Konferenza Ġenerali
Ħadd M’Għandu Joqgħod Bilqiegħda Waħdu
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Ħadd M’Għandu Joqgħod Bilqiegħda Waħdu

Li ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jinkludi li nilqgħu lil kulħadd fil-Knisja rrestawrata tiegħu.

I.

Jien għaddejt 50 sena nistudja l-kultura, inkluż il-kultura tal-evanġelju. Il-bidu tiegħi kien permezz tal-gallettini tal-fortuna.

F’Chinatown ġewwa San Francisco, l-ikla tal-familja Gong kienet tinkludi l-gallettina tal-fortuna u qawl mimli għerf bħal “Vjaġġ ta’ elf mil jibda permezz ta’ pass wieħed.”

Il-fortuna fil-gallettina tal-fortuna

Meta kont għadni daqsxejn ta’ ġuvni, jiena kont nagħmel il-gallettini tal-fortuna. B’ingwanti bojod tal-qoton, jiena kont nitwi u nifforma l-gallettini tondi li jkunu għadhom kif ħarġu mill-forn.

Gallettini tal-fortuna qed isiru
Gallettina tal-fortuna qed tintewa

Kont sorpriż ħafna meta tgħallimt li l-gallettini tal-fortuna mhumiex oriġinalment parti mill-kultura Ċiniża. Biex niddistingwi l-kultura tal-gallettini tal-fortuna Ċiniżi, Amerikani u Ewropej, jiena bdejt infittex dwar il-gallettini tal-fortuna fuq diversi kontinenti—l-istess kif wieħed juża postijiet diversi biex jara minfejn ikun ġej in-nar ta’ foresta. Ir-restoranti Ċiniżi f’San Francisco, f’Los Angeles, u fi New York ilkoll iservu l-gallettini tal-fortuna, iżda mhux l-istess nistgħu ngħidu għal dawk f’Beijing, f’Londra, jew f’Sydney. Huma l-Amerikani biss li jiċċelebraw il-Jum Nazzjonali tal-Gallettina tal-Fortuna. Huma biss ir-riklami Ċiniżi li joffru “Gallettini tal-Fortuna Awtentiċi Amerikani.”

Il-gallettini tal-fortuna huma eżempju sabiħ u sempliċi. Iżda l-istess prinċipju li nqabblu d-drawwiet kulturali f’ambjenti differenti jistgħu jgħinuna niddistingwu l-kultura tal-evanġelju. U issa l-Mulej qed jiftħilna opportunitajiet ġodda biex nitgħallmu l-kultura tal-evanġelju hekk kif l-allegorija tal-Ktieb ta’ Mormon u l-profeziji tal-parabboli tat-Testment il-Ġdid qed jiġu fis-seħħ.

II.

In-nies qegħdin jemigraw mad-dinja kollha. Il-Ġnus Magħquda tirrapporta li fid-dinja hawn 281 miljun immigrant. Jiġifieri 128 miljun aktar milli kien hawn fl-1990, u aktar minn tliet darbiet milli jaħsbu li kien hawn fl-1970. Ma’ kullimkien, numru rekord ta’ membri ġodda qed isibu l-Knista ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Kull Jum il-Mulej, membri u ħbieb minn 195 pajjiż u territorju tat-twelid differenti qed jinġabru flimkien f’31, 916 kongregazzjoni tal-Knisja. Aħna nitkellmu125 lingwa differenti.

Laqgħa mal-Qaddisin fl-Albanija
Laqgħa mal-Qaddisin fil-Maċedonja ta’ Fuq
Laqgħa mal-Qaddisin fil-Kosovo
Laqgħa mal-Qaddisin fl-Isvizzera
Laqgħa mal-Qaddisin fil-Ġermanja
Laqgħa mal-Qaddisin fil-Ġermanja

M’ilux, fl-Albanija, fil-Maċedonja ta’ Fuq, fil-Kosovo, fl-Isvizzera, u fil-Ġermanja jiena rajt b’għajnejja membri ġodda jġibu fis-seħħ l-allegorija tas-siġra taż-żebbuġ li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon. F’ Ġakobb 5, Sid l-għalqa u l-qaddejja tiegħu jsaħħu kemm l-għeruq tas-siġra taż-żebbuġ kif ukoll il-friegħi billi jiġbu flimkien u jlaqqmu dawk li ġejjin minn postijiet differenti. Illum, ulied Alla jinsabu miġburin flimkien f’Ġesù Kristu; il-Mulej joffrilna mezz naturali tal-għaġeb kif nistgħu nespandu l-milja li aħna ngħixu tal-evanġelju rrestawrat tiegħu.

Biex iħejjina għas-saltna tas-smewwiet, Ġesù jgħidilna l-parabboli tal-pranzu l-kbir u tal-festa tat-tieġ. F’dawn il-parabboli, il-mistednin iġibu ċerti skużi biex ma jattendux. L-imgħallem jordna lill-qaddejja tiegħu “Ħaffu, oħorġu fil-pjazez u t-triqat tal-belt” u “fil-mogħdijiet u fl-għelieqi” u “daħħlu hawn” il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop. Mill-perspettiva spiritwali, dawn jirrappreżentaw lilna lkoll.

L-iskrittura tiddikjara:

“Se jkunu mistiedna l-ġnus kollha” għal “ikla fid-dar tal-Mulej.”

“Ħejju t-triq tal-Mulej, … sabiex is-saltna tiegħu tinfirex fuq l-art, ħalli dawk li jgħammru fiha jkunu jistgħu jilqgħuha, u jitħejjew għaż-żmien li ġej.”

Illum, dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Mulej ġejjin minn kull pajjiż u kultura. Xjuħ u żgħar, għonja u fqar, lokali u globali, aħna nagħmlu l-kongregazzjonijiet tal-Knisja tagħna bħallikieku huma l-komunitajiet tagħna.

Bħala l-Appostlu ewlieni, Pietru ra s-smewwiet jinfetħu f’dehra ta’ “liżar kbir, miżmum mill-erbat itruf … li fih kien hemm kull xorta ta’ … bhejjem.” Pietru għallem: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd. Imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”

Is-Samaritan it-tajjeb

Fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, Ġesù jistedinna biex nersqu lejn xulxin u lejh fil-lukanda tiegħu—il-Knisja tiegħu. Iridna nkunu ġirien tajbin ta’ xulxin. Is-Samaritan it-Tajjeb iwiegħed li jerġa’ lura u jrodd lura għall-kura ta’ dawk li jinsabu fil-lukanda tiegħu. Li ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jinkludi li aħna nilqgħu lil kulħadd fil-Knisja rrestawrata tiegħu.

L-ispirtu tal-“kamra fil-lukanda” jinkludi li “ħadd m’għandu joqgħod bilqiegħda waħdu.” Meta tiġu l-knisja, jekk taraw lil xi ħadd waħdu, tistgħu jekk jogħġobkom tintruduċu lilkom infuskom u tpoġġu bilqiegħda miegħu jew magħha? Din taf mhijiex xi ħaġa li ssoltu tagħmlu. Il-persuna taf tidher jew titkellem differenti minnkom. U, bla dubju, kif tgħidilna gallettina tal-fortuna, “Vjaġġ ta’ ħbiberija tal-evanġelju u l-imħabba jibda permezz tal-ewwel introduzzjoni u li ħadd ma joqgħod bilqiegħda waħdu.”

“Li ħadd ma joqgħod bilqiegħda waħdu” ifisser ukoll li ħadd ma joqgħod bilqiegħda waħdu emozzjonalment u spiritwalment. Jiena mort flimkien ma’ missier b’qalbu maqsuma naraw lil ibnu. Snin qabel, ibnu kien mimli entużjażmu li kien għadu kif sar djaknu. F’din l-okkażjoni l-familja tiegħu kienu xtrawlu l-ewwel par żarbun ġdid.

Iżda meta mar il-knisja, id-djakni bdew jiddieħqu bih. Iż-żarbun veur kien ġdid iżda ma kienx tal-moda. Imbarazzat u mweġġa’, id-djaknu żagħżugħ qal li huma qatt aktar ma kien se jmur il-knisja. Għadni nħoss qalbi titnikket għalih u għal familtu.

Fit-toroq imtarrba lejn Ġeriko, ilkoll kemm aħna sibna min jidħaq bina, jimbarazzana u jweġġagħna, u forsi anke min jinsulentana u jabbuża minna. U, fi gradi varji ta’ intenzjoni, ilkoll kemm aħna wkoll ma tajniex każ ħaddieħor u ma smajnihomx, u forsi anke deliberatament weġġajnihom. Huwa sewwasew minħabba li aħna ġejna mweġġgħin u weġġajna lil ħaddieħor li Ġesù Kristu irid idaħħalna lkoll fil-lukanda tiegħu. Fil-knisja tiegħu u permezz tal-ordinanzi u l-patti tiegħu, aħna nersqu lejn xulxin u lejn Ġesù Kristu. Aħna nkunu qed inħobbu u nirċievu l-imħabba lura, inservu u niġu servuti, naħfru u niġu maħfura. Jekk jogħġobkom ftakru, “fid-dinja m’hemm l-ebda niket li s-sema ma tistax tfejqu”; it-toqol tad-dinja jiħfief—l-hena tas-Salvatur tagħna hija vera.

F’ 1 Nefi 19, naqraw: “Anke lill-istess Alla ta’ Iżrael il-bnedmin jgħaffġu taħt saqajhom; … lilu huma jwarrbuh. … Għalhekk huma jagħtuh is-swat, u hu joqgħod għaliha; u jidorbuh, u joqgħod għaliha. Iva, jobżqulu, u joqgħod għaliha.”

Il-ħabib tiegħi, il-Professur Terry Warner, jgħid li s-sentenza, is-swat u t-tagħjir ma kenux avvenimenti li ġraw darba biss fil-ħajja mortali ta’ Kristu. Kif aħna nittrattaw lil xulxin—speċjalment lil dawn li huma bil-ġuħ, u bil-għatx, u li tħallew weħidhom—huwa sewwasew kif aħna nittrattaw lilu.

Fil-Knisja rrestawrata tiegħu, aħna nkunu f’pożizzjoni ferm aħjar meta ħadd ma jpoġġi bilqiegħda waħdu. Ejjew mhux biss sempliċiment nakkomodaw u nittoleraw. Ejjew ġenwinament nilqgħu fostna, nirrikonoxxu, u nimministraw b’imħabba. Jalla kull ħabib, sister u brother ma jkunux aktar stranġieri u barranin iżda jkunu wlied f’darhom.

Nisa weħidhom fil-knisja

Illum, bosta jħossuhom weħidhom u iżolati. Il-midja soċjali u l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jħalluna nixxenqu għall-qrubija u l-kumpanija umana. Aħna rridu nisimgħu l-ilħna ta’ xulxin. Aħna rridu l-appartenenza u t-tjubija awtentika.

Bilqiegħda mal-ħbieb fil-knisja

Hemm bosta raġunijiet għalfejn nistgħu nħossu li postna mhuwiex fil-knisja—li, b’mod figurattiv, aħna nkunu ninsabu bilqiegħda weħidna. Aħna nafu boqogħdu ninkwetaw dwar l-aċċent, l-ilbies, u s-sitwazzjoni fil-familja tagħna. Jista’ jkun li nħossuna inadegwati; li fuqna għandna riħa ta’ sigaretti; li aħna qed nixxenqu għas-safa morali; li għadna kif ħassarna minn ma’ xi ħadd u nħossuna mweġġgħin u imbarazzati; u li m’aħniex ċerti dwar dik jew din il-polisi tal-Knisja. Jista’ jkun li aħna single, jew iddivorzjati, jew romol. Jew li t-tfal tagħna jagħmlu l-istorbju; jew li m’għandniex tfal. Jew li ma morniex missjoni jew li tlaqna mill-missjoni kmieni. U l-lista ma tispiċċa qatt.

Mosija 18:21 tistedinna biex norbtu qlubna flimkien b’imħabba. Jien nistieden lilna lkoll biex naraw li ninkwetaw anqas, niġġudikaw anqas, u nistennew anqas minn ħaddieħor—u, meta jkun meħtieġ, ma nkunux daqstant ibsin magħna nfusna. Aħna ma noħolqux Sijon f’ġurnata. Iżda kull “kif inti” kull ġest ta’ mħabba, iressaq il-Sijon aktar qrib tagħna. Ejjew nafdaw aktar fil-Mulej, u nagħżlu b’ferħ li nobdu l-kmandamenti tiegħu kollha.

III.

Fis-sens duttrinali, fid-dar tal-fidi u fis-sħubija tal-Qaddisin, ħadd ma jpoġġi bilqiegħda waħdu minħabba l-appartenenza tal-patt f’Ġesù Kristu.

Il-Profeta Joseph Smith għallem: “Tħalla għalina biex aħna naraw, nipparteċipaw u ngħinu mmexxu ’l quddiem il-glorja tal-Aħħar Żmien, ‘id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet … ,’ meta l-Qaddisin ta’ Alla sejrin jinġabru lkoll flimkien minn kull ġens, tribù u poplu.”

Alla “ma jagħmel xejn ħlief dak li huwa ta’ ġid għad-dinja; … biex ikun jista’ jressaq il-bnedmin kollha lejh. …

“… Lilhom ilkoll huwa jistieden biex imorru għandu u jgawdu mit-tjubija tiegħu; … u kulħadd l-istess għal Alla.”

Il-konverżjoni f’Ġesù Kristu teħtieġ li aħna ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali u l-kultura tad-dinja. Kif jgħallem il-President Dallin H. Oaks, aħna għandna nwarrbu kull tradizzjoni u drawwa kulturali li tmur kontra l-kmandamenti ta’ Alla u nsiru Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Huwa jispjega, “Hawn kultura tal-evanġelju unika, sett ta’ valuri u aspettattivi u drawwiet komuni għall-membri kollha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.” Il-kultura tal-evanġelju tinkludi l-kastità, l-attendenza ta’ kull ġimgħa fil-knisja, li nżommu ’l bogħod mill-alkoħol, mit-tabakk, u mit-tè u l-kafè. Tinkludi l-onestà u l-integrità, li nifhmu li aħna nimxu ’l quddiem u mhux ’il fuq jew lura fil-pożizzjonijiet tal-Knisja.

Jiena nħossni nitgħallem mill-membri u l-ħbieb fidili minn kull pajjiż u kultura. L-iskrittura li tiġi studjata f’għadd ta’ lingwi u minn perspettivi kulturali differenti tkabbar l-għarfien tal-evanġelju. L-espressjonijiet differenti tal-kwalitajiet Kristjani jkabbru l-imħabba u l-għarfien tiegħi tas-Salvatur tiegħi. Ilkoll inkunu mberkin meta aħna niddefinixxu l-identità kulturali tagħna, kif għallem il-President Russell M. Nelson, bħala wlied Alla, wlied tal-patt, dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Il-paċi ta’ Ġesù Kristu hija għalina lkoll b’mod personali. M’ilux, wieħed żagħżugħ staqsieni bil-ħerqa, “Presbiteru Gong, jiena xorta waħda nista’ mmur fis-smewwiet?” Ma kienx ċert jekk qatt kienx se jikseb il-maħfra. Jiena staqsejtu x’jismu, smajt bir-reqqa li kellu jgħid, stedintu biex jitkellem mal-isqof tiegħu, u għannaqtu waħda kbira. Huwa telaq minn ħdejja bit-tama f’Ġesù Kristu.

Jiena kont tkellimt dwar dan iż-żagħżugħ f’okkażżjoni oħra. Aktar tard, jiena rċevejt ittra mhux iffirmata li tgħid, “Presbiteru Gong, jien u marti rabbejna disat ulied … u servejna żewġ missjonijiet.” Iżda “Jien dejjem ħassejt li ma kontx se nitħalla nidħol fis-saltna ċelestjali … għax id-dnubiet li wettaqt f’żogħżiti kienu koroh!”

L-ittra kienet tkompli, “Presbiteru Gong, meta inti tkellimt dwar iż-żagħżugħ li kiseb it-tama tal-maħfra, jiena mtlejt bil-hena, għax bdejt nirrealizza li forsi anke jien stajt nikseb il-maħfra.” L-ittra kien tagħlaq, “Issa jien anke ninsab kuntent bija nnifsi!”

L-appartenenza tal-patt tikber hekk kif aħna nersqu lejn xulxin u lejn il-Mulej fil-lukanda tiegħu. Il-Mulej iberikna lkoll meta ħadd ma jpoġġi bilqiegħda waħdu. U min jaf? Jista’ jkun li l-persuna li noqogħdu bilqiegħda ħdejha taf issir l-aktar ħabiba, gallettina tal-fortuna, tagħna. Jalla aħna nsibu u nagħmlu post għalih u għal xulxin fl-ikla tal-Ħaruf, jiena nitlob b’umiltà, fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara “Fortune Cookies Didn’t Come from China,” Royal Examiner, 26 ta’ Diċ, 2021, royalexaminer.com/fortune-cookies-didnt-come-from-china; “National Fortune Cookie Day,” Days of the Year, daysoftheyear.com/days/fortune-cookie-day.

  2. Dan il-proċess jista’ wkoll jgħinna niddistingwu dawl li jafu jiġu kkunsidrati bħala l-kultura tal-evanġelju, l-kultura lokali u nazzjonali, u l-kultura kosmopolitana moderna.

  3. International Organization for Migration, World Migration Report 2024, 21, publications.iom.int/books/world-migration-report-2024. “Fl-2022, kien hemm 117-il miljun persuna fid-dinja li kellhom jiċċaqalqu minn fejn kienu displaced people in the world, 71.2 miljun ruħ spiċċaw jiċċaqalqu f’pajjiżhom stes” (World Migration Report 2024, xii).

  4. Ara Ġakobb 5.

  5. Kull lingwa u kultura għandha kliem u termini li jiddeskrivu l-ħwejjeġ ħelwin tal-qalb. Il-milja li aħna ngħixu meta ngħixu l-evanġelju rrestawrat tiegħu tespandi hekk kif aħna nitgħallmu minn xulxin. M’ilux Sisters Annalie (oriġinalment minn Munich) u Suzy Myers, il-Presbiteru Erich u Sister Christiane Kopischke, u l-Presbiteru Jörg u Sister Julia Klebingat qasmu magħna kliem Ġermaniż uniku li jmiss il-qalb. Is-sentimenti li jiddeskrivi dan il-kliem imorru lil hinn mill-formalità li wieħed jista’ jara. Imorru lil hinn mir-rutina jew mid-dmir. Dawn is-sentimenti jmissu l-qalb, sentimenti ta’ relazzjonijiet mill-qrib ta’ mħabba, ta’ hena spiritwali fir-ruħ divina tagħna. Dan il-kliem speċjali bil-Ġermaniż jinkludi Gemütlichkeit and gemütlich, Heimat, Heimweh, Geborgenheit, Zuflucht, Herzensangelegenheit, Herzensmensch, and Schummerstunde (terminu rari u poetiku min-naħa tat-tramuntana).

  6. Luqa 14:21, 23. Bl-istess mod, fil-parabbola tal-festa tat-tieġ, meta l-mistednin ma jmorrux, is-sultan jordna lill-qaddejja tiegħu biex jiġbru “lil dawk kollha li jsibu” fil-“mogħdijiet” (Mattew 22:9).

  7. Doctrine and Covenants 58:9; ara wkoll Doctrine and Covenants 58:6–8, 10–12.

  8. Doctrine and Covenants 65:3, 5; ara wkoll Doctrine and Covenants 33:17.

  9. Atti 10:11–12, 34–35; ara wkoll Atti 10:9–10, 13–18, 24–33, 44–48; 11:1–18; 15:6–11.

  10. L-immaġni tagħna nersqu lejn xulxin u lejh fil-lukanda tiegħu nistgħu naqraw dwarha f’ 3 Nefi 18:32. Li “ħadd ma joqgħod bilqiegħda waħdu” fil-postijiet ta’ qima tagħna, u li aħna nimministraw b’imħabba lil xulxin, taf tkun tassew il-mezz li bih aħna u huma “nerġgħu lura u nindmu, u huma jersqu lejh b’impenn sħiħ f’qalbhom, u Huwa lilhom ifejjaq; u aħna nkunu l-mezz li bih huma jiksbu s-salvazzjoni.”

  11. Duttrina u Patti 104:15, 17 tfakkarna, “Kollox huwa tal-Mulej” u “ l-art mimlija, u hawn biżżejjed u bix-xaba.” Għalhekk, il-foqra u l-għonja għandhom it-tnejn jgħinu lil kulħadd biex jiġi eżaltat u umiljat. Bl-istess mod, is-Sultan Benjamin jistaqsi, “Aħna mhux kollha tallaba?” Għalhekk l-għonja u l-foqra t-tnejn għandhom l-obbligu li minn jeddhom “jaqsmu ġidhom bejniethom” (Mosija 4:19, 21; ara wkoll Mosija 4:25–27).

  12. F’ “Come, Ye Disconsolate” (Hymns, nu. 115), Thomas Moore jikteb: “Ersqu lejn it-tron tal-ħniena, inxteħtu quddiemu b’ mod ferventi. Ġibu hawn il-qalb imġarrba tagħkom; hawnhekk iftħu qalbkom. Fid-dinja m’hemm l-ebda niket li s-sema ma tistax tfejqu.”

  13. 1 Nefi 19:7, 9. Fid-Diskors fuq il-Muntanja, il-Mulej jgħid: “Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa m’għandek tiċħadlu” (Luqa 6:29).

  14. Ara Mattew 25:35-40.

  15. “Mhux aktar barranin jew mistiedna, Iżda wlied f’darhom” (“My Shepherd Will Supply My Need,” Hymns—For Home and Church, Gospel Library).

  16. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jittraxxendi ż-żmien u l-kultura. Hija testimonjanza meraviljuża għalija li l-Ktieb ta’ Mormon jgħallem il-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-kuntest ta’ ambjent kulturali tal-qedem fl-Ameriki.

  17. Kif ġie mgħallem mill-Profeta Joseph Smith u mill-kunsilliera tiegħu fl-Ewwel Presidenza f’ Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 513; ara wkoll Efesin 1:10.

    Illum il-membri tal-Knisja jgħixu f’għadd ta’ kundizzjonijiet mill-aktar varji, sew politiċi, soċjali u ekonomiċi. L-oqsma u l-fergħat tagħna jvarjaw fil-qies u fir-riżorsi tat-tmexxija. Il-prinċipji ta’ “uniformità u adattament” jistgħu jsaħħu lill-familja u l-Knisja rrestawrata tiegħu bil-modi tal-evanġelju kull fejn ngħixu (ara Handbook 2: Administering the Church [2010], 17.0).

  18. 2 Nefi 26:24, 33, enfażi miżjuda; ara wkoll 2 Nefi 29; Alma 29:8. Duttrina u Patti 90:11 iwiegħed li “kull bniedem għad jisma’ l-milja tal-evanġelju bl-ilsien tiegħu u bil-lingwa tiegħu.” Din il-wegħda qed tiġi fis-seħħ hekk kif aħna qed inġibu flimkien ilsna lingwistiċi u l-lingwa kulturali tal-evanġelju fi djarna u fil-Knisja tagħna.

  19. Ara Dallin H. Oaks, “Repentance and Change,” Liahona, Nov. 2003, 37–40.

  20. Dallin H. Oaks, “Repentance and Change,” 39.

  21. Ara Dallin H. Oaks, “Repentance and Change,” 38–39.

  22. Ara Artikli tal-Fidi 1:13. Hekk kif il-fergħat u l-għeruq diversi jingħaqdu flimkien f’Ġesù Kristu, aħna nibdew nagħrfu aktar dak li hu “virtuż, sabiħ, li jisħoqqlu l-ġieħ jew ta’ min ifaħħru.” Aħna nibdew naraw l-ewwel jiġi l-aħħar u l-aħħar l-ewwel. Aħna nithennew hekk kif l-istudenti jibdew jgħallmu u l-għalliema jitgħallmu. Ilkoll kemm aħna nibdew nifhmu, nedifikaw ruħna u nithennew flimkien (ara Doctrine and Covenants 50:22).

  23. Ara Russell M. Nelson, “Choices for Eternity” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022),Gospel Library.

  24. Jedediah M. Grant, li serva fl-Ewwel Presidenza ma’ Brigham Young, tkellem dwar dehra li kellu tad-dinja tal-ispirti li tinkludi għadd kbir ta’ fjuri sbieħ jikbru flimkien, forsi wkoll bħala metafora għall-għaqda u s-sbuħija fid-diversità. “Jiena rajt ġonna tajbin fuq din l-art iżda qatt ma rajt xejn li jista’ jitqabbel ma’ dawk li rajt hemm,” huwa qal. “Jiena rajt fjuri ta’ kull tip, u wħud minnhom kellhom mal-ħamsin u wħud mitt kulur differenti, ilkoll jikbru minn zokk wieħed.” Huwa esperjenza “is-sbuħija u l-glorja tad-dinja tal-ispirti fejn l-ispirti l-ġusti huma miġburin flimkien” (“Remarks, at the Funeral of President Jedediah M. Grant, by President Heber C. Kimball,” Deseret News, 10 ta’ Diċ., 1856, 317).

    Il-President David O. McKay ukoll tkellem dwar ħolma jew dehra tal-belt eterna ta’ Alla fejn huwa ra s-siġar, il-frott, l-arbuxxell, u l-fjuri jiffjorixxu b’mod perfett. “Bħal intbaħt li s-siġar bil-frott delizzjuż, l-arbuxxell bil-weraq mill-isbaħ, u l-fjuri jiffjorixxu b’mod perfett kienu jinsabu ma’ kullimkien” (Teachings of Presidents of the Church: David O. McKay [2003], 1).