassjonali u ġust. Huwa l-Imħallef il-Kbir tat-tellieqa tal-ħajja u l-uniku wieħed li jifhem għal kollox il-livell ta’ diffikultà li bih qed tiġru jew timxu jew tkarkru. Huwa jqis il-limitazzjonijiet tagħkom, il-kapaċità tagħkom, l-esperjenzi tagħkom f’ħajjitkom, u t-tagħbija moħbija li ġġorru, kif ukoll ix-xewqat ta’ qalbkom. Intom jaf ikun li fil-fatt qed tiksru wkoll ir-rekords simboliċi tad-dinja. Jekk jogħġobkom titilfux it-tama. Jekk jogħġobkom, ibqgħu sejrin hekk! Jekk jogħġobkom ibqgħu hemm! Intom tassew tappartjenu! Il-Mulej għandu għandu bżonnkom, u aħna għandna bżonnu!
Tgħixu fejn tgħixu fid-dinja, irrispettivament kemm hu remot il-post, jekk jogħġobkom dejjem ftakru li Missierkom fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħkom jafukom kompletament u jħobbukom b’mod perfett. Intom qatt ma ħa tkunu minsijin minnhom. Huma jridu jġibukom lura d-dar.
Żommu għajnejkom fuq is-Salvatur. Huwa hu l-virga tal-ħadid tagħkom. Terħuhx minn idejkom. Jiena nixhed li Huwa jgħix u li intom tistgħu tafdaw fih. Jiena nixhed ukoll li Hu qed iħeġġiġkom.
Jalla aħna lkoll nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur u nħeġġu lil xulxin hija t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, ammen.