Biex Kulħadd Jiġi Edifikat
Hekk kif niffokaw fuq Ġesù Kristu, ngħallmu d-duttrina tiegħu, u nitgħallmu b’diliġenza, aħna nistiednu l-Ispirtu s-Santu biex iqawwi l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u jgħinna nsiru aktar bħalu.
Tingħad storja dwar student żagħżugħ u universitarju li kien qed ibati biex isegwi kors mimli sfidi, u għalhekk huwa qabbad għalliem biex jgħinu. Fi tmiem il-kors, il-professur ħabbar li l-istudenti setgħu jġibu għall-eżami finali karta li fuqha setgħu jiktbu dak kollu li riedu. Xi studenti ħejjew lilhom infushom billi għamlu noti ċkejknin b’informazzjoni minn lezzjonijiet u kotba tal-iskola, li setgħu jinqraw biss jekk jużaw lenti. Iżda ż-żagħżugħ wasal fl-aħħar eżami b’karta vojta u raġel stranġier. Meta l-professur konfuż staqsieh, dan iż-żagħżugħ wieġeb, “Inti għidt li stajt inġib karta waħda b’xi ħaġa fuqha, tkun xi tkun.” Imbagħad huwa poġġa l-karta mal-art ħdejn l-iskrivanija tiegħu u qallu, “Nixtieq lill-għalliem tiegħi jieqaf fuq il-biċċa karta tiegħi.”
L-Ispirtu s-Santu
Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, peress li aħna mberkin bil-kumpanija prezzjuża ta’ membru tad-Divinità, aħna jista’ jkollna l-għajnuna tal-Għalliem perfett. L-Ispirtu s-Santu jaf kollox, jixhed dwar il-verità, u “jfakkarna kollox.” Il-President Russell M. Nelson spiss tkellem dwar l-importanza li nisimgħu leħen il-Mulej. Huwa għallimna kif nistiednu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu u ripetutament talabna biex inkabbru l-kapaċità spiritwali tagħna li nirċievu r-rivelazzjoni.
Illum nistedinkom biex tikkunsidraw l-irwol tal-Ispirtu s-Santu, speċifikament relatat mat-tagħlim tal-evanġelju fid-dar u fil-knisja. L-Ispirtu s-Santu jingħata permezz tat-talb tal-fidi u hekk kif nagħmlu li nistgħu biex ngħixu denji ta’ dan id-don prezzjuż. Il-manwal ispirat tal-Knisja Ngħallmu kif Jgħallem is-Salvatur jiddeskrivi diversi prinċipji li l-Mulej stabbilixxa li jgħinu biex nistiednu lill-Ispirtu s-Santu ikun it-tagħlim tagħna.
Stieden Tagħlim Diliġenti
Wieħed minn dawn il-prinċipji hu li tistieden tagħlim diliġenti.” Fil-passat, jista’ jkun li aħna ħsibna li t-tagħlim huwa opportunità biex ġenitur jew għalliem jistiednu l-Ispirtu fit-tħejjija tagħhom u mbagħad jaqsmu dak li huma tgħallmu mat-tfal jew mal-membri tal-klassi, li l-irwol tagħhom kien li jisimgħuh. Iżda aktar effettiv huwa meta aħna, bħala għalliema, niġu mħejjija wkoll u meta l-għalliema joħolqu esperjenzi ta’ tagħlim li jrawmu r-rivelazzjoni personali direttament f’qalbna u f’moħħna. Imbagħad, hekk kif aħna ningħataw opportunitajiet biex naqsmu ma’ oħrajn dak li qed nitgħallmu permezz tal-istudju tagħna u mill-Ispirtu s-Santu, aħna ngħinu lil xulxin biex niġu mgħallma u edifikati. Hekk kif aħna napplikaw dawk il-prinċipji tal-evanġelju, l-Ispirtu għal darb’oħra jagħti xhieda tal-verità tagħhom.
Bħal kull ħaġa oħra, Ġesù Kristu huwa l-eżempju perfett. Huwa stieden lil kull wieħed u waħda minna biex inkunu studenti diliġenti u nieħdu ħsieb it-testimonjanzi tagħna. Huwa stieden lid-dixxipli tiegħu biex jitħejjew biex jitgħallmu, jaqsmu ma’ oħrajn dak li kienu qed jitgħallmu, u jaġixxu bil-fidi. Huwa talab għalihom, ra l-potenzjal divin tagħhom, semagħhom, u għenhom ikunu jafu li kienu maħbubin u meħtieġa.
Bħala għalliema, aħna nistgħu niffokaw aktar fuq il-progress tagħhom, fuq li nilħqu l-bżonnijiet tagħhom, u fuq li ngħinuhom jiżviluppaw drawwiet spiritwali ta’ dixxipulat tul ħajjithom kollha. Bħala studenti, meta aħna neżerċitaw l-għażla ħielsa tagħna fil-proċess tat-tagħlim, aħna nagħtu sinjal lill-Ispirtu s-Santu r-rieda tagħna li niġu mgħallmin minnu.
Jiena grat għal għalliem li stedinni biex inkun student aħjar. Hekk kif bdejt l-università, b’mod żbaljat bdejt nara l-iskola bħala xi ħaġa li jkolli nissaporti sabiex inkun nista’ nagħmel l-isports. Jum fost l-oħrajn, wara li qrat essej li kont ktibt, il-professur tiegħi qaltli li kienet taħseb li jien kont ħassieb analitiku tajjeb ħafna. Lanqas biss kont naf x’kien ifisser dan. Hija qalet li bi sforz aktar iffukat stajt inkun student tajjeb. Dak il-ħsieb qatt ma kien għadda minn moħħi. L-interess, l-inkuraġġiment, u l-istediniet tagħha biddlu l-kors tal-edukazzjoni tiegħi u bierku ħafna ħajti.
Għallem id-Duttrina
Prinċipju ieħor relevanti biex nistiednu l-Ispirtu s-Santu hu li ngħallmu duttrina vera. Dan ifisser li l-istudju u l-istruzzjoni tal-evanġelju tagħna għandhom l-għeruq tagħhom fil-kelma ta’ Alla u li aħna ma nagħrfux jew ma nispekulawx dwar dak li l-Mulej ma żvelax. Minflok, aħna niffokaw fuq prinċipji essenzjali u eterni tal-evanġelju, li jippermettu lill-Ispirtu jixhed dwar il-verità. Għal darb’oħra, aħna nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur. Huwa qal, “Id-duttrina tiegħi mhijiex tiegħi, iżda ta’ dak li bagħatni.”
Id-duttrina vera nsibuha fl-iskrittura u fit-tagħlim tal-profeti moderni. L-eżortazzjoni tal-Mulej biex nistudjaw l-iskrittura individwalment u bħala familji u li nattendu l-knisja kull ġimgħa biex nistudjaw l-evanġelju tiegħu tipprovdi qafas meraviljuż biex nitgħallmu d-duttrina tiegħu u nisimgħu leħnu. Aħna nfittxu l-iskrittura biex nifhmu n-narrattiva, il-prinċipji li huma jgħallmu, u l-applikazzjoni ta’ dawn il-veritajiet f’ħajjitna. X’barka hi li jkollna l-iskrittura fuq il-ponot tas-swaba’ tagħna. Immaġinaw lil Adam u Eva, Abinadi, jew saħansitra lill-Għalliem Prim Ġesù Kristu, iżuru djarna jew il-klassijiet tagħna biex jgħallmuna. Huma jistgħu jagħmlu dan meta aħna nifesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Alla. Bi sforz konsistenti, aħna nistgħu nitgħallmu nifhmu u nħobbu l-iskrittura u nemmnu li għandha it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tar-ruħ.
Kien hemm żmien qabel ma konna miżżewġin meta marti, Kristi, kienet qed issibha diffiċli tħoss l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet u tifhem il-pjan tiegħu għaliha. Hekk kif hija talbet għall-gwida, ħasset suġġeriment li kellha tattendi l-istitut, u għalhekk bdiet tattendi klassi tat-Testment il-Ġdid. Il-mod kif l-għalliem tal-istitut tagħha għallem mill-iskrittura, sewwasew il-mod kif huwa kien iżommha, wera kemm kien iħobb il-kelma ta’ Alla. Hekk kif hija attendiet, l-Ispirtu s-Santu sefsfilha li kien hemm xi ħaġa fl-iskrittura li kellha bżonn. L-imħabba tal-għalliem tagħha lejn l-iskrittura u s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu wasslu biex hija ħolqot xewqa fiha li tibda studju b’mod serju tal-kelma ta’ Alla—li saret vjaġġ tul ħajjitha ta’ konverżjoni profonda u servizz ikkonsagrat.
Iffokaw fuq Ġesù Kristu
Finalment, kif jissuġġerixxi Teaching in the Savior’s Way, l-edukazzjoni u t-tagħlim tagħna għandhom dejjem jiffokaw fuq Ġesù Kristu. Aħna nistgħu nitkellmu aktar ta’ spiss u b’aktar qima dwaru u nfittxu aktar opportunitajiet biex nesprimu t-testimonjanza, il-gratitudni, u l-imħabba lejh. Hu x’inhu l-post, hekk kif niftakru fih, aħna jista’ jkollna “l-Ispirtu tiegħu magħna.”
Mod kif nistgħu npoġġu lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru tat-tagħlim tagħna hu billi nenfasizzaw li Hu l-eżempju perfett, it-twettiq u l-espressjoni tal-prinċipji kollha tal-evanġelju. Anke meta Huwa ma jiġix imsemmi direttament f’rakkont skritturali, xorta waħda nistgħu nippuntaw lejh bħala l-eżempju tal-prinċipju li qed jiġi mgħallem. Nistgħu sempliċiment nistaqsu, “Tistgħu taħsbu dwar żmien meta Ġesù Kristu tana eżempju ta’ dan il-prinċipju?”
Aħna nistgħu niffokaw ukoll fuqu billi nitgħallmu dwar it-titli, l-irwoli, u l-kwalitajiet tiegħu, u hekk infittxu li nitgħallmu mhux biss dak li Huwa għamel iżda nifhmu aħjar min hu. Per eżempju, meta nistudjaw il-prinċipju tal-indiema, huwa importanti li nifhmu kif għandna nindmu. Iżda huwa wkoll essenzjali li niftakru f’dak li għamel Ġesù Kristu biex jagħmel l-indiema possibbli u li nifhmu x’tgħallimna dwaru l-indiema, dwar in-natura u l-karatteristiċi vera tiegħu. L-opportunità tagħna li nindmu x’tgħid dwar l-imħabba, il-paċenzja, u l-ħniena tiegħu, it-twemmin tiegħu fil-potenzjal divin tagħna, ir-rieda tiegħu li jpatti għal dnubietna, u l-ferħ li Huwa jsib fil-maħfra? U li nifhmu t-titli tiegħu—bħall-Ħaruf ta’ Alla, il-Feddej, u t-Tabib—jgħinha naraw kif l-indiema hija l-istedina tiegħu biex inaddafna, jibdilna, u jfejjaqna. Li niffokaw fuq dak li Huwa għamel għalina u x’jgħid dwar min hu jista’ jgħinna jkollna “fidi li twassal għall-indiema.”
Xi kultant, nafu ma narawx b’mod immedjat il-kwalitajiet tas-Salvatur deskritti f’rakkont mill-iskrittura. Per eżempju, meta naqraw dwar Nefi ji jibni dgħajsa, aħna nafu niffokaw biss fuq Nefi. Iżda li niffokaw fuq is-Salvatur jista’ jgħinna naraw li dan ir-reġistru ma ġiex ippreservat biex jgħallimna dwar il-kobor ta’ Nefi iżda biex jurina l-kobor ta’ Alla—li Huwa jagħtina l-qawwa li nżommu l-kmandamenti tiegħu u jeħlisna fi żminijiet ta’ bżonn.
Aħna nistgħu niffokaw ukoll fuq l-irwol ċentrali ta’ Ġesù Kristu fil-pjan ta’ ferħ perfett ta’ Missierna fis-Smewwiet. Jista’ jibdel il-kors ta’ ħajjitna jekk naraw ċ-ċirkustanzi tagħna permezz tal-lenti tal-pjan etern ta’ Alla minflok ma naraw il-pjan permezz tal-lenti fiċ-ċirkustanzi temporali tagħna. L-evanġelju mhuwiex lista ta’ talbiet; hija l-aħbar it-tajba li Ġesù Kristu għeleb id-dnub u l-mewt. Huwa meta naċċessaw il-grazzja meraviljuża tiegħu billi nżommu l-patti tagħna ma’ Alla li aħna nistgħu ngħixu b’ferħ issa u nitħejjew għall-ħajja ma’ Missierna fis-Smewwiet fl-eternitajiet. Hekk kif nitgħallmu naraw lil Missierna tas-Smewwiet u lis-Salvatur fl-iskrittura, aħna nsiru nafuhom aħjar u naraw l-imħabba u l-influwenza tagħhom b’mod aktar frekwenti u b’aktar qawwa f’ħajjitna.
Jiena dejjem se niftakar l-Ispirtu li jiena ħassejt bħala żagħżugħ meta l-għalliem tagħna għallem dwar l-aħħar jiem tal-ħajja tas-Salvatur. Huwa għenna naraw is-sinifikat tal-ġrajjiet fil-kamra ta’ fuq, fil-Ġetsemani, fil-Golgota, u fil-qabar vojt. Huwa qasam il-gratitudni profonda tiegħu għas-Salvatur u x-xewqa tħeġġeġ li jimxi warajh. It-tagħlim tiegħu kien stedina lilll-Ispirtu s-Santu biex jixhed dwar Ġesù Kristu. U l-Ispirtu li jiena ħassejt f’dik il-klassi approfondixxa l-fidi tiegħi u kattar fija l-imħabba u l-apprezzament lejn is-Salvatur. L-influwenza ta’ dak l-għalliem baqgħet f’ħajti kollha. Kif jingħad dwar għalliem ieħor tal-evanġelju, “Aħna nistgħu nsaħħu jdejna permezz tan-nar tal-fidi tiegħu.”
Konklużjoni
Fi djarna u fil-laqgħat tal-knisja, hekk kif niffokaw fuq Ġesù Kristu, ngħallmu d-duttrina tiegħu, u nitgħallmu b’diliġenza, aħna nistiednu lill-Ispirtu s-Santu biex iqawwi l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u jgħinna nsiru aktar bħalu, li huwa l-għan tat-tagħlim u t-tagħlim kollu tal-evanġelju.
Jiena grat għall-għalliema f’ħajti, minn ġenituri twajbin u mexxejja u għalliema lokali għall-irġiel u n-nisa li ġew imsejħin biex jgħallmu u jixhdu minn dan il-pulptu, li jgħinna nsiru nafu u nimxu wara Ġesù Kristu. U jiena grat għall-Ispirtu s-Santu, it-Tutur perfett. Huwa permezz tal-Ispirtu s-Santu li jiena naf li Missierna fis-Smewwiet iħobbna u għandu pjan perfett għalina, li Ġesù hu l-Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tad-dinja, u li l-evanġelju u l-Knisja tiegħu ġew irrestawrati. Jiena nixhed dwar dan kollu fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, ammen.