Konferenza Ġenerali
Ħares lejn Alla u Għix
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Ħares lejn Alla u Għix

Huwa biss billi nħarsu lejn Alla li l-individwi, il-familji, u anke l-ġnus jistgħu jiffjorixxu.

Ġunju li għadda, seħħ aċċident terribbli fil-Lesotho, pajjiż fin-nofsinhar tal-Afrika. Kien jinvolvi xarabank żgħira li kienet qed iġġorr 20 tfajla mill-Fergħa tal-Knisja ta’ Maputsoe u seba’ mexxejja tagħhom li kienu qed isuqu lejn il-belt kapitali, Maseru, għal laqgħa tat-tfajliet mid-distrett tagħhom. Hekk kif huma kienu qed isuqu fl-awtostrada b’żewġ korsiji, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, karozza li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta, biex tipprova taqbeż vettura oħra, spiċċat fil-korsija fejn kien hemm ix-xarabank. Ma kienx hemm spazju jew ħin biex tiġi evitata l-ħabta bejn iż-żewġ vetturi, u fi ftit sekondi biss, il-vetturi ħabtu f’xulxin, baqgħu ħerġin ’il barra mit-triq, u spiċċaw ħuġġieġa nar.

B’kollox, fl-aċċident mietu 15-il ruħ, fosthom sitt tfajliet, żewġ mexxejja tat-Tfajliet, u l-president tal-fergħa u martu. Dawk li baqgħu ħajjin, il-membri tal-familja, u l-ħbieb esprimew emozzjonijiet diversi, fosthom mumenti ta’ rabja, dipressjoni, anke ħtija. Minkejja dawn is-sentimenti u mistoqsijiet mhux imwieġba, huma sabu l-faraġ f’xulxin u daru lejn Alla permezz tal-mużika sagra, l-iskrittura, u t-talb, li fihom sabu s-serħan. Setso’ana Selebeli, tfajla ta’ sbatax-il sena li baqgħet ħajja qalet, “Ġesù Kristu jħobbna u jinsab magħna, minkejja l-qalb muġugħa tagħna.”

Membri ġewwa l-Lesotho

Waħda tfajla u waħda mill-mexxejja li spiċċaw l-isptar inħabba ħruq bdew jistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon flimkien. Waħda minnhom qalet, “Dan l-aħħar, konna qed naqraw Moroni, u Moroni jgħid eżattament dak li ħassejt ġewwa fija. … Meta jitkellem, bħallikieku qed jgħidli, ‘Jeħtieġ li titgħallem dan il-kliem għax huwa miktub għalik biex jgħinek f’dak li għaddejja minnu.”

Funeral fil-Lesotho

F’servizz tal-funeral konġunt għal dawk li mietu, is-Sebgħin Reġjonali l-Presbiteru Siyabonga Mkhize ta dan il-parir, “Għandna lkoll induru lejn il-Mulej f’dan il-mument u nitolbuh sabiex ifarraġ qalbna u … jtaffi l-uġigħ li qed inħossu.” Mampho Makura, il-president tat-Tfajliet mill-Fergħa ta’ Leribe, li tinsab fil-qrib, saħqet: “Duru lejn il-Mulej, u ssibu l-qawwa li taċċettaw ir-rieda tiegħu. Ġesù Kristu huwa ‘Dak ‘li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna’ [Lhud 12:2]. Tagħtuhx daharkom iżda duru lejh.”

Duru lejh. Kliemha jfakkarna fil-parir li Alma ta lil ibnu Ħelaman: “Ara li tħares lejn Alla u tgħix.” Alma kkwota l-esperjenza ta’ Leħi u l-poplu tiegħu bil-Liahona bħala raffigurazzjoni: “Għax ara, huwa daqstant faċli li tagħti widen għall-kelma ta’ Kristu, li turik rotta dritta lejn l-hena ta’ dejjem, bħal meta missirijietna taw widen għal din il-boxxla, li kienet turihom rotta dritta lejn l-art imwiegħda.” Alma qal: “Jekk huma jħarsu lejh huma jgħixu. … U jekk aħna … nħarsu lejh aħna nistgħu ngħixu għal dejjem.”

F’okkażjoni oħra, Alla kkwota l-eżempju tas-serp tal-bronż li ġie mgħolli minn Mosè meta l-Iżraelin tal-qedem marru jżuruhom is-sriep velenużi. Il-Mulej qal lil Mosè biex jagħmel figura ta’ serp u jgħollih fuq arblu bil-wegħda li “kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix.” Alma spjega li l-figura tal-bronż kienet raffigurazzjoni jew simbolu ta’ Kristu li kien se jiġi mgħolli fuq salib. Kienu bosta li ħarsu u baqgħew ħajjin, iżda oħrajn, fi kliem Alma, “tant webbsu qalbhom” li sempliċiment ma ridux iħarsu u spiċċaw inqerdu.

Alma staqsa:

“Li kieku intom tistgħu tfiequ billi sempliċiment tħarsu ħarsa b’għajnejkom ħalli tkunu tistgħu tfiequ, intom ma taqbdux u tagħmlu dan fil-pront, jew tippreferu li twebbsu qalbkom u tibqgħu ma temmnux, u taqgħu fil-għażż, u b’għajnejkom ma tħarsux, u tispiċċaw tinqerdu?

“… Mela araw li tħarsu b’għajnejkom u tibdew temmnu fl-Iben ta’ Alla, li hu għandu jiġi biex jifdi lill-poplu tiegħu, u li se jbati u jmut biex ipatti għal dnubiethom; u li huwa se jerġa’ jqum mill-imwiet, u dan se jġib fis-seħħ il-qawmien, fejn il-bnedmin kollha sejrin jieqfu quddiemu, biex f’jum il-ħaqq finali jsir ħaqq minnhom skont għemilhom.”

Bla dubju, il-parir “ħares lejn Alla u għix” għandu tifsira għalina mhux biss fl-eternità, iżda wkoll jagħmel id-differenza kollha fil-karattru u l-kwalità tal-ħajja mortali tagħna. Ftakru fil-kliem taż-żagħżugħa Sister Selebeli mil-Lesotho li diġà semmejt qabel—“Ġesù Kristu jħobbna u jinsab magħna, minkejja l-qalb muġugħa tagħna.”

Huwa fin-natura ta’ dinja mitlufa—fejn ix-xitan jitmasħan u kulħadd huwa imperfett—li jkun hemm id-diżappunt u l-offiżi, it-tbatija u n-niket, il-falliment u t-telfien, il-persekuzzjoni u l-inġustizzja. Huwa biss billi nħarsu lejn Alla li l-individwi, il-familji, u anke l-ġnus jistgħu jiffjorixxu. Il-President Russell M. Nelson għallem, “Peress li s-Salvatur, permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, feda lil kull wieħed u waħda minna mid-dgħufija, mill-iżbalji, u mid-dnub, u peress li Huwa esperjenza kull uġigħ, inkwiet, u tagħbija li intom qatt esperjenzajtu [ara Alma 7:11–13], mela, hekk kif intom verament tindmu u tfittxu l-għajnuna tiegħu, intom tkunu tistgħu tegħlbu din id-dinja prekarja ta’ żmienna.”

M’hemmx wegħda li smajniha aktar fl-iskrittura tal-Ktieb ta’ Mormon minn din: “Diment li intom tħarsu l-kmandamenti tiegħi intom ikollkom ir-risq f’artkom; imma jekk ma tħarsux il-kmandamenti tiegħi intom titwarrbu minn quddiemi.” L-esperjenza li għexu bosta nies fil-Ktieb ta’ Mormon tul is-sekli turi l-verità ta’ dan il-kliem. “Li jkollhom ir-risq” ifisser li huma jgawdi l-gwida u l-barkiet tas-smewwiet f’ħajjithom. “Li jkollhom ir-risq” ifisser li jiksbu livelli ta’ ġid ekonomiku li jagħtikom iċ-ċans li jiżżewġu, irabbu l-familji, u li jaqdu lil ħaddieħor skont il-bżonnijiet tagħhom. “Li jkollhom ir-risq” tinkludi wkoll l-kapaċità li jibqgħu għaddejjin minkejja t-tbatija u l-isfidi. Permezz tal-grazzja ta’ Kristu, “kollox seħħ għall-ġid tagħhom,” irraffinahom, u saħħaħ ir-relazzjoni tagħhom miegħu.

Alma spjega li aħna nduru lejn Alla meta nħarsu l-kmandamenti tiegħu, insejħulu kontinwament għall-għajnuna tiegħu, nieħdu parir mingħandu f’dak kollu li nagħmlu, u naraw li qalbna tkun mimlija gratitudni lejh lejl u nhar. Il-kmandamenti u l-pariri ta’ Alla nsibuhom fl-iskrittura u fil-kliem tal-qaddejja tiegħu. Il-prinċipji u l-ideal li nsibu f’“Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” huma eżempju ċar. L-istess nistgħu ngħidu għall-gwida li nsibu fil-fuljett Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ. It-tema tal-Ġuvintur u t-Tfajliet għal din is-sena hija “Ħarsu lejn Kristu,” meħuda mid-direzzjoni kollha faraġ tal-Mulej lil Joseph Smith u Oliver Cowdery: “Ħarsu lejja f’kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ jitkellem dwar bosta mill-kmandamenti u l-istandards l-aktar urġenti ta’ Alla u jgħallimna kif nistgħu nħarsu lejn il-Mulej biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Hija gwida mhux biss għaż-żgħażagħ iżda għalina lkoll.

Bħala eżempju mill-aktar importanti, Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ jinkludi gwida mill-aktar kruċjali fil-kapitlu li jġib l-isem “Ġismek Huwa Sagru.” Huwa jgħid: “Uri rispett lejn ġismek—u lejn ġisem ħaddieħor. Hekk kif tiddeċiedi dwar l-ilbies, l-istil tax-xagħar, u d-dehra tiegħek, staqsi lilek innifsek, ‘Qiegħed jiena nonora ġisem bħala rigal sagru mingħand Alla?’”

Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ ikompli jgħid: “Ara li għalik is-sess u s-sentimenti sesswali jkunu ħaġa sagra. M’għandhomx ikunu suġġett għad-daħq jew għad-divertiment. Barra miż-żwieġ bejn raġel u mara, hu ħażin li tmiss il-partijiet privati u sagri ta’ persuna oħra anke jekk tkun liebsa l-ħwejjeġ. Fl-għażliet tiegħek dwar x’għandek tagħmel, lejn xiex għandek tħares, x’għandek taqra u tisma’, u dwar xiex għandek taħseb, tippostja, jew tibgħat il-messaġġi, evita kull ħaġa li intenzjonalment tqajjem emozzjonijiet senswali f’ħaddieħor jew fik innifsek.”

Dan ifakkarni fi twiddiba li tana m’ilux il-President Nelson:

“Ftit huma l-ħwejjeġ li jikkumplikaw ħajjitkom aktar malajr mill-ksur ta’ din il-liġi divina tal-kastità. Għal dawk fostkom li għamiltu patti ma’ Alla, l-immoralità hi wieħed mill-aktar modi kif tistgħu titilfu malajr it-testimonjanza tagħkom.

“… Il-qawwa li wieħed joħloq il-ħajja huwa dak il-privileġġ tad-divinità li Missierna fis-Smewwiet jippermetti li l-ulied mortali tiegħu jeżerċitaw. B’hekk, Alla għamilha ċara x’inhuma l-linji gwida għall-użu ta’ din il-qawwa ħajja u divina. L-intimità fiżika qegħda biss għal raġel u mara li huma miżżewġin ma’ xulxin.

“Il-biċċa l-kbira tad-dinja ma temminx dan, iżda l-opinjoni pubblika mhijiex l-arbitru tal-verità. Il-Mulej iddikjara li l-ebda persuna li mhijiex safja mhi se tikseb is-saltna ċelestjali. … Jekk intom m’intomx safja, nitlobkom biex tindmu. Ejjew għand Kristu u rċievu l-wegħda tiegħu ta’ maħfra sħiħa hekk kif intom tindmu għal kollox minn dnubietkom [ara Isaija 1:16–18; Doctrine and Covenants 58:42–43].”

Ftakru li fil-wegħda tal-Ktieb ta’ Mormon, l-oppost tal-prosperità ma kienx il-faqar—kien li titbiegħed mill-preżenza tal-Mulej. Il-preżenza tiegħu tirreferi għall-influwenza tal-Ispirtu tiegħu fil-ħajja ta’ dak li jkun. Ilkoll nitwieldu bid-Dawl ta’ Kristu hekk kif niġu fid-dinja. Barra minn hekk, xi wħud jiddeċiedu li jitgħammdu u jirċievu d-don u d-dawl addizzjonali tal-Ispirtu s-Santu. Huwa jagħtina l-ispirazzjoni u l-gwida, ikabbar u jirrafina d-doni u l-abbiltajiet nattivi tagħna, u jgħinna nevitaw l-influwenzi u d-deċiżjonijiet ħżiena u li nsibu rwieħna f’toroq li ma jwasslu għal imkien.

Bħalkom, jien naf xi wħud li kien hemm żmien meta kienu jgawdu d-don tal-Ispirtu s-Santu iżda għax naqsu li jkomplu jħarsu l-kmandamenti ta’ Alla tilfu din il-barka. Jiġi f’moħħi xi ħadd partikolari li tneħħietlu s-sħubija tiegħu mill-Knisja minħabba trasgressjoni. Huwa qal li r-reazzjoni inizjali tiegħu kienet li ħassu offiż. Ħass li kien ġie ġġudikat minn mexxejja mhux perfetti. Kien jaf li l-imġiba tiegħu kienet ħażina, iżda huwa pprova jiskużaha billi jipponta lejn id-difetti u n-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Wara ftit, huwa beda jħossu komdu li jgħix ħajja lil hinn mill-Knisja mingħajr l-obbligu tas-sejħiet, u l-istennija li jattendi s-servizzi ta’ qima u li jimministra lil ħaddieħor.

Din is-sitwazzjoni kompliet għal xi żmien, iżda aktar ma jmur aktar beda jħoss in-nuqqas tal-Ispirtu s-Santu—il-preżenza ta’ Alla— f’ħajtu. Minn esperjenza, kien jaf xi jfisser li jkollok miegħek, kuljum, il-faraġ, il-gwida, u l-kunfidenza li jagħtik l-Ispirtu, u beda jħoss dan in-nuqqas. Finalment, huwa għamel dak li kien meħtieġ minnu biex jindem, u jikkwalifika għal darb’oħra biex jitgħammed bl-ilma u l-Ispirtu.

Jidher li bħallikieku huma bla qjies is-sorsi li n-nies ifittxu biex jippruvaw isibu l-iskop, il-ferħ u l-għajnuna. Ħafna jinsabu “jħarsu lil hinn mis-sinjal.” Iżda jeħtieġ li ma nkunux “aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim jew moda.” Meta nħarsu lejn Alla, aħna nistgħu nsibu l-paċi fi żminijiet diffiċli u l-fidi tagħna tista’ tkompli tikber anke f’mumenti ta’ dubju u sfidi spiritwali. Aħna nistgħu nirċievu l-qawwa minkejja l-oppożizzjoni u l-iżolament. Aħna nistgħu nirrekonċiljaw l-ideal mar-realtà tal-preżent. Verament li m’hemmx mod ieħor mill-mod li ordna Alla nnifsu: “Duru lejja mill-ġdid, truf kollha tal-art, u intom tkunu salvi! għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi.”

Li nħarsu lejn Alla jfisser li Huwa mhuwiex sempliċiment waħda mill-prijoritajiet tagħna; ifisser pjuttost li Huwa hu l-ogħla prijorità tagħna. Infakkarkom għal darb’oħra f’dik il-ħabta kerha ġewwa Lesotho f’Ġunju li għadda. Mis-sodda tagħha fl-isptar, waħda mill-mexxejja tat-Tfajliet li baqgħet ħajja, li qabel ma ngħaqdet mal-Knisja ma kenitx temme f’Alla, qalet li l-għan tagħha llum hu li tiskopri għalfejn hija baqgħet ħajja. “Li nibqa’ nservi lil Alla l-ħin kollu hija t-tweġiba tiegħi llum, jekk ikolli nsib tweġiba,” hija qalet. “Kont naħseb li kont inħobb lil Alla, iżda llum tassew nista’ ngħid li nħobbu mmensament. Illum huwa l-ogħla prijorità f’ħajti.”

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu li f’għaqda perfetta fil-kelma, fil-ħsieb, fil-għan, u fl-għemil, huma Alla wieħed li lejhom għandna nħarsu għal kull ħaġa tajba. Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu li minnha niksbu l-qawwa biex inwettqu din il-wegħda meraviljuża, “Duru lejja, u ibqgħu sħaħ sal-aħħar, u intom ikollkom il-ħajja; għax lil dak li jibqa’ sħiħ sal-aħħar lilu jiena nagħtih il-ħajja ta’ dejjem.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Ryan Jensen, “Survivors of Deadly Bus Crash in Lesotho Share Grief—and Faith—in Wake of Tragedy,” Church News, 18 ta’ Lulju, 2025, thechurchnews.com; Ryan Jensen, “‘God Is Still God’—Remembering the Lives Lost in Lesotho Bus Accident,” Church News, 19 ta’ Lulju, 2025, thechurchnews.com.

  2. Alma 37:47.

  3. Alma 37:44.

  4. Alma 37:46; enfażi miżjuda.

  5. Ara Numri 21:5–6.

  6. Numri 21:8.

  7. Ara Alma 33:19.

  8. Alma 33:20.

  9. Alma 33:21–22. Nefi, in-neputi ta’ Alma, meta kien qed jaqsam ix-xhieda tiegħu tas-Salvatur, kompla biex qal, “U kif dawk kollha li jħarsu lejn dak is-serp sejrin jgħixu, l-istess jistgħu jgħixu dawk kollha li jħarsu lejn Bin Alla b’fidi, u bi spirtu niedem; huma jistgħu jgħixu sewwasew dik il-ħajja li tibqa’ għal dejjem” (Ħelaman 8:15).

  10. Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 96.

  11. 2 Nefi 1:20.

  12. Rumani 8:28.

  13. Madwarna nistgħu naraw il-frott li aħna niksbu meta nħarsu lejn Alla u jkollna l-Ispirtu tiegħu magħna. Per eżempju, ir-riċerka turi li “l-iżvilupp spiritwali huwa marbut mal-protezzjoni kontra d-dipressjoni u l-abbuż mis-sustanza u li jmexxi lill-adulti żgħażagħ lejn relazzjonijiet aktar b’saħħithom, xogħol aktar sinifikanti, u reżiljenza emozzjonali aktar b’saħħitha” (Cornelia Powers, “The New Spiritual Leader on Campus,” Atlantic, 18 ta’ Mejju, 2025, theatlantic.com).

    Il-livell ta’ solitudni kronika, iżolament emozzjonali, u anzjetà fil-popolazzjoni ġenerali jikkuntrasta bil-kbir mat-tip ta’ ħajja aktar b’saħħitha, mal-vitalità fiżika u mentali, ma’ livelli ogħla ta’ edukazzjoni, u ma’ prospetti pożittivi bbażati fuq il-fidi fost il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Dan mhuwiex għaliex aħna, bħala poplu, qatt ma nesperjenzaw l-isfidi li jeżistu b’mod komuni fid-dinja. Pjuttost huwa għaliex aħna nħarsu lejn Ġesù Kristu li aħna nistgħu negħlbu l-isfidi.

  14. Ara Alma 37:35–37.

  15. Ara Duttrina u Patti 68:4.

  16. Duttrina u Patti 6:36.

  17. Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ: Gwida għal Biex Tagħmel l-Għażliet (2022), 24, 25.

  18. Russell M. Nelson, “Aħseb Ċelestjali,” Liahona, Nov. 2023, 118; enfażi fl-oriġinal.

  19. Ara Ġwanni 1:9; Moroni 7:16; Doctrine and Covenants 84:45–46; 93:2.

  20. Ġakobb 4:14.

  21. Efesin 4:14.

  22. Isaija 45:22.

  23. Mapule Joyce Takane, f’Jensen, “Survivors of Deadly Bus Crash in Lesotho Share Grief—and Faith—in Wake of Tragedy,” thechurchnews.com.

  24. Ara 1 Ġwanni 5:7; 3 Nefi 11:36; Doctrine and Covenants 20:28; Guide to the Scriptures, “God, Godhead,” Gospel Library.

  25. 3 Nefi 15:9.