Konferenza Ġenerali
Huma l-Imħallfin Tagħhom Stess
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Huma l-Imħallfin Tagħhom Stess

(Alma 41:7)

Jekk aħna eżerċitajna l-fidi f’Ġesù Kristu, għamilna u ħarisna l-patti tagħna ma’ Alla, u ndimna minn dnubietna, l-iżbarra tal-ġudizzju se tkun għalina waħda pjaċevoli.

Il-Ktieb ta’ Mormon jagħlaq bl-istedina minn Moroni biex “nersqu lejn Kristu,” “nipperfezzjonaw ruħna permezz tiegħu,” “nitbiegħdu minn kull ħażen,” u “nħobbu ’l Alla bil-qawwa u bis-saħħa tagħna kollha, u b’moħħna kollu.” Interessanti l-fatt li l-aħħar sentenza tal-istedina tiegħu tantiċipa kemm il-Qawmien kif ukoll il-Ġudizzju Finali.

Huwa qal, “Jiena dalwaqt se mmur nistrieħ fil-ġenna ta’ Alla, sakemm l-ispirtu u l-ġisem tiegħi jerġgħu jingħaqdu flimkien mill-ġdid, u b’mod trijonfanti, jiena ninġieb mill-ajru sabiex niltaqa’ magħkom quddiem l-iżbarra pjaċevoli tal-kbir Jaħweh, l-Imħallef Etern, sew tal-ħajjin u sew tal-mejtin.”

Jolqotni ħafna l-mod li bih Moroni uża l-kelma “pjaċevoli” biex jiddeskrivi l-Ġudizzju Finali. Profeti oħra fil-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivu wkoll il-Ġudizzju bħala “jum glorjuż,” jum li “għandna nħarsu ‘l quddiem lejh b’għajn ta’ fidi.” Madankollu ħafna drabi meta nħarsu lejn Jum il-Ħaqq, jiġu f’moħħna deskrizzjonijiet oħra profetiċi, bħal “għajb u ħtija terribbli,” “twerwir u biża’,” u “miżerja bla tmiem.”

Nemmen li dan il-kuntrast qawwi fil-lingwaġġ jindika li d-duttrina ta’ Kristu wasslet biex Moroni u profeti oħra jantiċipaw dak il-jum kbir b’antiċipazzjoni mimlija ħerqa u tama, minflok bil-biża’ li huma wissew biha lil dawk li mhumiex preparati spiritwalment. X’inhu dak li fehem Moroni li intom u jien jeħtieġ li nitgħallmu?

Nitlob għall-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu hekk kif flimkien nagħtu ħarsa lejn il-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna fis-Smewwiet u lejn il-ħniena tiegħu, u lejn l-irwol espjatorju tas-Salvatur fil-pjan tal-Missier, u kif aħna sejrin “se nkunu responsabbli għal dnubietna f’jum tal-ġudizzju.”

Il-Pjan ta’ Ferħ tal-Missier

L-għan ġenerali tal-pjan tal-Missier hu li jipprovdi lill-ulied spirti tiegħu opportunitajiet li huma jirċievu ġisem fiżiku, jitgħallmu jagħrfu “t-tajjeb mill-ħażin” permezz tal-esperjenza mortali, li jikbru spiritwalment, u li jibqgħu mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem.

Fik li d-Duttrina u Patti tirreferi għaliha bħala “l-volontà morali” hija l-qofol tal-pjan ta’ Alla biex iġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja ta’ dejjem ta’ wliedu. Dan il-prinċipju essenzjali huwa deskritt ukoll fl-iskrittura bħala volontà u l-libertà li nagħżlu u naġixxu.

It-terminu “volontà morali” huwa wieħed istruttiv. Sinonimi għall-kelma “morali” jinkludu “tajjeb,” “onest,” u “virtuż.” Sinonimi għall-kelma “volontà” jinkludu “għemil,” “attività,” u “ħidma.” Għalhekk, “volontà morali” nistgħu nifhmu biha li hi l-abbiltà u l-privileġġ li nagħżlu u naġixxu għalina nfusna b’modi li huma tajba, onesti, virtużi, u vera.

Il-ħlejjaq ta’ Alla jinkludu kemm “ħwejjeġ li jaġixxu kif ukoll li jaġixxu għalihom.” U l-volontà morali hija “l-qawwa li naġixxu b’mod indipendenti” li ġiet imfassla b’mod divin li tagħtina s-setgħa bħala wlied Alla li nsiru aġenti li naġixxu u mhux sempliċiment oġġetti li ħaddieħor jaġixxi għalihom.

Id-dinja nħolqot bħala post li fih ulied Missierna fis-Smewwiet jistgħu jiġu ttestjati jekk humiex lesti li “jagħmlu dak kollu li l-Mulej Alla tagħhom jordnalhom” L-għan ewlieni tal-Ħolqien u tal-eżistenza mortali tagħna hu li jipprovdilna l-opportunità li naġixxu u nsiru dak li l-Mulej jistedinna li nsiru.

Il-Mulej qal lil Ħenok:

“Ħares lejn ħutek; huma xogħol idejja, u jiena tajthom l-għarfien, fil-jum li jiena ħloqthom; u fil-Ġnien tal-Għeden, jiena tajt lill-bniedem il-volontà tiegħu;

“U lil ħutek jien għidtilhom, u tajthom kmandament, li huma għandhom iħobbu lil xulxin, u li għandhom jagħżlu lilu, Missierhom.”

L-għanijiet fundamentali għall-eżerċizzju tal-volontà huma li nħobbu lil xulxin u nagħżlu lil Alla. U dawn iż-żewġ għanijiet jallinjaw ruħhom b’mod preċiż mal-ewwel u t-tieni kmandament kbir li nħobbu ’l Alla b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, u bil-qawwa tagħna kollha u nħobbu lil għajrna bħalna nnifisna.

Ikkunsidraw ftit li aħna ordnati—mhux sempliċiment ġejna mwissija jew ngħatajna parir, iżda ordnati—li nużaw il-volontà tagħna biex inħobbu lil xulxin u nagħżlu lil Alla. Ippermettuli nissuġġerixxi li fl-iskrittura, il-kelma li timmodifikana “morali” mhijiex sempliċiment aġġettiv iżda probabbilment hija wkoll direttiva divina dwar għandna nużaw il-volontà tagħna.

Hemm raġuni għalfejn għanja familjari jisimha “Agħżel it-Tajjeb” . Aħna ma ġejniex imberkin bil-volontà morali biex nagħmlu dak li rridu meta rridu. Pjuttost, skont il-pjan tal-Missier, aħna ngħatajna il-volontà morali biex infittxu l-verità eterna u naġixxu skont din l-istess verità. Bħala “aġenti tagħna nfusna,” aħna għandna naħdmu b’ħerqa għal kawża tajba, “nagħmlu ħafna affarijiet minn jeddna, u nwettqu bosta għemejjel tajbin.”

L-importanza eterna tal-volontà morali hija enfasizzata fir-rakkont skritturali tal-kunsilli primortali. Luċifru rribella kontra l-pjan tal-Missier għal uliedu u pprova jeqred il-qawwa tal-għemil indipendenti. Sinifikanti l-fatt li l-isfida tax-xitan kienet iffokata direttament fuq il-prinċipju tal-volontà morali.

Alla spjega, “Għalhekk, peress li … Satana rribella kontrija, u pprova jeqred il-volontà tal-bniedem, … jiena rajt li hu jiġi mixħut ’l isfel.”

L-iskema egoista tal-avversarju kienet li lil ulied Alla joħdilhom il-kapaċità li jsiru “aġenti għalihom infushom” li jistgħu jaġixxu skont is-sewwa. L-intenzjoni tiegħu kienet li jara li wlied Missierna fis-Smewwiet ikunu sempliċiment oġġetti li ħaddieħor jista’ jaġixxi għalihom.

Li Nagħmlu u li Nsiru

Il-President Dallin H. Oaks enfasizza li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jistedinna kemm biex insiru nafu xi ħaġa kif ukoll biex insiru xi ħaġa permezz tal-eżerċizzju ġust tal-volontà morali. Huwa qal:

“Bosta skrittura ta’ żmienna u li nsibu fil-Bibbja titkellem dwar il-ġudizzju finali li fih il-bnedmin kollha sejrin jiġu ppremjati skont l-għemejjel tagħhom jew ħidmiethom jew skont ix-xewqat ta’ qalbhom. Iżda skrittura oħra titkellem aktar fid-dettal dwar dan billi tirreferi għall-ġudizzju tagħna skont il-kundizzjoni li aħna ksibna.

“Il-profeta Nefi jiddeskrivi l-Ġudizzju Finali f’termini ta’ dak li aħna sirna: ‘U jekk l-għemejjel tagħhom kienu maħmuġin m’hemmx dubju li anke huma maħmuġin; u jekk ikunu maħmuġin ma jistgħux jgħammru fis-saltna ta’ Alla’ [1 Nefi 15:33; enfażi miżjuda]. Moroni jiddikjara, ‘Min hu maħmuġ, se jibqa’ maħmuġ; u min jagħmel is-sewwa, se jibqa’ jagħmel is-sewwa’ [Mormon 9:14; enfażi miżjuda].”

Il-President Oaks ikompli: “Minn dan it-tagħlim nikkonkludu li l-Ġudizzju Finali mhuwiex biss evalwazzjoni tas-somma totali tal-għemejjel tajbin u ħżiena tagħna—ta’ dak li għamilna. Huwa riżultat tal-effett finali tal-għemejjel tagħna u ta’ ħsibijietna—ta’ dak li sirna.”

L-Espjazzjoni tas-Salvatur

L-għemejjel u x-xewqat tagħna biss ma jistgħux u mhumiex se jsalvawna. “Wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu,” aħna nistgħu nirrikonċiljaw irwieħna ma’ Alla biss permezz tal-ħniena u l-grazzja li nistgħu niksbu permezz tas-sagrifiċċju espjatorju, infinit u etern, tas-Salvatur sacrifice.

Alma ddikjara, “Araw li tibdew temmnu fl-Iben ta’ Alla, li hu għandu jiġi biex jifdi lill-poplu tiegħu, u li se jbati u jmut biex ipatti għal dnubiethom; u li huwa se jerġa’ jqum mill-imwiet, u dan se jġib fis-seħħ il-qawmien, fejn il-bnedmin kollha sejrin jieqfu quddiemu, biex f’jum il-ħaqq finali jsir ħaqq minnhom skont għemilhom.”

“Aħna nemmnu li permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu, il-bnedmin kollha jistgħu jsalvaw, jekk huma jobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.” Kemm għandna nkunu grati li dnubietna u l-għemejjel ħżiena tagħna mhumiex se jixhdu kontrina jekk aħna tassew “nitwieldu mill-ġdid,” neżerċitaw il-fidi fil-Feddej, nindmu “b’qalb sinċiera” u “b’intenzjoni vera,” u “nibqgħu sħaħ sal-aħħar.”

Biżà Divina

Ħafna minna nafu naħsbu li d-dehra tagħna quddiem l-iżbarra tal-Imħallef Etern se tkun tixbaħ xi seduta f’qorti ta’ din id-dinja. Li se jkun imħallef jippresedi. Li se tiġi ppreżentata l-evidenza. Li se jingħata l-verdett. U probabilment aħna se nkunu nċerti u mbeżżgħin sakemm insiru nafu d-deċiżjoni x’se tkun. Iżda jien nemmen li din il-karatterizzazzjoni mhijiex korretta.

Differenti iżda relatata mal-biża’ mortali li aħna spiss nesperjenzaw hemm dik li l-iskrittura ssejħilha bħala “biża’ divina” jew “il-biża’ tal-Mulej.” B’differenza mill-biża’ tad-dinja li timlina b’biżà kbir u anzjetà, il-biżà ta’ Alla twasslilna l-paċi, l-assigurazzjoni u kunfidenza.

Il-biża’ li hi frott is-sewwa tkopri fiha sentiment profond ta’ qima u reverenza għall-Mulej Ġesù Kristu, ubbidjenza lejn il-kmandamenti tiegħu, antiċipazzjoni għall-Ġudizzju Finali, u l-ġustizzja li huwa se jwettaq. Il-biża’ ta’ Alla hija riżultat tal-għarfien korrett tan-natura divina u l-missjoni tal-Feddej, rieda li nissottomettu r-rieda tagħna mar-rieda tiegħu, u għarfien li kull bniedem għad irid jagħti rendikont tax-xewqat, tal-ħsibijiet, tal-kliem u tal-għemejjel tiegħu fil-mortalità f’Jum il-ħaqq.

Il-biża’ tal-Mulej mhijiex xi apprensjoni li kontra qalbna għad irridu nispiċċaw quddiemu biex Huwa jagħmel ħaqq minna. Pjuttost, hija l-prospettiva li ultimament nagħrfu dwarna nfusna “ħwejjeġ kif inhuma tassew u kif tassew se jkunu.”

In-nies kollha li qatt għexu jew li għad iridu jgħixu fid-dinja “għad jittieħdu sabiex jieqfu quddiem l-iżbarra ta’ Alla, biex huwa jagħmel ħaqq minnhom skont l-għemejjel tagħhom, jekk ikunux tajbin jew ħżiena.”

Jekk ix-xewqat tagħna kienu ġusti u l-għemejjel tagħna tajbin—jiġifieri jekk aħna eżerċitajna l-fidi f’Ġesù Kristu, għamilna u ħarisna l-patti tagħna ma’ Alla, u ndimna minn dnubietna—mela l-iżbarra tal-ġudizzju se tkun għalina waħda pjaċevoli. Kif iddikjara Enos, aħna “se nieqfu quddiem il-Feddej; mbagħad aħna nithennew meta naraw wiċċu.” U fl-aħħar jum aħna sejrin niksbu “dak li huwa sewwa bħala ħlas.”

Kuntrarju għal dan, jekk ix-xewqat u l-għemejjel tagħna kienu ħżiena, mela l-iżbarra tal-ġudizzju se tkun waħda li għandna tbeżżagħna. Aħna se jkollna “għarfien perfett,” “se niftakru b’mod mill-aktar ċar,” u se jkollna “sens qawwi ta’ ħtijietna.” “Ma nazzardawx inħarsu ’l fuq lejn Alla; u jkun ta’ solliev għalina jekk aħna nkunu kapaċi nordnaw lill-blat u l-muntanji biex jaqgħu fuqna ħalli jaħbuna mill-preżenza tiegħu.” U fl-aħħar jum aħna nirċievu “l-premju tagħna tal-ħażen.”

Ultimament, mela, aħna l-imħallfin tagħna stess. Ħadd mu se jkollu għalfejn jgħidilna fejn għandna mmorru. Fil-preżenza tal-Mulej, aħna se nagħrfu dak li aħna għażilna li nkunu fil-mortalità u se nkunu nafu aħna stess fejn għandna nkunu fl-eternità.

Wegħda u Testimonjanza

Li fehem li l-Ġudizzju Finali jista’ jkun ħaġa pjaċevoli mhijiex xi barka riservata biss għal Moroni.

Alma ddeskriva l-barkiet imwiegħda disponibbli għal kull dixxiplu devot tas-Salvatur. Huwa qal:

It-tifsira tal-kelma restawrazzjoni hi li l-ħażen terġa’ ġġibu lura għall-ħażen, jew il-karnali għall-karnali, jew l-imxajtan għall-imxajtan—u t-tajjeb iġġibu lura għal dak li hu tajjeb; is-sewwa għal dak li hu sewwa; il-ġust għal dak li hu ġust; u l-ħanin għal dak li hu ħanin.

“… Imxi magħhom b’ġustizzja, agħmel ħaqq bis-sewwa, u agħmel dejjem il-ġid; u jekk tagħmel dan kollu inti tikseb il-ħlas li ħaqqek; iva, tintradd lura lilek mill-ġdid il-ħniena; iva, tintradd lura lilek mill-ġdid il-ġustizzja; iva, jintradd lura lilek mill-ġdid ġudizzju ġust; u inti tiġi ppremjat mill-ġdid bis-sewwa.”

Jiena nixhed b’ferħ li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur ħaj tagħna. Il-wegħda ta’ Alma hija vera u applikabbli għalikom u għalija—illum, għada, u għal dejjem. Dan nixhdu fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, ammen.