Li Għandek Tagħmel Agħmlu Minn Qalbek
Afdaw fis-Salvatur, u bil-paċenzja u d-diliġenza kollha agħmlu l-parti tagħkom b’qalbkom kollha.
Is-sena l-oħra, waqt żjara tiegħi fl-Ewropa, jien mort inżur il-post fejn kont naħdem qabel, il-Linja tal-Ajru Ġermaniża Lufthansa fl-Ajruport ta’ Frankfurt.
Biex iħarrġu l-piloti tagħhom, huma joperaw diversi simulaturi tat-titjira sofistikati b’moviment komplut li kapaċi joħolqu tista’ tgħid kwalunkwe kundizzjoni tat-titjira sew normali u sew ta’ emerġenza. Fis-snin li għamilt naħdem bħala kaptan tal-linja tal-ajru, jien kien ikolli ngħaddi minn titjira ta’ prova b’simulatur kull sitt xhur biex stajt nibqa’ nżomm il-liċenzja kurrenti tiegħi ta’ pilota. Għadni niftakar ċar dawk il-mumenti intensi mimlijin stress u anzjetà fejn kont ukoll inħoss fija sentiment mill-isbaħ li rnexxieli ngħaddi mit-test. Dak iż-żmien kont għadni żagħżugħ u l-isfida kienet togħġobni.
Waqt iż-żjara tiegħi, wieħed mill-mexxejja tal-Lufthansa staqsieni jekk kellix ix-xewqa li nerġa’ għal darb’oħra nipprova ntajjar is-simulatur 747.
Qabel ġejt mogħti biżżejjed ħin biex nipproċessa sew dik il-mistoqsija, smajt leħen—jixbaħ ħafna lil leħni—jgħid, “Iva, nixtieq verament.”
Hekk kif lissint dak il-kliem, feġġew f’moħħi dilluvju ta’ ħsibijiet. Kien għadda ħafna żmien minn l-aħħar darba li tajjart 747. Dak iż-żmien kont għadni kaptan żagħżugħ u kunfidenti. Illum, kelli reputazzjoni x’nissalvagwardja bħala eks pilota ewlieni. Tgħid kont se ninbarazza ruħi quddiem dawn il-nies professjonisti?
Iżda kien tard wisq biex ngħid le, għalhekk sibt posti fis-siġġu tal-kaptan, poġġejt idejja fuq l-għeżież kontrolli mill-aktar familjari, u stajt inħoss, għal darb’oħra, it-tlugħ tat-titjira hekk kif l-ajruplan kbir damdam bil-ħoss ir-runway u beda jtir lejn is-sema mill-aktar blu.
Grat tassew li t-titjira kienet waħda ta’ suċċess, l-ajruplan baqa’ intatt, u l-istess ir-reputazzjoni tiegħi.
Minkejja dan, l-esperjenza kienet waħda li daħħlitni f’qoxorti. Meta kont għadni fl-aqwa tiegħi, kienet ħaġa mill-aktar naturali għalija li ntajjar ajruplan. Illum, kelli nikkonċentra bis-sħiħ biex nagħmel dawk il-ħwejjeġ li huma bażiċi.
Id-Dixxipulat Jitlob id-Dixxiplina
L-esperjenza tiegħi fis-simulatur tat-titjira kien tfakkira importanti li biex tkun tajjeb f’xi ħaġa—sew biex wieħed itajjar ajruplan, sew biex jaqdef, jiżra’, jew biex jagħmel xi ħaġa oħra—jeħtieġ dixxiplina miegħu nnifsu u prattika b’mod konsistenti.
Tafu tgħaddu snin titgħallmu xi sengħa jew tiżviluppaw xi talent. Tafu tgħaddu ħinijiet twal tipprattikaw hekk li dak li tagħmlu jsir għalikom xi ħaġa mill-aktar naturali. Iżda jekk taħsbu li dan ifisser li tistgħu tieqfu tipprattikaw u tistudjaw, intom gradwalment tibdew titilfu l-għarfien u l-abbiltà li darba rnexxielkom tiksbu bi prezz għoli.
Dan japplika għal kull ħila bħal per eżempju, iddoqqu xi strument mużikali, jew ittajru ajruplan. Japplika wkoll biex wieħed isir dixxiplu ta’ Kristu.
F’kelma waħda, id-dixxipulat jeħtieġ l-awtodixxiplina.
Mhijiex xi ħaġa każwali, u ma ssirx b’mod aċċidentali.
Il-fidi f’Ġesù Kristu hija don, iżda li nirċevuha hija għażla minn jeddna li teħtieġ minna ċertu impenn “b’qalbna kollha u bis-setgħa u l-qawwa tagħna kollha.” Jeħtieġ li nitħarrġu ta’ kuljum. Kull siegħa. Jeħtieġ li nitgħallmu b’mod kostanti u nidħlu għalija b’impenn determinat. Il-fidi tagħna, li hi l-lealtà tagħna lejn is-Salvatur, tissaħħaħ hekk kif hija tiġi ttestjata kontra l-oppożizzjoni li nħabbtu wiċċna magħha fil-mortalità. Hija tibqa’ soda għax nieħdu ħsiebha, nibqgħu napplikawha, u qatt ma naqtgħu qalbna.
Mill-banda l-oħra, jekk jibqgħu lura mill-nużaw il-fidi u l-qawwa konvinċenti tagħha, billi naġixxu skont din l-istess fidi, aħna nsiru anqas ċerti dwar ħwejjeġ li xi draba konna nqisuhom sagri—anqas kunfidenti dwar ħwejjeġ li xi darba konna nqisuhom veri.
It-tentazzjoni li qatt ma kienet tħajjarna issa tibda ssir anqas tal-biża’ u aktar attraenti.
In-nar tat-testimonjanza li kellna l-bieraħ jista’ jibqa’ jixħet is-sħana tiegħu biss għal ftit żmien. Jeħtieġ li nibqgħu nieħdu ħsiebu b’mod kostanti biex jibqa’ jaqbad b’qawwa.
Fit-Testment il-Ġdid, is-Salvatur għallem parabbola dwar wieħed imgħallem li ta lil kull wieħed mill-qaddejja tiegħu ċerta fiduċja sagra—kejl ta’ flus jissejħu talenti. Il-qaddejja li użaw b’diliġenza t-talenti tagħhom kabbruhom. Il-qaddej li mar jaħbi t-talent tiegħu eventwalment spiċċa biex tilfu.
X’inhi l-lezzjoni? Alla jagħtina ċerti doni—ta’ għarfien, ta’ abbiltà, ta’ opportunità—u Huwa jridna nużawhom u nkattruhom ħalli jkunu jistgħu jbierku lilna u lil uliedu oħra. Dan ma jseħħx jekk aħna npoġġu dawk id-doni fuq xi xkaffa fil-għoli bħal xi trofew li qiegħed hemm biex nammirawh minn żmien għall-ieħor. Id-doni tagħna jistgħu jikbru u jitkattru biss meta nużawhom.
Intom Mimlijin Doni
Iżda tafu tgħidu, “Presbiteru Uchtdorf, jien m’għandi l-ebda doni jew talenti—għall-anqas xejn li huwa ta’ valur.” Taf tħarsu lejn ħaddieħor li d-doni tagħhom huma ovvji u impressjonanti, u tħossukom mill-aktar ordinarji jekk tqabblu rwieħkom magħhom. Tafu taħsbu li fl-eżistenza primortali, fil-jum li fih tqassmu d-doni u t-talenti kbar, is-sehem tagħkom kienet wieħed miżeru—speċjalment mqabbel ma’ kemm ingħataw bil-kotra l-oħrajn.
O, kemm nixtieq inħaddankom miegħi u ngħinkom tifhmu din il-verità mill-aktar importanti: Intom esseri mberkin bid-dawl, ulied spirti ta’ Alla infinit! U fikom hemm potenzjal li jmur lil hinn kemm kapaċi timmaġinaw.
Kif kitbu l-poeti, intom ġejtu fid-dinja bħala “sħab għaddej mimli glorja”!
L-istorja tal-oriġni tagħkom hija waħda divina , u l-istess id-destin tagħkom. Intom ħallejtu s-smewwiet biex tiġu hawn, iżda s-smewwiet qatt ma ħallewkom!
Intom żgur li m’intomx ordinarji.
Intom nies b’għadd ta’ doni!
Fid-Duttrina u Patti, Alla ddikjara:
“Għax mhux kulħadd jingħata d-doni kollha; għax id-doni huma ħafna, u kull bniedem jingħata don permezz tal-Ispirtu ta’ Alla.
“Xi wħud jingħataw wieħed, u xi wħud jingħataw ieħor, ħalli lkoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.”
Xi wħud mid-doni tagħna jisemmew fl-iskrittura. Ħafna oħrajna le.
Kif qal il-profeta Moroni, “Tiċħdux id-doni ta’ Alla, għax huma bosta; u lkoll ġejjin mill-istess Alla.” Huma jafu jidhru “b’diversi modi … ; iżda huwa, sewwasew, l-istess Alla li jaħdem f’kollox.”
Jaf ikun minnu li d-doni spiritwali tagħna ma jkunux dejjem mill-aktar ovvji, iżda dan ma jfissirx li huma anqas importanti. Tippermettuli naqsam magħkom ċerti doni spiritwali li jiena nnutajt f’bosta membri madwar id-dinja? Ikkontemplaw ftit jekk intom ġejtux imbierka b’xi wieħed jew aktar minn dawn id-doni bħal:
-
Turu l-kompassjoni.
-
Tinnutaw nies li ftit jinnutawhom.
-
Issibu raġuni biex tifirħu.
-
Tkunu nies li ġġibu l-paċi.
-
Tinnutaw mirakli żgħar.
-
Tikkumplimentaw lil xi ħadd minn qalbkom.
-
Taħfru.
-
Tindmu.
-
Tibqgħu sħaħ.
-
Tispjegaw l-affarijiet b’mod sempliċi.
-
Tmorru tajjeb ħafna mat-tfal.
-
Issostnu l-mexxejja tal-Knisja.
Danw id-doni tafu ma tarawhomx waqt xi wirja ta’ talent tal-qasam. Iżda nittama li tagħrfu kemm huma prezzjużi għall-ħidma tal-Mulej u kif stajtu missejtu, beritku, jew saħansitra ġibtu lura fit-triq it-tajba lil xi wieħed jew waħda minn ulied Alla permezz tad-doni tagħkom. Ftakru: “Permezz ta’ ħwejjeġ żgħar u sempliċi jiġu fis-seħħ ħwejjeġ kbar.”
Agħmlu l-Parti Ċkejkna Tagħkom
Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, nitlob li l-Ispirtu jgħinkom tagħrfu d-doni u t-talenti li takom Alla. Imbagħad, ejjew bħall-qaddejja fidili fil-parabbola tal-Mulej, inkabbruhom u nkattruhom.
Għad jasal il-jum meta aħna nieqfu quddiem Missierna fis-Smewwiet: mimli kompassjoni biex nagħtu kont ta’ dak li tana. Hu jkun jixtieq jaf x’għamilna bid-doni li tana—speċjalment kif użajnihom biex inbierku lil uliedu. Alla jaf min aħna verament, min ġejna maħluqa biex insiru, u għalhekk l-aspettattivi tiegħu għalina huma kbar.
Iżda Huwa ma jistenniex minna li nagħmlu xi qabża grandjuża, erojka, jew superumana biex naslu hemm. Fid-dinja li ħoloq Hu, it-tkabbir iseħħ b’mod gradwali u bil-paċenzja—iżda wkoll jasal b’konsistenza u bla ma naqtgħu qalbna.
Ftakru, Ġesù Kristu diġà għamel il-parti superumana meta huwa għeleb il-mewt u d-dnub.
Il-parti tagħna hi li nimxu wara Kristu. Il-parti tagħna hi li nitbiegħdu mid-dnub, u nduru lejn is-Salvatur, u nimxu fit-triq tiegħu, pass wara pass. Hekk kif nagħmlu dan, b’diliġenza u fedeltà, aħna eventwalment ninħelsu mill-imperfezzjoni u mid-difetti u bil-mod nibdew nirraffinaw ruħna, sakemm jasal dak il-jum perfett meta aħna niksbu l-perfezzjoni fi Kristu.
Il-barkiet ma jinsabux ’il bogħod minna. Il-wegħdiet hemm qegħdin. Il-bieb miftuħ beraħ. L-għażla tagħna hi li nidħlu u nibdew.
Il-bidu jaf ikun wieħed żgħir. Iżda ma jimpurtax.
Fejn il-fidi hija dgħajfa, ibdew fit-tama fi Kristu Ġesù u fil-qawwa tiegħu li jnaddafna u jsaffina.
Missierna jitlobna biex nidħlu għal din l-isfida ta’ fidi u dixxipulat mhux bħala turisti każwali iżda bħala nies kredenti b’qalbna kollha, li nħallu warajna u nabbandunaw lil Babilonja u li qalbna, moħħna, u l-passi tagħna huma ffokati fuq Sijon.
Aħna nafu li l-isforzi tagħna biss ma jistgħux iwassluna biex inkunu ċelestjali. Iżda jistgħu jgħinuna nkunu leali u mimlijin impenn għal Ġesù Kristu, u Hu jista’ jagħmilna ċelestjali.
Grazzi għall-maħbub Salvatur tagħna, ma jeżisti l-ebda xenarju li minnu ma nistgħux noħorġu rebbieħa. Jekk it-tama u l-fidi tagħna jkunu fih, ir-rebħa tagħna hi waħda ċerta. Huwa jwegħidna l-aċċess għall-qawwa tiegħu, għas-setgħa tiegħu, u għall-grazzja abbundanti tiegħu. Pass pass, ftit ftit, aħna nersqu aktar qrib dak il-jum kbir u perfett meta aħna lkoll mmorru ngħixu miegħu u mal-maħbubin tagħna fi glorja eterna.
Biex naslu s’hemm, jeħtieġ li nagħmlu l-parti tagħna, illum u kull jum. Aħna grati għall-passi li ħadna lbieraħ, iżda ma nistgħux nieqfu hemm. Aħna nafu li t-triq għadha twila, iżda importanti li ma nħallux dan jaqtalna qalbna.
Din hi l-essenza ta’ min verament aħna—bħala dixxipli ta’ Kristu.
Jiena nisħaq u nbierek lil kull membru tal-Knisja u lilkom kollha li tixtiequ tagħmlu parti minnha, biex tafdaw fis-Salvatur u bil-paċenzja u bid-diliġenza kollha, tagħmlu l-parti tagħkom b’qalbkom kollha—ħalli l-hena tagħkom tkun sħiħa u biex, xi darba, intom tirċievu dak kollu li għandu l-Missier. Dwar dan jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, ammen.