Konferenza Ġenerali
U Issa Qiegħed Nara
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


U Issa Qiegħed Nara

L-impatt li ħalla f’ħajti l-Ktieb ta’ Mormon mhuwiex anqas mirakoluż għalija mill-applikazzjoni tal-bżiq u t-trab li tpoġġew fuq għajnejn ir-raġel agħma.

B’imħabba sinċiera aħna lkoll ntennu l-kliem li qal il-President Oaks dwar il-mewt tal-President Russell M. Nelson. U b’imħabba u niket profond aħna lkoll nirrikonoxxu t-traġedji li seħħew m’ilux f’Michigan u li tista’ tgħid iseħħu ta’ kuljum madwar id-dinja. Aħna nirrikonoxxu dawn il-ħwejjeġ b’imħabba u fiduċja fil-Mulej Ġesù Kristu.

Id- disa’ kapitlu ta’ Ġwanni jitkellem dwar esperjenza li Ġesù u d-Dixxipli tiegħu kellhom meta kienu għaddejjin minn ħdejn wieħed tallab, li kien għami mit-twelid. Dan wassal biex id-dixxipli jistaqsu lil Ġesù bosta mistoqsijiet reliġjużi kumplessi dwar l-oriġni u t-trasmissjoni tal-limitazzjoni ta’ dan ir-raġel. L-Imgħallem wieġeb billi għamel xi ħaġa mill-aktar sempliċi u sorprendenti. Huwa beżaq fuq it-trab u tella’ b’idu taħlita żgħira ta’ tafal. Imbagħad huwa poġġiha fuq għajnejn ir-raġel, u ordnalu biex imur jinħasel fil-menqgħa ta’ Silwam. Ir-raġel ubbidjenti nieqes mid-dawl għamel dak kollu u “ġie jara,” tgħid l-iskrittura. Kemm hija importanti l-evidenza b’kuntrast max-xewqat jew l-argument jew saħansitra il-malizzja b’kuntrast mal-verità.

Mela, mbeżżgħin li dan il-miraklu kien se jkompli jżid mat-theddid li Ġesù diġà kien qed juri lill-awtorità preżunta tagħhom, l-għedewwa tas-Salvatur marru jikkonfrontaw lir-raġel li kien għadu kif ingħata d-dawl u b’rabja qalulu, “Aħna nafu li Ġesù huwa midneb.” Ir-raġel baqa’ jismagħhom għal ftit, mbagħad qal: “Jekk hux midneb … , ma nafx; ħaġa waħda naf, … li jien kont agħma u issa qiegħed nara.”

Ġesù ta l-ewwel tifsira lil din id-diskursata, fejn qal lid-dixxipli tiegħu li kollox seħħ “biex l-għemil ta’ Alla jidher fih.” Ftakru li darbtejn f’din in-narrattiva l-għemil tas-Salvatur ġie msejjaħ bħala li Huwa “dilek” għajnejn ir-raġel agħma, ħaġa li wara kellu jmur jaħsel għajnejh. Din id-deskrizzjoni biex “l-għemil ta’ Alla jidher fih” jista’ jkun li qed tissuġġerixxi li kienet qed titwettaq ordinanza.

Verità oħra li hija evidenti hawnhekk huma l-istrumenti li l-Ħallieq tas-smewwiet u l-art u dak kollu li hemm fihom uża biex jipprovdi dan il-miraklu: bżieq u ftit trab! Dawn l-ingredjenti li ma tistennihomx jiddikjaraw li Alla jista’ jberikna b’kwalunkwe mezz li Huwa jagħżel. Bħal Nagħman jirreżisti x-Xmara Ġordan jew ulied Iżrael jirrifjutaw li jħarsu lejn is-serp ta’ fuq iz-zokk, kemm hu faċli li aħna ninjoraw is-sors tal-fidwa tagħna għax l-ingredjent u l-istrumenti jaf jidhru wisq ordinarji.

Iżda aħna niftakru mill-Ktieb ta’ Mormon li ċerti ħwejjeġ huma kemm sempliċi kif ukoll and prezzjużi u li qabel it-twelid ta’ Ġesù, ġie mħabbar li “hu ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.” Kemm-il darba Alla bagħat il-messaġġ majestuż tiegħu permezz ta’ President tas-Soċjetà tas-Solliev mill-aktar ħerqana li għadha għadha kif ġiet imsejħa jew permezz ta’ tfajjel bla tagħlim f’razzett fi New York jew xi missjunarju ġdid jew xi tarbija f’maxtura.

Għallura, xi ngħidu jekk it-tweġiba għal talbna taslilna b’modi sempliċi jew mhux tas-soltu? Lesti li nibqgħu sodi f’li nkomplu ngħixu l-evanġelju ta’ Kristu irrispettivament kemm ikun hemm bżonn bżiq u tafal? Jaf ma jkunx jidher dejjem ċar għalina xi jkun qed jiġri jew għalfejn, u, minn żmien għall-ieħor, ilkoll inħossuna xi ftit bħal oħtna anzjana li qalet, “Mulej, lest tagħtini barka li mhijiex moħbija?”

Ikkunsidraw l-evidenza ta’ verità oħra, din tirrigwarda s-saċerdozju mqaddes. Waqt li kien qed jiddokumenta l-organizzazzjoni tal-Knisja taż-żmien meridjan, fl-ewwel vers tiegħu Luqa kiteb, “Sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa,” doni li ma ġewx mogħija fuq bażi ta’ xi kredenzjali impressjonanti jew li ġew determinati minħabba xi drawwa jew primoġenitura. Huma ma jingħatawx minn xi skola divina jew xi seminarju teologiku. Huma ngħataw biss permezz tat-tqegħid tal-idejn minn xi ħadd li tpoġġew fuqu jdejn awtorizzati f’segwenza ma taqta’ xejn li tmur lura sas-sors ta’ kull awtorità divina, il-Mulej Ġesù Kristu.

U fi knisja li tifhem id-don tal-ħniena, ma tkunx evidenza oħra meraviljuża dwar il-verita tal-knisja li naraw dawn il-barkiet u patti jaslu għand il-qraba mejtin tagħna, dawk mill-familji tagħna li telqu qalbina? Taħsbu li għandhom jiġu penalizzati talli ma kellhomx aċċess għall-evanġelju jew għax twieldu fi żmien jew f’post meta l-ordinanzi u l-patti divini ma kenux disponibbli għalihom? Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għandha djar tal-Mulej sagri u ddedikati li fihom qed issir ħidma ħanina tas-salvazzjoni kull filgħodu u filgħaxija għal dawk li mietu, kif ukoll li toffri opportunitajiet ta’ qima u ordinanzi għall-ħajjin. Kif naraha jien, din l-evidenza partikolari tal-verità ta’ Alla, l-imħabba universali tiegħu għall-ħajjin u l-mejtin, ma nsibuha mkien aktar fid-dinja Kristjana—ħlief fi knisja waħda li qed tiddikjara l-verità f’dan ir-rigward: Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

L-ewwel laqgħa li kelli mal-evidenza tal-verità ma kienet tinvolvi l-ebda tafal tad-dlik jew il-menqgħa ta’ Silwam. Le, l-istrument tal-fejqan li ġabli l-fejqan mill-Mulej wasal fil-forma ta’ paġni fi ktieb, iva, il-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu! Dan il-ktieb iffaċċja dikjarazzjonijiet ta’ nies li ma jemmnux li waslu biex attakkawh u ċaħħduh b’għadab, li xi kultant anke nistgħu nqabbluhom mal-kritika ostili ta’ dawk li qalu lir-raġel li ġie mfejjaq li ma kienx possibbli li hu esperjenza dak li hu kien jaf li kien esperjenza.

Jien sibt min jgħidli li l-mezzi kif dan il-ktieb ġie għandna ma kenux prattiċi, ma kenux ta’ min jemminhom, ma kenux qaddisa, anzi li kienu mill-aktar imbarazzanti. Issa, din il-lingwa goffa minn xi ħadd li jippretendi li jaf il-mezzi li bihom ġie fis-seħħ il-kiteb, sakemm l-unika deskrizzjoni mogħtija dwar dawk il-mezzi hi li ġie tradott “bid-don u l-qawwa ta’ Alla.” Dak kollox. Xejn aktar minn hekk. Hu x’inhu l-każ, l-impatt li ħalla f’ħajti l-Ktieb ta’ Mormon mhuwiex anqas mirakoluż għalija mill-applikazzjoni tal-bżiq u t-trab li tpoġġew fuq għajnejn ir-raġel agħma. Kien għalija bastun ta’ sigurtà għal ruħi, dawl traxxendenti u penetranti ta’ rivelazzjoni, id-dawl tat-triq li jeħtieġ li nimxi fiha meta jfeġġ iċ-ċpar tad-dlam. U bla dubju hekk kien, u bla dubju hekk se jkun.

U grazzi għall-viżjoni li jiena ngħatajt tal-imħabba universali u l-grazzja feddejja tas-Salvatur, jiena se naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi, iġġustifikata hawn bħal dik tal-ġenituri tar-raġel li kien għadu kif ġie mbierek fejn qalu li lil binhom kellhom jisimgħuh x’kellu xi jgħid għax “kellu l-età tiegħu.” U l-istess jien. Huwa implikaw li hu kellu żmien biżżejjed biex jittieħed bis-serjetà. U l-istess jien. Xahrejn oħra jien nagħlaq 85 sena. Minn esperjenza nista’ ngħid li rajt il-mewt quddiem wiċċi. Jiena mxejt mas-slaten u l-profeti, mal-presidenti u l-appostli. Fuq kollox, jiena xi kultant ħassejtni kommoss bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ta’ Alla. Nemmen li x-xhieda tiegħi għandha ta’ lanqas tingħata ċerta konsiderazzjoni.

Issa, ħuti, jiena wasalt f’din il-konvinzjoni daqshekk qawwija li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija restawrazzjoni vera tal-Knisja tat-Testment il-Ġdid—u aktar—għax jien ma stajtx niċħad l-evidenza ta’ dik ir-restawrazzjoni. Minn dawk l-ewwel esperjenzi ’l hawn, naħseb li kelli eluf—għaxart elef?—evidenzaoħra li dak kollu li tkellimt dwaru llum huwa veru. Għalhekk, issa hu pjaċir kbir tiegħi li ningħaqad mal-ħabib tiegħi fit-toroq ta’ Ġerusalemm, fejn il-leħen dgħajjef tiegħi ikanta:

X’grazzja tal-għaġeb——O x’kliem sabiħ—

Li salvat l-imsejken jien!

Jien kont mitluf, izda m’għadnix,

Kont għami, iżda m’għadnix.

F’isem Ġesù Kristu, ammen.