L-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu Ċċentrat fuq il-Familja
Id-duttrina tagħna u t-twemmin tagħna fil-familji eterni jsaħħaħna u jgħaqqadna flimkien.
Għeżież ħuti, nirringrazzjakom tat-talb li tlabtu għalija. Jiena stajt inħoss talbkom.
I.
Id-duttrina tal-Knista ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija ċċentrata fuq il-familja. It-tempju huwa essenzjali għad-duttrina tagħna dwar il-familja. L-ordinanzi li nirċievu hemm jagħmluha possibbli li aħna nerġgħu lura bħala familji eterni fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet.
Sal-konferenza ġenerali ta’ April 2025, il-President Russell M. Nelson kien ħabbar il-bini ta’ 200 tempju ġdid. Huwa kien iħobb iħabbar it-tempji ġodda f’għeluq kull konferenza ġenerali, u aħna konna lkoll nithennew miegħu. Madankollu, bil-parti l-kbira tat-tempji issa jinsabu fl-ewwel fażijiet tal-ippjanar u l-bini, huwa xieraq li aħna ma nkomplux inħabbru daqstant tempji ġodda. Għalhekk, bi qbil mal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, aħna mhux se nħabbru tempji ġodda f’din il-konferenza. Aħna se nkomplu nipprovdu l-ordinanzi tat-tempju lill-membri tal-Knisja madwar id-dinja, inkluż meta u fejn se nħabbru l-bini ta’ tempji ġodda.
Il-parti tad-diskors tiegħi li għadni kif għamilt inkitbet wara l-mewt tal-maħbub tagħna l-President Russell M. Nelson. Dak li se ngħid issa nkiteb u ġie approvat ġimgħat qabel, iżda xorta waħda jirrappreżenta t-tagħlim tiegħi, kif ispirat mill-Mulej.
II.
Il- proklamazzjoni tal-Familja, li ġiet mħabbar preċiżament 30 sena ilu, tiddikjara li “l-familja hija ordnata minn Alla” u “tinsab fil-qalba tal-pjan tal-Ħallieq għad-destin etern ta’ wliedu.” Tiddikjara wkoll “li l-kmandament ta’ Alla lil uliedu sabiex jitkattru u jimlew id-dinja għadu jgħodd.” U “aħna niddikjaraw ukoll li Alla kkmanda li l-qawwiet sagri tal-prokreazzjoni għandhom jintużaw biss bejn raġel u mara, miżżewġin bil-liġi.” Dak li dak iż-żmien kien il-Presbiteru Russell M. Nelson għallem lil udjenza tal-Università ta’ Brigham Young li l-familja hija “kruċjali għall-pjan ta’ Alla. … Fil-fatt, l-għan tal-pjan huwa li jeżalta l-familja.”
Il-Knisja ta Ġesù Kristu xi kultant hi magħrufa bħala knisja ċċentrata madwar il-familja. Hekk hu! Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u l-għan tal-ħajja mortali tagħna huma spjegati fit-termini tal-familja. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet għall-ġid ta’ wliedu spirtu. Aħna nistgħu tassew ngħidu li l-pjan tal-evanġelju ġie mgħallem lilna l-ewwel fil-kunsill tal-familja eterna, u li huwa jiġi implimentat permezz tal-familji mortali tagħna, u d-destin intenzjonat tiegħu hu li jeżalta lil ulied Alla f’familji eterni.
III.
Minkejja dak il-kuntest duttrinali, hemm ukoll l-oppożizzjoni. Fl-Istati Uniti aħna qed nesperjenzaw deterjorament fiż-żwieġ u t-twelid tat-tfal. Ilu kważi mitt sena jonqos il-proporzjon ta’ familji mmexxija minn koppji miżżewġa, u l-istess ir-rata tat-twelid. Iż-żwiġijiet u r-rata tat-twelid tal-membri tal-Knisja tagħna huma ferm aktar pożittivi, iżda huma wkoll naqsu b’mod sinifikanti. Huwa mill-aktar importanti li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ma jitilfux l-għarfien tagħhom tal-għan taż-żwieġ u l-valur tat-tfal. Dan hu l-ġejjieni li għandna naħdmu għalih. Il-President Nelson għallimna, “L-eżaltazzjoni hija ħaġa tal-familja. “Hu biss permezz tal-ordinanzi li jsalvawna tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li l-familji jistgħu jiġu eżaltati.”
In-nuqqas nazzjonali fiż-żwieġ u t-twelid tat-tfal tista’ tifhmu minħabba raġunijiet storiċi, iżda l-valuri u d-drawwiet tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għandhom itejbu—mhux jimxu wara—dawk ix-xejriet.
Fit-tfulija tiegħi, 80 sena ilu, jiena kont ngħix fir-razzett tan-nanniet tiegħi f’ambjent fejn kważi kulma kien iseħħ matul il-ġurnata kien ikun taħt id-direzzjoni tal-familja. Ma kienx hemm televiżjoni jew ħwejjeġ elettroniċi oħra li jistgħu jtellfu l-attivitajiet tal-familja. B’kuntrast għal dan, fis-soċjetà urbana tal-lum, huma ftit il-membri li jesperjenzaw attivitajiet konsistenti ċċentrati madwar il-familja. Il-ħajja urbana u t-trasport modern, id-divertiment organizzat, u l-komunikazzjoni b’veloċità għolja għamluha faċli għaż-żgħażagħ li jħarsu lejn djarhom bħala xi post fejn huma jorqdu u xi kultant jieklu, fejn ftit li xejn hemm direzzjoni tal-ġenituri fl-attivitajiet tagħhom.
L-influwenzi tal-ġenituri ġew dilwiti bil-mod li bih il-membri kurrenti tal-Knisja jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Fil-passat, waħda mill-influwenzi kbar li kienet tgħaqqad il-familji kienet l-esperjenza li jaħdmu flimkien għal għan wieħed—bħal per eżempju li jikkultivaw ix-xagħri jew jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Il-familja kienet unit organizzata u magħquda ta’ produzzjoni ekonomika. Illum, bosta familji huma units ta’ konsum ekonomiku, fejn m’hemmx bżonn ta’ ħafna organizzazzjoni u kooperazzjoni fil-familja.
IV.
Hekk kif l-influwenzi tal-ġenituri jonqsu, il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien xorta waħda għad għandna r-responsabbiltà mogħtija lilna minn Alla li ngħallmu lil uliedna jitħejjew għad-destin tal-familja tagħna fl-eternità (ara Doctrine and Covenants 68:25). Ħafna minna jeħtieġ li nagħmlu dan meta mhux il-familji tagħna kollha huma tradizzjonali. Id-divorzju, il-mewt, u l-firda huma realtajiet. Jiena esperjenzajt dan fil-familja li trabbejt fiha.
Missieri miet meta kelli seba’ snin, għalhekk jiena u ħija u oħti iżgħar minni bdiet trabbina ommi li spiċċat armla. Fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli, hija kompliet għaddejja. Hija kienet weħidha u tħossha mkissra, iżda bl-għajnuna tal-Mulej, it-tagħlim qawwi tagħha tad-duttrina tal-Knisja rrestawrata kien ta’ gwida għalina. Kemm kienet titlob għall-għajnuna divina biex trabbi lil uliedha, u hija ġiet mbierka! Aħna trabbejna f’dar kuntenta li fiha n-nuqqas ta’ missierna, li kien miet, baqa’ dejjem realtà. Hija għallmitna li aħna kellna missier u li hija kellha raġel u aħna dejjem konna se nkunu familja minħabba ż-żwieġ tagħhom fit-tempju. Missierna kien jinsab temporanjament ’il bogħod minna għaliex il-Mulej sejjaħlu għal ħidma differenti.
Jiena naf li ħafna familji oħra mhumiex daqstant feliċi, iżda kull omm single tista’ tgħallem dwar l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet u l-barkiet eventwali taż-żwieġ fit-tempju. Intom ukoll tistgħu tagħmlu dan! Il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet jassigura din il-possibbiltà għal kulħadd. Aħna lkoll grati għaż-żwieġ tat-tempju u għall-barkiet prospettivi li niġu ssiġillati bħala familja eterna. Bħal ommi, aħna nħobbu nikkwotaw il-wegħda li Leħi għamel lil ibnu Ġakobb li Alla “sejjer jikkonsagra l-hemm tiegħek għall-ġid tiegħek” (2 Nefi 2:2). Dan japplika għal kull familja tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, kemm jekk hi kompluta kif ukoll jew bħalissa mhijiex. Aħna knisja tal-familja.
Id-duttrina tagħna u t-twemmin tagħna fil-familji eterni jsaħħaħna u jgħaqqadna flimkien. Jien qatt ma ninsa l-wegħda ta’ missier ommi, in-Nannu Harris, meta aħna konna tfal ngħixu fir-razzett tiegħu qrib Payson, Utah. Huwa kien tani l-aħbar traġika li missieri kien miet fil-post imbiegħed ta’ Denver, Colorado. Jiena tlaqt niġri fil-kamra tas-sodda u nżilt għarkupptejja ħdejn is-sodda, nibki kemm niflaħ. In-nannu ġie warajja u niżel għarrkupptejh ħdejja u qal, “Jiena se nkun missierek.” Dik il-wegħda ħelwa hija eżempju qawwi ta’ dak li jistgħu jagħmlu n-nanniet biex jimlew il-vojt meta xi familji jitilfu xi ħadd fil-familja jew fejn xi membru mhuwiex preżenti.
Il-ġenituri, single jew miżżewġin—u oħrajn bħan-nanniet li jieħdu dak l-irwol għat-tfal—huma l-għalliema primi. L-aktar tagħlim effettiv huwa permezz tal-eżempju. Iċ-ċirku tal-familja huwa l-post ideali biex wieħed juri u jgħallem il-valuri eterni bħall-importanza taż-żwieġ u t-tfal, l-għan tal-ħajja, u l-veru sors tal-hena. Huwa wkoll l-aqwa post biex nitgħallmu lezzjonijiet oħra tal-ħajja essenzjali, bħat-tjubija, il-maħfra, l-awtokontroll, u l-valur tal-edukazzjoni u x-xogħol onest.
Bla dubju, bosta membri tal-Knisja għandhom membri tal-familja li ma jħaddnux il-valuri u l-aspettattivi tal-evanġelju. Dawn il-membri jeħtieġu l-imħabba u l-paċenzja tagħna. Biex nirrelataw ma’ xulxin, aħna jeħtieġ niftakru li l-perfezzjoni li qed infittxu mhijiex limitata għaċ-ċirkustanzi stessanti tal-mortalità. It-tagħlim importanti li nsibu f’ Doctrine and Covenants 138:57–59 jassigurana li l-indiema u t-tkabbir spiritwali jistgħu jkomplu fid-dinja tal-ispirti li se tiġi wara l-mortalità. Aktar importanti minn hekk, hekk kif il-familji jingħaqdu flimkien biex isaħħu lil xulxin, aħna għandna lkoll niftakru li d-dnubiet u n-nuqqasijiet inevitabbli li lkoll kemm aħna nesperjenzaw fil-mortalità jistgħu jiġu maħfura permezz tal-indiema, grazzi għall-Espjazzjoni glorjuża ta’ Ġesù Kristu li twassal għas-salvazzjoni tagħna.
V.
Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu huwa l-aqwa eżempju għalina. Aħna niġu mberkin jekk infasslu ħajjitna fuq it-tagħlim u s-sagrifiċċju tiegħu. Li nimxu wara Kristu u noffru lilna nfusna biex naqdu lil xulxin huwa l-aqwa rimedju għall-egoiżmu u l-individwaliżmu li llum jidher li mhuwiex wisq komuni.
Il-ġenituri wkoll għandhom dmir li jgħallmu lil uliedhom ċertu għarfien prattiku minbarra l-prinċipji tal-evanġelju. Il-familji jingħaqdu flimkien meta aħna nagħmlu affarijiet flimkien. Il-ġonna tal-familja jibnu r-relazzjonijiet tal-familja. L-esperjenzi sbieħ tal-familja jsaħħu r-rabtiet tal-familja. Il-kampings, l-attivitajiet sportivi, u attivitajiet rikreattivi oħra huma speċjalment siewja biex jgħaqqdu l-familji flimkien. Il-familji għandhom jorganizzaw riunjonijiet tal-familja biex ifakkru l-antenati tagħhom, u dan iwassalhom għat-tempju.
Il-ġenituri għandhom jedukaw lil uliedhom f’ħiliet bażiċi tal-ħajja, fosthom li jaħdmu fil-ġnien u fid-dar. Li nitgħallmu l-lingwi hija tħejjija siewja għas-servizz missjunarju u għall-ħajja moderna. L-għalliema ta’ dawn is-suġġetti jistgħu jkunu l-ġenituri jew in-nanniet jew membri tal-familja estiża. Il-familji jiffjorixxu meta huma jitgħallmu bħala grupp u jiddiskutu flimkien fuq kull ħaġa li tikkonċerna l-familja u l-membri tagħha.
Xi wħud jafu jgħidu, “Iżda aħna m’għandniex ħin għal dan.” Biex isibu l-ħin biex jagħmlu dak li hu tassew ta’ valur, bosta ġenituri jsibu li huma jistgħu jsibu l-ħin għall-familji tagħhom meta jitfut-teknoloġija tagħhom. U intom il-ġenituri, ftakru, li dak li dawk it-tfal tassew jeħtieġu waqt ħin l-ikel hu li jqattgħu l-ħin magħkom.
Barkiet kbar jaslu għand il-familji jekk huma jitolbu flimkien, jinżlu għarkupptejhom kull filgħaxija u kull filgħodu biex iroddu ħajr għall-barkiet u jitolbu għall-affarijiet li jolqtuhom ilkoll. Il-familji jiġu mberkin ukoll meta huma jqima flimkien fis-servizzi tal-Knisja u f’mumenti devozzjonali oħra. Ir-rabta tal-familja tissaħħaħ ukoll permezz tal-istejjer tal-familja, u meta joħolqu drawwiet tal-familja, u jaqsmu ċerti esperjenzi sagri. Il-President Spencer W. Kimball fakkarna li “stejjer ta’ ispirazzjoni minn ħajjitna u mill-ħajja tal-antenati tagħna … huma għodda ta’ tagħlim qawwija.” Huma ħafna drabi huma l-aqwa sors ta’ ispirazzjoni għalina u għal ta’ warajna.
Jiena nixhed dwar il-Mulej Ġesù Kristu li huwa l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla l-Missier Etern tagħna. Huwa jistedinna biex nimxu fit-triq tal-patt li twassalna biex ningħaqdu flimkien bħala familja fis-smewwiet. Il-qawwiet tas-siġill tas-saċerdozju, immexxija permezz tal-imfietaħ li ġew irrestawrati fit-Tempju ta’ Kirtland, iwasslu biex il-familji jkunu flimkien għall-eternità kollha (ara Doctrine and Covenants 110:13–16). Bħalissa huma qed jiġu eżerċitati f’numru dejjem jikber ta’ tempji tal-Mulej madwar id-dinja. Din hi ħaġa reali. Jien nitlob li aħna nkunu parti minnha f’isem Ġesù Kristu, ammen.