Konferenza Ġenerali
Imżejna bil-Virtù tar-Rażan
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Imżejna bil-Virtù tar-Rażan

Jiena nestendi l-istedina sinċiera tiegħi lilna lkoll biex aħna nżejnu moħħna u qalbna bil-virtù Nisrani tar-rażan.

F’Mejju 2021, waqt li mar iżur ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni Tempju ta’ Salt Lake, il-President Russell M. Nelson baqa’ mistagħġeb bil-ħidma tal-pijunieri li, b’riżorsi limitati u b’fidi mill-aktar soda irnexxielhom jibnu dak il-bini sagru, kapolavur fiżiku u spiritwali li baqa’ wieqaf għal dan iż-żmien kollu. Madankollu, huwa seta’ josserva wkoll l-effett tal-erożjoni, li maż-żmien ikkawża ċertu vojt fil-blat tal-pedament oriġinali u ċerta instabbiltà fix-xogħol tal-ġebel, sinjal ċar tal-ħtieġa ta’ rrinforzat strutturali.

Il-President Nelson barra t-Tempju ta’ Salt Lake

Il-maħbub profeta tagħna mbagħad għallimna li l-istess kif kien hemm il-ħtieġa li jiġu implimenti ċerti miżuri biex jissaħħaħ il-pedament tat-tempju biex huwa jkun jista’ jikkumbatti l-forsi tan-natura, aħna wkoll neħtieġu nieħdu ċerti miżuri straordinarji—forsi anke miżuri li qatt ma ħadna qabel—biex insaħħu l-pedament spiritwali tagħna f’Ġesù Kristu. Fil-messaġġ memorabbli tiegħu, huwa għalaq b’żewġ mistoqsijiet profondi biex nirriflettu dwarhom: “Kemm huwa sod il-pedament tagħkom ? U t-testimonjanza u lill-għarfien tal-evanġelju tagħkom x’rijinfurzar jeħtieġ li jsirilhom?”

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jipprovdilna l-ispirazzjoni divina u mezzi effettivi biex aħna nipprevjenu l-erożjoni spiritwali ġewwa ruħna, fejn jgħinna nsaħħu mill-ġdid b’qawwa l-pedament tagħna u jgħinna nevitaw il-vojt fil-fidi tagħna u l-instabbiltà kemm fit-testimonjanza tagħna kif ukoll fl-għarfien tagħna tal-veritajiet sagri tal-evanġelju. Prinċipju wieħed mill-aktar relevanti biex aħna niksbu dan il-għan insibuh f’ sezzjoni 12 tad-Duttrina u Patti, rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta lil Joseph Knight, raġel twajjeb li fittex bir-reqqa li jifhem ir-rieda tal-Mulej, mhux sempliċiment għal bidla minn barra, iżda biex ikun jista’ jieqaf sod fid-dixxipulat tiegħu—sod daqs il-kolonni tas-smewwiet. Il-Mulej iddikjara:

“Ara, jiena qed inkellem lilek, kif ukoll lil dawk kollha li għandhom ix-xewqa li jġibu fis-seħħ u jistabbilixxu din il-ħidma;

“U ħadd ma jista’ jgħin f’din il-ħidma jekk huwa ma jkunx umli u mimli mħabba, u li jippossedi l-fidi, it-tama, u l-karità, u li jkun meqjus f’kull ħaġa, f’dak kollu li jiġi fdat f’idejh.”

Il-gwida tas-Salvatur, kif insibuha f’din ir-rivelazzjoni sagra, tfakkarna li r-rażan huwa tisħiħ essenzjali biex aħna jkollna pedament sod mibni fuq Ġesù Kristu. Huwa wieħed mill-virtujiet indispensabbli, mhux biss għal dawk li ġew imsejħin biex iservu, iżda wkoll għal dawk kollha li għamlu ċerti patti sagri mal-Mulej li jaċċettaw li jimxu warajh b’fedeltà. Ir-rażan jarmonizza u jsaħħaħ ċerti kwalitajiet Kristjani oħra li jissemmew f’din ir-rivelazzjoni: l-umiltà, il-fidi, it-tama, il-karità, u l-imħabba safja li ġejja minnu. Barra minn hekk, li nikkultivaw ir-rażan huwa mod sinifikanti kif aħna nipproteġu ruħna kontra l-erożjoni spiritwali sottili iżda kostanti kawża tal-influwenzi tad-dinja li jistgħu jdgħajfu l-pedament tagħna mibni fuq Ġesù Kristu.

Fost il-kwalitajiet li jżejnu lid-dixxipli vera ta’ Kristu, jispikka r-rażan bħala riflessjoni tas-Salvatur nnifsu, frott prezzjuż tal-Ispirtu, disponibbli għal dawk kollha li jiftħu lilhom infushom għall-influwenza divina. Huwa l-virtù li jġib l-armonija fil-qalb, jifforma x-xewqat u l-emozzjonijiet tagħna bil-għerf u l-kalma. Fl-iskrittura, ir-rażan huwa ppreżentat bħala parti mill-progress fil-vjaġġ spiritwali tagħna, li jmexxina lejn is-sabar, it-tjieba, u l-kompassjoni, filwaqt li jirraffina s-sentimenti tagħna, kliemna u għemilna.

Id-dixxipli ta’ Kristu li jagħmlu minn kollox biex jikkultivaw din il-kwalità Kristjana aktar ma jmur aktar isiru umli u mimlija mħabba. Qawwa mill-aktar serena tikber ġewwa fihom, u huma jsiru aktar kapaċi li jikkontrollaw ir-rabja, juru aktar sabar, u jittrattaw lil ħaddieħor b’tolleranza, rispett, u dinjità, anke meta l-irwiefen tal-avversità jibdew jonfħu b’qawwa. Huwa jippruvaw ma jaġixxux b’mod impulsiv iżda jagħżlu li jaġixxu b’għerf spiritwali, iggwidati mill-ħlewwa u l-influwenza ġentili tal-Ispirtu s-Santu. B’dan il-mod, huma jsiru anqas vulnerabbli għall-erożjoni spiritwali għax, kif għallem l-Appostlu Pawlu, huma jafu li huma jistgħu jagħmlu kollox peress ta’ Kristu, li jsaħħaħhom anke f’mumenti ta’ prova li jafu jregħdu t-testimonjanza li għandhom tiegħu.

Fl-Ittra tiegħu lil Titu, Pawlu ta ċertu parir sagru fejn jidħlu l-kwalifiċi ta’ dawk li jixtiequ li jirrappreżentaw lis-Salvatur u jagħmlu r-rieda tiegħu b’fidi u dedikazzjoni. Huwa qal li huma għandhom ikunu nies ospitabbli, bil-għaqal, ġusti, u qaddisa—kwalitajiet li b’mod ċar jirriflettu l-influwenza tar-rażan.

Madankollu, Pawlu widdeb li huma m’għandhomx “ikunu mimlijin bihom infushom, ma jinkurlawx malajr, … [u] ma jkunux ġellieda.” Karatteristiċi bħal dawn imorru kontra r-rieda tas-Salvatur u jżommu lura t-tkabbir spiritwali veru. F’kuntest skritturali, “mimlijin bihom infushom” huma dawk li jirrifjutaw li jaġixxu b’arroganza u kburija; “ma jinkurlawx malajr” huma dawk li jevitaw il-kilba naturali li jitilfu s-sabar u jirritaw ruħhom malajr; u “ma jkunux ġellieda” jirreferi għal dawk li jirrifjutaw imġiba kontenzjuża, aggressiva u ħarxa, kemm f’sens verbali, fiżiku, u emozzjonali. Hekk kif nagħmlu li nistgħu biex nibdlu l-imġiba tagħna b’fidi u umiltà, aħna nistgħu nankraw ruħna b’mod sod mal-blata soda tal-grazzja tiegħu u nsiru strumenti safja u raffinati fl-idejn imqaddsa tiegħu.

Anna u Samwel

Fir-riflessjoni tiegħi dwar il-ħtieġa li nikkultivaw il-virtù tar-rażan, jiena jiġi f’moħħi l-kliem ta’ Anna, omm il-profeta Samwel—mara ta’ fidi kbira li, anke wara li għaddiet minn sfidi kbar, offriet għanja ta’ gratitudni lill-Mulej. Hija qalet, “La tlissnux iżjed kliem il-kburija, ma toħroġx aktar il-kburija minn fommkom; għax il-Mulej Alla li jaf kollox, u jiżen kull għemil.” L-għanja tagħha hi aktar minn sempliċiment talba—hija stedina indirizzata lilha nnifisha biex taġixxi b’umiltà, b’kontroll magħha nnifisha, u b’moderazzjoni. Anna tfakkarna li l-qawwa spiritwali vera ma nesprimuhiex fir-reazzjoni impulsiva jew fil-kliem arroganti tagħna, iżda fl-attitudni mrażżna u bil-ħsieb tagħna f’armonija mal-għerf tal-Mulej.

Ħafna drabi, id-dinja tgħolli l-imġiba kkaratterizzata mill-aggressività, mill-arroganza, min-nuqqas ta’ sabar, u mill-eċċessività, li ħafna drabi tiġġustifika din it-tip ta’ attitudni minħabba l-pressjoni tal-ħajja ta’ kuljum u l-inklinazzjoni lejn il-validazzjoni u l-popolarità. Meta aħna ndawru ħarsitna lil hinn mill-virtù tar-rażan u ninjoraw l-influwenza ġentili u moderata tal-Ispirtu s-Santu bil-mod li aħna naġixxu u nitkellmu, aħna faċilment nispiċċaw naqgħu fin-nassa tal-għadu, li inevitabbilment iwassalna biex inlissnu kliem u nadottaw attitudni li wara jiddispjeċina minnhom, sew fir-relazzjonijiet soċjali, familjari jew anke ekkleżjastiċi tagħna. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jistedinna biex neżerċitaw dan il-virtù speċjalment fi żminijiet ta’ sfida, għax huwa sewwasew f’dawn il-mumenti li jiġi żvelat il-karattru veru ta’ dak li jkun. Kif darba qal Martin Luther King Jr, “Il-qawwa morali u l-intergrità ta’ bniedem ma titkejjilx x’jagħmel f’mumenti ta’ kumdità u konvenjenza, iżda x’jagħeml f’mumenti ta’ sfida u kontroversja.”

Bħala nies tal-patt, aħna msejħin sabiex ngħixu b’qalbna kollha leali lejn il-wegħdi sagri li għamilna mal-Mulej, u li nimxu bir-reqqa wara l-mudell li wriena hu permezz tal-eżempju perfett tiegħu. Min-naħa tiegħu, Huwa wiegħed, “Tassew, tassew, ngħidilkom, li din hi d-duttrina tiegħi, u kulmin jibni fuq din jibni fuq il-blata tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhx.”

Is-Salvatur

Let Not Your Heart Be Troubled, ta’ Howard Lyon, bil-korteżija ta’ Havenlight

Il-ministeru tas-Salvatur fuq l-art kien ikkaratterizzat mill-virtù tar-rażan fl-aspetti kollha tal-karattru tiegħu. Permezz tal-eżempju perfett tiegħu, Huwa għallimna biex “Nistabru fit-tbatija tagħna, u ma tweġbux bit-tagħjir lil min jgħajjarna.” Hekk kif għallima li m’għandniex naqgħu fin-nassa tar-rabja minħabba l-argumenti u l-ġlied, Huwa ddikjara, “Jeħtieġ li intom tindmu, u ssiru bħal tifel ċkejken.” Huwa għallima wkoll li dawk kollha li jixtiequ jsiru bħalu b’għan sħiħ f’qalbhom jeħtieġ li jirrekonċiljaw ruħhom ma’ dawk li rrabjaw magħhom jew ma’ dawk li għandhom xi ħaġa kontrihom. B’attitudni ta’ rażan u b’qalb kollha kompassjoni, Huwa aċċertana li meta aħna niġu ttrattati bi ħruxija, b’kattiverja, b’disrispett, jew b’disprezz, it-tjubija tiegħu ma titbiegħedx minna, u l-patt ta’ paċi tiegħu ma jitbiegħedx minn ħajjitna.

Ftit tas-snin ilu, jien u marti kellna l-privileġġ sagru li niltaqgħu ma’ xi membri fidili tal-Knisja fil-Belt tal-Messiku. Ħafna minnhom, kemm personalment jew permezz tal-maħbubin tagħhom, għaddew minn sfidi inspejgabbli, fosthom ħtif ta’ nies, omiċidji, u traġedji oħra ta’ qsim il-qalb.

Hekk kif ħarisna f’wiċċ dawk il-Qaddisin, aħna ma rajniex rabja, riżentiment, jew xewqa ta’ xi vendetta. Minflok, stajna naraw umiltà mill-aktar siekta. Wiċċhom, minkejja li ra ħafna niket, kien jirrifletti xewqa sinċiera għall-fejqan u l-faraġ. Minkejja li qalbhom kienet maqsuma minħabba t-tbatija, dawn il-Qaddisin baqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi f’Ġesù Kristu, fejn ma ħallewx t-tiġrib tagħhom isir il-vojt fil-fidi tagħhom jew jikkawżalhom instabbiltà fit-testimonjanza tagħhom tal-evanġelju.

F’għeluq dik il-laqgħa sagra, aħna sellimna lil kull wieħed u waħda minnhom. Kull meta ħadna b’idejn xi ħadd minnhom, u kull tgħannieqa saru testimonjanza siekta li bl-għajnuna tal-Mulej aħna nistgħu nagħżlu li nwieġbu bir-rażan għall-frustrazzjoni u l-isfidi tal-ħajja. L-eżempju sieket u bla preżunzjoni tagħhom serva bħala stedina ħelwa biex aħna nimxu fit-triq tas-Salvatur b’rażan f’kollox. Ħassejniena bħallikieku konna fil-preżenza tal-anġli.

Ġesù Kristu, l-akbar fost kulħadd, bata għalina sakemm Huwa ċarċar demmu mill-pori kollha tiegħu, madankollu ma ħalla qatt li r-rabja tippenetra qalbu, jew li minn fommu joħroġ kliem aggressiv, offensiv, jew profan, anke f’nofs dik it-tbatija kollha. B’rażan perfett u bi ħlewwa liema bħalha, Huwa ma ħasibx fih innifsu iżda ħaseb fl-ulied kollha ta’ Alla—passati, preżenti, u futuri. L-Appostlu Pietru xehed dwar l-attitudni sublimi ta’ Kristu meta ddikjara, “Meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.” Anke f’nofs l-akbar agunija tiegħu, is-Salvatur wera rażan perfett u divin. Huwa ddikjara “Madankollu, glorja lill-Missier, u jiena xrobt u temmejt it-tħejjija tiegħi għal ulied il-bnedmin.”

Għeżież ħuti, jiena nestendi l-istedina sinċiera tiegħi lilna lkoll biex aħna nżejnu moħħna u qalbna bil-virtù Nisrani tar-rażan, bħala rispons sagru għas-sejħa profetika tal-għażiż President tagħna Russell M. Nelson. Hekk kif aħna nagħmlu li nistgħu biex b’fidi u diliġenza nuru r-rażan f’għemilna u fi kliemna, jiena nixhed li aħna nkunu qed insaħħu u nankraw ħajjitna b’mod aktar sigur fuq il-pedament sod tal-Feddej tagħna.

Jiena solennement naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li t-turija kostanti tar-rażan isaffi ruħna u tqaddes qalbna quddiem is-Salvatur, u tressaqna bi ħlewwa qrib tiegħu u tħejjina, b’tama u paċi, għal dak il-jum glorjuż meta aħna sejrin niltaqgħu miegħu fit-Tieni Miġja tiegħu. Jiena naqsam magħkom dan il-kliem sagru f’isem is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, ammen.