Tarmux it-Tjieba Tagħkom
Intom għandkom aċċess immedjat għall-għajnuna divina u l-fejqan divin minkejja d-dgħufijiet tagħkom.
Wieħed għalliem fi skola darba għallem li balena—minkejja li hi kbira—ma tistax tibla bniedem għal il-baleni għandhom griżmejn żgħar. Waħda tifla oġġezzjonat, “Iżda Ġona belgħetu balena.” L-għalliem wieġeb, “Impossibbli.” Peress li xorta waħda baqgħet mhux konvinta, it-tifla wieġbet, “Ara, meta mmur fis-smewwiet nistaqsih.” L-għalliem tbissem b’mod sarkastiku, “U jekk Ġona kien midneb u ma marx fis-smewwiet?” It-tifla wieġbet, “F’dak il-każ staqsih int.”
Vera nidħqu, iżda m’għandniex ninjoraw il-qawwa li toffri l-istorja ta’ Ġona lil kull min “b’umiltà jfittex il-kuntentizza,” speċjalment dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.
Alla ordna lil Ġona biex “imur Ninwè” biex ixandar l-indiema. Iżda Ninwè kienet l-għadu brutali ta’ Iżrael tal-qedem—għalhekk fil-pront Ġona rħielha ġewwa ġifen sewwasew lejn in-naħa opposta, lejn Tarsis. Hekk kif kien qed isalpa lil hinn mis-sejħa tiegħu, qamet maltempata li wasslet biex il-ġifen inkalja. Konvint li d-diżubbidjenza tiegħu wasslet għal dan, Ġona offra minn jeddu li jinxteħet il-baħar. Dan wassal biex il-baħar imqalleb jikkalma, u b’hekk sħabu tal-fuq il-ġifen salvaw.
B’mod mirakoluż, Ġona ħelisha mill-mewt meta “ħuta kbira” li kien “ħejja” l-Mulej belgħetu. Iżda huwa baqa’ magħluq f’dak il-post mudlam u moqżież għal tliet ijiem sakem il-ħuta finalment beżqitu fuq l-art. Huwa mbagħad aċċetta s-sejħa tiegħu li jmur Ninwè. Madankollu, meta l-belt nidmed u ħelsitha mill-qerda, Ġona ħassu nsultat bil-ħniena li ġiet murija lill-għedewwa tiegħu. Alla bis-sabar kollu għallem lil Ġona li Huwa jħobb u jara li jsalva lil uliedu kollha.
Hekk kif waqa’ aktar minn darba fi dmirijietu, Ġona jipprovdilna xhieda ċara li fil-mortalità, “kulħadd jaqa.” Aħna rari nitkellmu dwar xhieda ta’ Waqgħa. Iżda li jkollna għarfien duttrinali u xhieda spiritwali għalfejn kull wieħed u waħda minna jispiċċa jitqabad mal-isfidi morali, fiżiċi, u sitwazzjonali hija barka kbira. Hawn fid-dinja, jikber il-ħaxix ħażin, u anke jitfarrak l-għadam iebes u lkoll “niċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla.” Iżda din il-kundizzjoni mortali—riżultat tal-għażliet li għamlu Adam u Eva—hija essenzjali għall-istess raġuni għalfejn aħna neżistu: “biex inkunu nistgħu ngawdu l-hena”! Kif tgħallmu l-ewwel ġenituri tagħna, huwa biss billi nduqu l-morr u billi nħossu l-uġigħ ta’ dinja mitlufa li aħna nistgħu nnisslu fina, biex ma ngħidux ingawdu, l-vera kuntentizza.
Xhieda tal-Waqgħa ma tiskużax id-dnub jew li aħna noqogħdu lura mid-dmirijiet tagħna tal-ħajja, li dejjem jitolbu minna d-diliġenza, il-virtù, u l-kontabilità. Iżda hija tista’ tikkalma l-frustrazzjoni tagħna meta l-affarijiet ma jmorrux kif nixtiequ, jew meta naraw xi nuqqas morali f’xi membru tal-familja, jew f’xi ħabib jew mexxej. Spiss aħna ninfexxu fil-kritika kontenzjuża jew fir-riżentiment tagħna li jdgħajfulna l-fidi tagħna. Iżda li jkollna xhieda soda tal-Waqgħa jista’ jgħinna biex ikunu aktar bħal Alla kif iddeskrivih Ġona, jiġifieri, “ħanin u jagħder, tqil biex tinkorla, kollu tjieba” lejn kulħadd—inkluż aħna—fl-istat inevitabbli u imperfett tagħna.
Aktar fil-fatt milli turi l-effett tal-Waqgħa, l-istorja ta’ Ġona tmexxina b’qawwa lejn Dak li jista’ jeħlisna minn dawk l-effetti. Is-sagrifiċċju ta’ Ġona li ssagrifika lilu nnifsu biex isalva lil sħabu ta’ fuq il-ġifen huwa att Kristjan tassew. U tliet darbiet meta Ġesù ġie mitlub juri sinjal mirakoluż tad-divinità tiegħu, Huwa jgħid li “ebda sinjal ma jingħata … ħlief dak ta’ Ġona,” fejn iddikjara li hekk kif Ġona dam “tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba tal-art.” Bħala simbolu tal-mewt sagrifiċjali u l-Qawmien glorjuż tas-Salvatur, Ġona jista’ jagħti l-każ li Ġona hu bniedem imperfett. Iżda dan iwassal ukoll biex ix-xhieda personali u l-impenn tiegħu lejn Ġesù Kristu, li huwa wera f’żaqq il-balena, ikunu daqstant kommoventi u ta’ ispirazzjoni.
L-għajta ta’ Ġona hi l-għajta ta’ bniedem twajjeb fi kriżi, x’aktarx minħabba l-għażliet li jkun ħa. Għal bniedem qaddis, meta xi katastrofi hija riżultat ta’ xi vizzju, kumment, jew deċiżjoni li wara jiddispjaċih minnhom, minkejja tant intenzjonijiet tajbin u sforz kbir li jagħmel is-sewwa, hija taf tkun mill-aktar devastanti u twassal biex hu jħossu abbandunat. Iżda hi x’inhi l-kawża jew kbir kemm hu kbir id-diżastru li nkunu qed niffaċċjaw dejjem hemm art ta’ tama, fejqan, u kuntentizza. Isimgħu minn Ġona:
“Fid-dwejjaq tiegħi lill-Mulej sejjaħt … ; mill-ġuf ta’ art l-Imwiet krabt. …
“Inti tfajtni fil-qiegħ, ġo nofs il-baħar, u l-wied dar miegħi; …
“U jiena għedt, Tgerrixt minn quddiem wiċċek; madankollu kif nerġa’ nara t-tempju mqaddes tiegħek?
“Dawwruni l-ilmijiet, sa għoddhom fgawni, l-abbiss dar miegħi, tkebbet ma’ rasi l-alka, f’tarf il-muntanji.
“Nżilt ġo l-art; … imma int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra. …
“Meta ġo fija kelli ruħi mħeddla … jien fil-Mulej ftakart; u t-talba tiegħi telgħet … fit-tempju mqaddes tiegħek.
“Dawk li jirrispettaw l-idoli fiergħa ikunu qed jarmu t-tjieba tagħhom.
“Jien, iżda, lilek noffri s-sagrifiċċji, b’leħen ta’ radd il-ħajr, u dak li wegħedt inroddu. Is-salvazzjoni tiġi mill-Mulej.”
Minkejja li dan seħħ bosta snin ilu, nista’ ngħidilkom eżatt fejn kont ninsab bilqiegħda, u eżatt kif ħassejtni, meta, f’żaqq l-infern personali, jien skoprejt din l-iskrittura. Lilkom li llum qed tħossukom kif kont ħassejtni jien—li intom tinsabu mwarrbin, f’qiegħ l-ilmijiet fondi, bil-ħaxix ħażin mdawwar ma’ raskom u bil-muntanji fil-baħar jiġġarrfu għal fuqkom—it-talba tiegħi lilkom, ispirata minn Ġona, hi tarmux it-tjieba tagħkom. Intom għandkom aċċess immedjat għall-għajnuna divina u l-fejqan divin minkejja d-dgħufijiet tagħkom. Din il-ħniena li tispirana tasal f’Ġesù Kristu u permezz tiegħu. Peress li Huwa jafkom u jħobbkom perfettament, Huwa jiffrilkom din il-ħniena daqslikieku hi your “tagħkom,” jiġifieri adattata perfettament għalikom, mfassla biex ittaffi l-agunija individwali tagħkom u tfejjaq l-uġigħ partikolari tagħkom . Għalhekk, f’ġieħ is-smewwiet u għall-ġid tagħkom, tagħtuhiex daharkom. Ilqgħuha. Ibdew billi tirrifjutaw li tisimgħu mill- “vanità kollha gideb” tal-avversarju li jġarrabkom billi taħsbu li s-solliev tistgħu ssibuh jekk ssalpaw lil hinn mir-responsabbiltajiet spiritwali tagħkom. Minflok, araw li timxu wara dak li qal Ġona wara li nidem. Sejħu lil Alla. Duru lejn it-tempju. Iggranfaw mal-patti tagħkom. Aqdu lill-Mulej, lill-Knisja tiegħu, u lil xulxin b’sagrifiċċju u radd il-ħajr.
Jekk tagħmlu dan kollu jwassal biex ikollkom viżjoni tal-imħabba speċjali tal-patt ta’ Alla għalikom—din li l-Bibbja Ebrajka ssejħila hesed. Intom tagħrfu u tħossu l-qawwa tal-“ħniena ħelwa” leali, ma taqta’ xejn, u ineżawribbli ta’ Alla li twassalkom biex tkunu “setgħana … biex … tinħelsu” minn kull dnub jew intopp. Ċerta diqa intensa li jkollkom għall-ewwel taf iċajpar dik il-viżjoni. Iżda hekk kif tkomplu “troddu dak li wegħedtu,” din il-viżjoni tkompli aktar ma tmur tiddi dejjem b’aktar qawwa f’qalbkom. U b’dik il-viżjoni intom mhux biss ssibu t-tama u l-fejqan iżda, ħaġa tal-għaġeb, intom issibu l-hena, anke f’nofs l-isfidi diffiċli tagħkom. Il-President Russell M. Nelson għallimna tant tajjeb: “Meta f’ħajjitna aħna niffokaw fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-hena minkejja dak kollu li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna. L-hena tiġi mingħandu u minħabba fih.”
Sew jekk qed tiffaċċjaw xi katastrofi kbira bħal ta’ Ġona, jew l-isfidi ta’ kuljum fid-dinja imperfetta tagħkom, l-istedina hi l-istess: Tarmux it-tjieba tagħkom. Ħarsu lejn is-sinjal ta’ Ġona, Kristu l-ħaj, li qam minn qabartu wara tliet ijiem wara li ħareġ rebbieħ fuq kollox—għalikom. Duru lejh. Emmnu fih. Aqduh. Tbissmu. Għax fih, u fih biss, jinsab il-fejqan sħiħ u feliċi mill-Waqgħa li aħna lkoll tant neħtieġu u li b’umiltà qed infittxu. Jien nixhed li dan hu minnu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.