Konferenza Ġenerali
Henjin Dawk li Jġibu l-Paċi
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Henjin Dawk li Jġibu l-Paċi

Biex inkunu nies li nġibu l-paċi xorta jeħtieġ li nibdew mill-aktar post bażiku—f’qalbna. Imbagħad fi djarna u fil-familji.

Merħba għall-konferenza ġenerali. Kemm aħna grati li ninsabu miġburin flimkien.

Hekk kif qed nantiċipaw għal dak li se jseħħ waqt din il-konferenza, aħna konxji tassew ta’ dak kollu li seħħ fil-ġimgħat li għaddew. Aħna nafu li qalbna qed tibki t-telfa, u xi wħud qed iħossuhom inċerti minħabba xi għadd ta’ vjolenza jew traġedja li seħħew madwar id-dinja. Anke nies devoti li kienu miġburin f’postijiet sagri—inkluż il-kappella mqaddsa tagħna f’Michigan—spiċċaw tilfu ħajjithom jew lill-maħbubin tagħhom. Qed nitkellem minn qalbi għax naf ħafna minnkom tinsabu b’qalbkom mtaqqla minħabba dak li intom, il-familji tagħkom, u d-dinja esperjenzajtu mill-aħħar konferenza ġenerali ’l hawn.

Kafarnahum fil-Galilija

Immaġinaw miegħi li intom żgħażagħ ġewwa Kafarnahum, qrib il-Baħar tal-Galilija, fi żmien il-ministeru ta’ Ġesù Kristu. Ġriet il-kelma dwar wieħed rabbi—għalliem—li l-messaġġ tiegħu ġibed lejh folol kbar. Bosta ġirien qed jippjanaw biex jerħulha lejn xi għolja li tagħti għal fuq il-baħar biex jisimgħuh.

Intom tingħaqdu ma’ oħrajn li jinsabu mexjin fit-toroq imtarrba tal-Galilija. Mallu taslu, tibqgħu mistagħġba malli taraw il-folla kbira miġbura biex jisimgħu lil dan Ġesù. Xi wħud jgħidu minn taħt l-ilsien “il-Messija.”

Intom toqogħdu tisimgħu. Kliemu jmissilkom qalbkom. Intom u sejrin lura d-dar, tagħżlu li tibqgħu siekta minflok ma taqbdu xi diskursata.

Tibdew tixtarru ħwejjeġ tal-għaġeb—ħwejjeġ li jittraxxendu saħansitra l-liġi ta’ Mosè. Huwa tkellem dwar li wieħed għandu jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra u jħobb lil għedewwa tiegħu. Huwa wiegħed, “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.”

Fir-realtà tagħkom, hekk kif tħossu t-toqol ta’ żminijiet diffiċli—l-inċertezza u l-biża’—il-paċi taf tinħass li għadha ’l bogħod.

Intom tħaffu l-pass; u taslu d-dar bla nifs. Il-familja tagħkom tinsab miġbura flimkien; u missierkom jistaqsi, “Għidilna xi smajt u x’ħassejt.”

Intom taqsmu magħhom li Huwa stedinkom biex tħallu d-dawl tagħkom jiddi quddiem ħaddieħor, biex taraw li tagħmlu s-sewwa anke meta nkunu ppersegwitati. B’leħen jitriegħed ittennu, “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.”

Intom tistaqsu, “Jien nista’ nkunu tassew persuna li ġġib il-paċi meta d-dinja hija daqstant imqallba, meta qalbi hi mimlija biża’, u meta l-paċi tidher daqstant ’il bogħod?”

Missierkom iħares lejn ommkom u jwieġeb bil-ħlewwa, “Iva. Jeħtieġ li nibdew mill-aktar post bażiku—f’qalbna. Imbagħad fi djarna u fil-familji tagħna. Hekk kif nitħarrġu hemmhekk, il-paċi li aħna nkunu kapċi nwasslu tinfirex fit-triqat u fl-irħula tagħna.”

Nimxu ’l Quddiem 2,000 Sena

Nimxu ’l Quddiem 2,000 Sena M’għandniex għalfejn nimmaġinaw—din hija r-realtà tagħna. Minkejja li l-pressjoni li tħoss il-ġenerazzjoni li tielgħa ta’ żmienna hija differenti minn dik li kienu jħossu ż-żgħażagħ fil-Galilija—il-polarizzazzjoni, sekularizzazzjoni, ritaljazzjoni, ir-rabja fit-toroq, ir-rabja kbira, u attakki fuq il-midja soċjali—iż-żewġ ġenerazzjonijiet li huma jiffaċċjaw kultura ta’ kunflitt u tenzjoni.

Aħna grati li l-ġuvintur u t-tfajliet tagħna għandhom interess ukoll fil-mumenti tagħhom tad-Diskors tal-Muntanja: is-seminarju, il-konferenzi Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, u Ejja, Imxi Warajja. Hawnhekk huma jirċievu l-istess stedina dejjiema mingħand il-Mulej: biex iħallu d-dawl tagħhom jiddi quddiem ħaddieħor, biex jaraw li jagħmlu s-sewwa anke meta jiġu ppersegwitati, u li jħobbu lill-għedewwa tagħhom.

Huma jirċievu wkoll kliem ta’ inkuraġġiment mill-profeta ħajjin tar-Restawrazzjoni: “Meħtieġa nies li jġibu l-paċi.” Taqblu li ma taqblux. Il-maħfra u l-imħabba jieħdu post il-ġlied u s-suppervja. Tibnu pontijiet ta’ kooperazzjoni u li tifhmu lil xulxin, u mhux ħitan ta’ preġudizzju jew segregazzjoni. U l-istess wegħda: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.”

Il-qalb tal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa ta’ żmienna hi mimlija bit-testimonjanza ta’ Ġesù Kristu u bit-tama għall-ġejjieni. Madankollu huma wkoll jistaqsu, “Jien nista’ nkunu tassew persuna li ġġib il-paċi meta d-dinja hija daqstant imqallba, meta qalbi hi mimlija biża’, u meta l-paċi tidher daqstant ’il bogħod?”

It-tweġiba mill-aktar ċara hi għal darb’oħra iva! Aħna nħaddu kliem is-Salvatur: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi. … Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”

Illum, biex inkunu nies li nġibu l-paċi xorta jeħtieġ li nibdew mill-aktar post bażiku—f’qalbna. Imbagħad fi djarna u fil-familji. Hekk kif nitħarrġu hemmhekk, il-paċi li aħna nkunu kapaċi nwasslu tinfirex fl-inħawi u fil- komunitajiet tagħna.

Ejja nħarsu ftit ieħor lejn dawn it-tliet postijiet fejn il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ta’ żmienna jagħmlu l-paċi.

Nġibu l-Paċi f’Qalbna

L-ewwel post huwa f’qalbna. Element viżibbli tal-ministeru ta’ Kristu jurina kif it-tfal kienu jinġibdu lejh. Hawnhekk qed ningħataw ħjiel. Li nħarsu lejn il-qalb safja u innoċenti li tħobb il-paċi tat-tfal jaf ikun ta’ ispirazzjoni għal qalbna. Dan hu kif bosta tfal tal-età tal-Pimarja wieġbu għall-mistoqsija “Kif ikunu persuni li jġibu l-paċi?”

Se naqsam magħkom it-tweġibiet li huma taw minn qalbhom! Luke qal, “Dejjem jgħinu lil ħaddieħor.” Grace qalet kemm hu importanti li naħfru lil xulxin, anke meta nħossu li saret inġustizzja magħna. Anna qalet, “Jien rajt xi ħadd li ma’ kellha lil ħadd min jilgħab magħha, għalhekk mort nilgħab magħha.” Lindy qalet li biex tkun persuna li ġġibu l-paċi jeħtieġ li tgħin lill-oħrajn. “Imbagħad tgħaddiha lil ħaddieħor. U tibqa’ tgħaddi minn persuna għall-oħra.” Liam qal, “Tkunx kattiv man-nies, anke jekk ikunu kattivi miegħek.” London stqarr, “Jekk xi ħadd jgħaddi ż-żmien bik jew ikun kattiv miegħek, għidlu, ‘Jekk jogħġbok ieqaf.’” Trevor osserva, “Jekk ikun baqa’ biss donut waħda u kulħadd iridha, aqsmuha bejnietkom.”

It-tweġibiet ta’ dawn it-tfal għalija huma evidenza li aħna lkoll nitwieldu b’inklinazzjoni divina lejn it-tjubija u l-kompassjoni. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jrawwem u jħit dawn il-karatteristiċi divini, fosthom li nkunu nies li nġibu l-paċi, f’qalbna, u jberikna f’din il-ħajja u fil-ħajja li jmiss.

Inġibu l-Paċi fid-Dar

It-tieni, insawru l-paċi fi djarna billi nużaw il-mudell tal-Mulej biex jinfluwenza r-relazzjonijiet tagħna bejnietna: il-persważjoni, is-sabar, il-ġentilezza, it-tjubija, il-ħlewwa, u l-imħabba sinċiera.

Din hija storja li tispirana li turina kif membri tal-familja raw kif jagħmlu biex irawmu l-paċi fil-familja billi użaw fil-prattika dawn il-prinċipji.

It-tfal f’din il-familja kellhom relazzjoni diffiċli ma’ persuna adulta li ħafna drabi kienet tkun imdejqa, arroganti, u goffa. It-tfal, li bdew iħossuhom imweġġgħin u frustrati, bdew jistaqsu lilhom infushom jekk l-uniku mod kif setgħu jittrattaw lil dik il-persuna kien billi jadottaw l-istess imġiba xejn sabiħa tagħha.

Lejla waħda, il-membri tal-familja bdew jitkellmu b’mod onest flimkien dwar it-tenzjoni u l-effett negattiv li bdiet tħalli. U mbagħad ġiethom idea—mhux sempliċiment soluzzjoni, iżda esperiment.

Minflok ma jwieġbu permezz tas-silenzju jew ir-ritaljazzjoni, it-tfal iddeċidew li jagħmlu xi ħaġa mhux mistennija: iwieġbu lura bil-ħlewwa. Mhux sempliċiment li jkunu puliti, iżda permezz ta’ turija mill-qalb ta’ kliem ħelu u għemejjel sinċiera, irrispettivament kif kienu qed jiġu ttrattati. Ilkoll qablu li jippruvaw dan għal ċertu żmien, u wara jerġgħu jiltaqgħu u jirriflettu.

Minkejja li xi wħud bdew għall-ewwel isibuha bi tqila, huma qablu mal-pjan b’qalb ġenwina.

Dak li ġara wara kien xi ħaġa tal-għaġeb.

Il-silġ beda jinħall. It-tbissima ħadet post id-dwejjaq. L-adult, li qabel kien maqtugħ u goff, beda jinbidel. It-tfal, mimlijin qawwa minħabba l-għażla tagħhom li jmexxu b’imħabba, sabu l-hena fit-trasformazzjoni. Il-bidla kienet mill-aktar profonda li l-laqgħa li kienet ippjanata ma kienx hemm bżonnha. It-tjubija għamlet xogħolha fis-skiet.

Maż-żmien, ġiet iffurmata rabta vera ta’ ħbiberija, fejn kulħadd jgħin lil xulxin. Biex inkunu nies li nġibu l-paċi, jeħtieġ li naħfru lil ħaddieħor u minn jeddna nibnu lil ħaddieħor minflok ma nkissruhom.

Nġibu l-Paċi fil-Komunitajiet Tagħna

It-tielet, Inkunu nies li nġibu l-paċi fil-komunitajiet tagħna. Fiż-żminijiet ta’ nkwiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-Presbiteru John A. Widtsoe għallem: “L-uniku mod kif nistgħu nibnu komunità paċifika hi li nibnu rġiel u nisa li jħobbu l-paċi u jaħdmu għaliha. Kull individwu, permezz ta’ dik id-duttrina ta’ Kristu … għandu f’idejh il-paċi tad-dinja [kollha].”

L-istorja li jmiss turi b’mod sabiħ dan il-preċett.

Bosta snin ilu, żewġt irġiel—imam Musulman u pastor Kristjan minn Niġerja—kienu jappartjenu għal naħa opposta f’qasma reliġjuża mill-aktar diffiċli. It-tnejn li huwa kienu mweġġgħin bil-kbir. Madankollu, permezz tal-qawwa tal-fejqan tal-maħfra, huma għażlu li jimxu t-triq flimkien.

Il-Pastor James Wuye u l-Imam Muhammad Ashafa

L-Imam Muhammad Ashafa u l-Pastor James Wuye saru ħbieb u bla mistenni sħab għall-paċi. Flimkien, huma waqqfu ċentru għall-medjazzjoni interreliġjuża. Illum huma jgħallmu lil ħaddieħor biex jissostitwixxi l-mibegħda għat-tama. Bħala nies li ġew innominati darbtejn għall-Premju Nobel għall-Paċi, huma m’ilux ħadu l-ewwel Premju tal-Paċi tal-Commonwealth.

Dawn li qabel kienu għedewwa issa jivvjaġġaw flimkien biex jibnu dak li kien imkisser, xhieda ħajja li l-istedina tas-Salvatur li nkunu nies li nġibu l-paċi mhux biss hija possibbli—hija mill-aktar qawwija.

Meta aħna nibdew nagħrfu l-glorja ta’ Alla, mbagħad aħna “ma jkollniex moħħ li nweġġgħu lil xulxin, iżda li ngħixu fis-sliem.” Fil-kongregazzjonijiet u fil-komunitajiet tagħna, jalla aħna nagħżlu li nħarsu lejn xulxin bħala wlied Alla.

Pjan ta’ Ġimgħa Li Nġibu l-Paċi

Fi ftit kliem, se nagħmlilkom stedina. Li nkunu nies li nġibu l-paċi jeħtieġ minna li nagħmlu xi ħaġa—x’inhi dil-ħaġa, għal kull wieħed u waħda minna, li għandna nibdewha minn għada? Tikkunsidraw pjan ta’ ġimgħa, pjan maqsum fi tlieta biex inkunu nies li nġibu l-paċi?

  1. Zona d-dar li fiha ma jkunx hemm ġlied: Meta jibda l-ġlied, ieqfu u ibdew mill-ġdid permezz ta’ kliem ħelu u għemejjel tajbin.

  2. Nibnu pont diġitali: Qabel nippostjaw, inwieġbu, jew niktbu kumment onlajn, nistaqsu, Dan se jwassal biex nibni pont? Jekk le, ieqfu. Tibagħtuhx. Minflok, agħżlu t-tjubija. Xandru s-sliem minflok il-mibegħda.

  3. Sewwu u ngħaqdu mill-ġdid: Kull membru tal-familja għandu jara fejn hemm xi relazzjoni mhux tajba biex ikun jista’ jagħmel apoloġija, jimministra, isewwi, u jingħaqad mill-ġdid.

Konklużjoni

Ilu ftit xhur mhux ħażin minn meta feġġ f’moħħi ħsieb mill-aktar ċar li wassal għal dan il-messaġġ: “Henjin Dawk li Jġibu l-Paċi.” Biex nagħlaq, ippermettuli jaqsam magħkom xi ħsibijiet li missewli qalbi tul dan iż-żmien.

Li nkunu nies li nġibu l-paċi hija kwalità Kristjana. In-nies li jġibu l-paċi ħafna drabi huma ttimbrati bħala nies naive jew dgħajfin—minn kull naħa. Madankollu, li tkun persuna li ġġib il-paċi ma jfissirx li tkun dgħajfa, iżda hija tkun b’saħħitha b’tali mod li d-dinja jista’ jkun li tagħrafx dan. Biex inkunu nies li nġibu l-paċi jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ u l-kompromess iżda ma jeħtieġ minna li nissagrifikaw xi prinċipju. Li nkunu nies li nġibu l-paċi ifisser li mmexxu b’qalb sinċiera, mhux b’moħħ magħluq. Hu li aħna nilħqu lil xulxin b’id miftuħa, mhux bil-ponnijiet magħluqin. Li nkunu nies li nġibu l-paċi mhijiex xi ħaġa ġdida, li għadha ħierġa fl-istampa. Hi xi ħaġa li ġiet mgħallma minn Ġesù Kristu nnifsu, kemm lin-nies fil-Bibbja kif ukoll fil-Ktieb ta’ Mormon. Li nkunu nies li nġibu l-paċi hi xi ħaġa li minn dak iż-żmien ’l hawn ġiet mgħallma mill-profeti ta’ żmienna mill-ewwel żminijiet tar-Restawrazzjoni sa żmienna.

Aħna nwettqu l-irwol divin tagħna bħala wlied Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba hekk kif nagħmlu li nistgħu biex inġibu l-paċi. Naqsam ix-xhieda tiegħi ta’ Ġesù Kristu, li huwa l-Prinċep tal-Paċi, Bin Alla l-ħaj, f’isem Ġesù Krtistu, Ammen.

Noti

  1. Ara Mattew 5:39, 44.

  2. Mattew 5:9.

  3. Ara Mattew 5:10, 16.

  4. Ara Mattew 5:16; 3 Nefi 12:16; Doctrine and Covenants 115:5.

  5. Ara Mattew 5:10–12; 1 Pietru 3:14; Mosija 24:14; 3 Nefi 12:10.

  6. Ara Mattew 5:44; Luqa 6:27; 3 Nefi 12:44.

  7. Ara Russell M. Nelson, “Meħtiġin Nies li Jġibu l-Paċi,” Liahona, Mejju 2023, 98–101.

  8. Ara Dallin H. Oaks, “Inħobbu lill-Oħrajn u Ngħixu bid-Differenzi,” Liahona, Nov. 2014, 25–28.

  9. Ara Dieter F. Uchtdorf, “The Merciful Obtain Mercy,” Liahona, Mejju 2012, 70, 75–77.

  10. Ara Russell M. Nelson, Facebook, 1 ta’ Ġunju, 2018, facebook.com/russell.m.nelson.

  11. Mattew 5:9; ara wkoll 3 Nefi 12:9.

  12. Ġwanni 14:27.

  13. Ara Doctrine and Covenants 121:41.

  14. John A. Widtsoe, f’Conference Report, Ott. 1943, 113.

  15. Ara Ċentru Tanenbaum għall-Għarfien Interreliġjuż, tanenbaum.org.

  16. Mosija 4:13.