Ippruvati u Msaħħa fi Kristu
Dawn il-mumenti ta’ prova mhumiex evidenza li l-Mulej abbandunakom. Pjuttost, huma evidenza li Huwa jħobbkom biżżejjed li qiegħed jirraffinakom u jsaħħaħkom.
Għeżież ħuti, hekk kif niltaqgħu flimkien tassew nista’ nħoss l-imħabba tal-Mulej. Nieqaf quddiemkom b’umiltà biex inkellimkom. Nitlob li l-Ispirtu jwassal f’qalbkom dak li l-Mulej iridkom tisimgħu, li jmur lil hinn mill-kliem li jiena se ngħid.
Żmien twil ilu, jiena għażilt li nistudja l-fiżika u l-matematika meta kont għadni l-università. Ma kien xejn faċli għalija. Bdejt inħossni bħallikieku bdejt nistudja xi ħaġa li kienet diffiċli ħafna għalija. Aktar ma bdejt insibha diffiċli, anqas bdejt inħoss fija l-qawwa li nkompli nipprova. L-iskoraġġiment tiegħi wassalni biex inħossni li l-isforzi tiegħi kważi kważi ma bdew iħallu l-ebda frott. Għaddieli minn moħħi li ma nkomplix, li mmur għal xi ħaġa aktar faċli.
Ħassejtni dgħajjef. Hekk kif bdejt nitlob, stajt inħoss l-assigurazzjoni tal-Mulej. F’moħħi ħassejtu jgħidili, “Minkejja li qed nippruvak ninsab ukoll miegħek.”
Dak il-ħin ma kontx naf għal kollox x’kien ifisser dak il-kliem. Iżda kont naf x’kelli nagħmel—Xammart il-kmiem.
Bil-ħin li għamilt nixtarr u naħdem fis-snin ta’ wara, bdejt nifhem sew dan il-messaġġ ta’ nkuraġġiment li nsibu fl-iskrittura: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.”
Tgħallimt li d-diffikultà li kelli bil-fiżika kienet fil-fatt don mingħand il-Mulej. Huwa kien qed jgħallimni li bl-għajnuna tiegħu, jiena stajt inwettaq ħwejjeġ li dehru impossibbli jekk jien kelli l-fidi li Huwa kien se jkun hemm biex jgħinni. Permezz ta’ dan id-don, il-Mulej kien qed jipprovani u jsaħħaħni.
Il-kelma tipprova għandha diversi tifsiriet. Li tipprova xi ħaġa mhijiex sempliċiment li tittestjaha. Hi li tagħtiha aktar saħħa. Biex tipprova biċċa azzar trid tgħaddiha minn tenzjoni. Iżżidilha s-sħana, il-piż, u l-pressjoni, sakemm in-natura vera tagħha tiġi żvelata u toħroġ aktar fid-deher. L-azzar mhux se jiddgħajjef jekk tippruvah. Fil-fatt, isir xi ħaġa li tista’ tafdaha, xi ħaġa b’saħħitha biżżejjed li tikkumbatti aktar pressjoni.
Il-Mulej jippruvana tista’ tgħid bl-istess mod biex isaħħaħna. Dik il-prova ma tasalx f’mumenti faċli jew komdi. Tasal f’mumenti meta nħossuna li qed niġu ttestjati ferm aktar milli naħsbu li nifilħu. Il-Mulej jgħallimna li aħna għandna nkomplu nikbru u nkomplu bl-isforzi tagħna, li m’għandna qatt naqtgħu qalbna, li għandna nkomplu nippruvaw.
Meta nkomplu għaddejjin bil-fidi f’Ġesù Kristu—anke meta l-ħwejjeġ jafu jidhru impossibbli għalina f’dak il-mument—aħna nissaħħu spiritwalment. L-iskrittura sagra tenfasizza din il-verità.
Il-profeta Moroni, per eżempju, ġie ppruvat u msaħħaħ b’dan il-mod. Huwa għex l-aħħar snin ta’ ħajtu waħdu. Huwa kiteb li ma kellu l-ebda ħbieb, li missieru kien inqatel, li l-poplu tiegħu kien inqered. Dawk li ppruvaw joqtluh kienu qed jiġru warajh.
Madankollu Moroni ma ddisprax. Minflok, huwa naqqax it-testimonjanza tiegħu ta’ Ġesù Kristu fuq il-pjanċi għan-nies li qatt ma kien se jara f’ħajtu, inkluż in-nisel ta’ dawk li xtaqu joqtluh. Huwa kiteb għalina. Huwa kien jaf li xi wħud kienu se jwaqqgħu kliemu għaċ-ċajt. Kien jaf li xi wħud kienu ma kenux se jaċċettaw kliemu. Madankollu huwa kompla jikteb.
Fil-prova tiegħu, il-fidi ta’ Moroni rraffinat ruħha u ssaħħet. Saret aktar safja. Kliemu jġorr il-qawwa ta’ wieħed li baqa’ sħiħ u fidil sal-aħħar. Aħna nistgħu nħossu dik il-qawwa hekk kif naqraw it-testimonjanza tiegħu:
“Issa jiena, Moroni, se nikteb xi ħaġa li nħoss li jkun tajjeb li niktibha; u jien se nikteb lil ħuti, il-Lamaniti; u nixtieqkom tkunu tafu li issa għaddew aktar minn erba’ mija u għoxrin sena minn meta ngħatajna s-sinjal tal-miġja ta’ Kristu.
“U jiena se nissiġilla dawn l-annali, wara li ngħid ftit kliem ta’ nkuraġġiment.
“Araw, jiena nħeġġiġkom biex meta intom taqraw dawn il-ħwejjeġ, jekk ikun fl-għerf t’Alla li taqrawhom, araw li tiftakru kemm kien ħanin il-Mulej ma’ wlied il-bnedmin, sa mill-ħolqien ta’ Adam sewwasew saż-żmien li fih intom tirċievu dawn il-ħwejjeġ, u araw li tixtarru dan f’qalbkom.
“U meta intom tirċievu dawn il-ħwejjeġ, inħeġġiġkom sabiex tistaqsu ’l Alla, il-Missier Etern, f’isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera; u jekk intom tistaqsuh b’qalb sinċiera u b’intenzjoni ġenwina, u b’fidi fi Kristu, huwa jurikom il-verità kollha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
“U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tkunu tafu l-verità ta’ kollox.”
It-testimonjanza ta’ Moroni ġie rraffinata fis-solitudni, iżda hija tiddi bid-dawl li jiggwida l-ġenerazzjonijiet kollha li jfittxu lil Missierna fis-Smewwiet u lis-Salvatur Ġesù Kristu.
Profeta ieħor tal-Ktieb ta’ Mormon, Ġakobb, ġie ppruvat u msaħħaħ bħala tifel li esperjenza t-tbatija u ħafna niket. Iżda missieru, Leħi, għallmu li Alla kien sejjer ibierku fl-isfidi tiegħu.
“U ara, fi tfulitek inti għaddejt minn tant tbatija u niket, minħabba l-ħruxija ta’ ħutek.
“Madankollu, Ġakobb, l-ewwel wild tiegħi fid-deżert, inti taf kemm hu kbir Alla; u hu sejjer jikkonsagra l-hemm tiegħek għall-ġid tiegħek.
“Għalhekk, ruħek se tkun imbierka, u inti se tgħammar b’moħħok mistrieħ ma’ ħuk, Nefi; u żmienek se tqattgħu fis-servizz ta’ Alla tiegħek. Għalhekk, jiena naf li inti ġejt mifdi, minħabba t-tjieba tal-Feddej tiegħek; għax inti stajt tara li fil-milja taż-żminijiet huwa se jiġi biex iġib is-salvazzjoni lill-bnedmin.”
Il-Profeta Joseph Smith esperjenza din it-tip ta’ prova u tisħiħ meta kien jinsab ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty. Minn qiegħ in-niket tiegħu, il-Profeta Joseph għajjat:
“O Alla, fejn int? …
Il-Mulej seta’ jara fit-tbatija li kien għaddej minnha Joseph l-effett qaddis jekk hu jgħaddi minn dan kollu b’mod fidil, meta wieġbu:
“Ibni, sliem għalik; l-avversità tiegħek u t-tbatija tiegħek se jkunu biss għal żmien qasir;
“Imbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti b’ kuraġġ, Alla jeżaltak fil-għoli; inti tittrijonfa fuq l-għedewwa tiegħek.”
L-akbar eżempju ta’ prova u tisħiħ seħħ permezz tal-Espjazzjoni tas-Salvatur. Huwa ħa fuqu d-dnubiet tad-dinja. Huwa tgħabba bl-uġigħ u n-niket tagħna. Hu xorob mill-kalċi morr. Huwa wera li baqa’ fidil f’kull mument.
Minħabba l-Espjazzjoni glorjuża tiegħu, Ġesù Kristu jista’ jsaħħaħna fi żminijiet ta’ sfida. Huwa jaf kif għandu jgħinna għaliex Huwa ħass l-isfidi kollha li aħna qatt nistgħu nħossu fil-mortalità. “Huwa se jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu … ħalli huwa jkun jaf, skont il-ġisem, kif jista’ jgħin lill-poplu tiegħu skont id-dgħufijiet tagħhom.”
Aħna nitgħallmu li waqt li kien fil-Ġnien tal-Ġetsemani, is-Salvatur staqsa lill-Missier jekk setax jeħles minn din il-prova—iżda mbagħad Huwa qal ukoll jekk din kienet ir-rieda tal-Missier, mela s-Salvatur kien lest li jgħaddi minnha. Fi kliem ieħor, is-Salvatur anke għadda minn mument ta’ dubju u inċertezza, iżda Huwa kellu l-fidi f’Missierna fis-Smewwiet.
Ħuti, il-provi u t-tisħiħ tagħkom jafu ma jkunux l-istess bħal ta’ Moroni jew Ġakobb jew tal-Profeta Joseph. Iżda se tgħaddu minnhom żgur. Tafu tesperjenzawhom b’mod sieket, permezz tal-isfidi tal-ħajja tal-familja. Tafu tesperjenzawhom permezz tal-mard jew tad-diżappunt jew tan-niket jew tas-solitudni.
Naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li dawn il-mumenti mhumiex evidenza li l-Mulej abbandunakom. Pjuttost, huma evidenza li Huwa jħobbkom biżżejjed li qiegħed jirraffinakom u jsaħħaħkom. Huwa qiegħed iqawwikom biżżejjed biex tkunu tifilħu ġġorru l-piż tal-ħajja ta’ dejjem.
Jekk aħna nibqgħu fidili fis-servizz tagħna, il-Mulej sejjer jirraffinana. Huma sejjer issaħħaħna. U xi darba, aħna se nħarsu lura u naraw li dawk l-istess sfidi kienu evidenza ta’ mħabbtu. Naraw li Huwa kien qiegħed jiffurmana biex inkunu kapaċi nieqfu miegħu fi glorja. Kif iddikjara l-Appostlu Pawlu fl-aħħar żmien ta’ ħajtu, “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.”
Nixhed li Alla lilkom jafkom. Huwa jaf l-isfidi li tħabbtu wiċċkom magħhom. Hu jinsab magħkom. Huwa ma jħallikomx weħidkom. Jiena nixhed li Ġesù Kristu hu Iben Alla. Huwa l-qawwa tagħna, il-Feddej tagħna, it-tama tagħna. Jekk nadaw fih, Huwa jara li l-qawwa spiritwali tagħna tkun ekwivalenti għal kull sfida li nintalbu ngħaddu minnha. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.