Konferenza Ġenerali
Il-Mulej Jara Il-Qalb
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Il-Mulej Jara Il-Qalb

Alla jeħtieġ li jwettaq l-iskopijiet kollha tiegħu u li jgħinna nsiru dak li hu jrid biex kull wieħed minna jdawwar qalbu bis-sħiħ lejh.

Meta ġie kkmandat biex jagħżel is-sultan il-ġdid ta’ Iżrael minn fost ulied Ġesse, il-profeta Samwel, malli ħares lejn l-iben il-kbir ta’ Ġesse, Eliab, esklama b’entużjażmu, “Dan hu il-midluk tal-Mulej.” Imma Eliab ma kienx il-qaddej magħżul tal-Mulej. U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta’ persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma lejn l-qalb.”

Filwaqt li David forsi ma kienx fiżikament l-iktar wieħed b’saħħtu fost ħutu, jew l-iktar wieħed ta’ ħila, qalbu kienet qawwija f’għajnejn Alla. Kien iħobb lil Alla b’qalbu kollha u kellu xewqa kbira li jobdih. Hu kellu fidi qawwija fl-imħabba, il-qawwa, u l-barkiet imwiegħda t’Alla, bħalma wera iktar tard meta ġġieled bla biża’ u għeleb lil Gulija bl-għajnuna tal-Mulej.

Din l-istorja tgħallimna li kull ma Alla jeħtieġ biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu u biex jgħinna nsiru min Hu jridna nsiru hu li kull wieħed minna jdawwar qalbu bis-sħiħ lejh. Lil wieħed avukat, Huwa kkmanda, “Int għandek tħobb lil Alla b’qalbek kollha.” Lill-Profeta Joseph Smith, Huwa qal, “Araw, il-Mulej jitlob minnkom qalb u moħħ li lesti biex jaqduh.” U lin-Nefiti, is-Salvatur imqajjem mill-imwiet estenda din l-istedina: “U bħala sagrifiċċju għandkom toffruli qalb maqsuma u spirtu niedem.”

X’inhi r-raġuni ta’ dan? Is-Salvatur għallem li jekk qalbna ddur totalment lejh, minħabba s-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, aħna nistgħu niġu mberkin bis-saħħa u bid-doni spiritwali li għandna bżonn biex negħlbu l-isfidi mortali tagħna, nirreżistu t-tentazzjoni, nirċievu direzzjoni u fehema, u nħossu l-ferħ u l-paċi f’ħajjitna. “U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.” Huwa qal li jista “jġiegħel l-affarijiet dgħajfin isiru b’saħħithom” u jberikna b’dak kollu li għandna bżonn biex nirnexxu f’din il-ħajja mortali u biex nirċievu l-ħajja ta’ dejjem. “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,” huwa qal, “għax huma jaraw ’l Alla.”

Nemmen li huwa għalhekk li, almenu parzjalment, Ġesù Kristu tant spiss ikkoreġa l-iskribi u l-Fariżej waqt il-ministeru mortali tiegħu. Għalkemm ħabrieka biex iżommu l-liġi tiegħu, huma għamlu dan għall-raġunijiet ħżiena. Hu ċanfarhom, u qalilhom, “Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ′l bogħod minni.”

Din hija tfakkira umli lid-dixxipli kollha tiegħu li mhix biss dwar dak li nagħmlu—kliemna u għemilna—imma wkoll għaliex nagħmlu dak li Ġesù Kristu talabna nagħmlu—ix-xewqat u l-għanijiet tagħna. Hu qal, “Għax jien, il-Mulej, niġġudika lill-bnedmin kollha skont l-għemejjel tagħhom, skont ix-xewqa ta’ qalbhom.” Missierna fis-Smewwiet jixtieq iktar minn atti mekkaniċi t’ubbidjenza u servizz mingħand uliedu. Hu jridna nagħmlu dawk l-affarijiet b’intenzjoni vera, għax inħobbuh b’qalbna kollha. Huwa jridna li nixtiequ li nsiru bħalu.

Issa, jekk is-saħħa spiritwali ta’ qalbna hija tħassib ewlieni tas-Salvatur—dak li Hu jfittex f’dixxiplu veru—kif nistgħu neżaminaw qalbna u nkunu nafu jekk hiex sewwa fid-dawl ta’ Alla?

Dan l-aħħar, hekk kif jien u marti morna lura lejn il-missjoni tagħna fil-Portugall, għamilna sensiela ta’ testijiet mediċi biex nevalwaw il-kundizzjoni fiżika tagħna. Xi wħud minn dawk it-testijiet iffokaw fuq is-saħħa ta’ qalbna-—bħal testijiet tad-demm, ekokardjogrammi, u testijiet tal-istress. Nemmen li s-Salvatur ipprovdielna wkoll sett ta’ testijiet spiritwali li nistgħu nużaw biex nassessjaw il-kundizzjoni spiritwali ta’ qalbna. Ħa naqsam ftit minnhom magħkom.

Evalwazzjoni Ta’ Qalbek b’Testijiet Spiritwali

L-Ewwel, Il-Fokus Tagħna, il-Prijoritajiet, u l-Għanijiet

“Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll,” Ġesu’ għallem. Teżor huwa xi ħaġa prezzjuża għalina, xi ħaġa li niddedikaw sforz u attenzjoni għaliha. Fejn nagħżlu li nqattgħu l-ħin tagħna u niffokaw l-attenzjoni tagħna, kif ukoll dak li jqanqalna nagħmlu dak li nagħmlu, jgħid ħafna dwar qalbna. Is-Salvatur wissa li filwaqt li ħafna huma msejħin minnu, ftit huma dawk li jintgħażlu “għaliex qalbhom hi marbuta mal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u jaspiraw għall-unuri tal-bnedmin.” Nagħmel lis-Salvatur prijoritá f’ħajti? Għajnejja jħarsu fissi fuq il-glorja tiegħu f’dak kollu li nagħmel?

It-Tieni, Ir-Rieda Tagħna li Nobdu l-Kmandamenti t’Alla

Matul l-iskrittura, il-Mulej u l-profeti tiegħu assoċjaw il-kburija u d-diżubbidjenza ma’ li jkollok qalb iebsa. Nefi ħeġġeġ lil ħutu billi qalilhom: “Għalfejn intom ma tobdux il-kmandamenti tal-Mulej? Għalfejn se tintilfu minħabba l-ebusija ta’ qalbkom?” Lill-Qaddisin f’Missouri, il-Mulej wissa, “Iżda min jibqa’ ma jagħmel xejn qabel ma nordnalu jiena, u kmandament jaċċettah b’qalb mimlija dubju, u jħarsu b’nofs qalb, huwa jiġi kkundannat.” Filwaqt li s-Salvatur ma jistenniex il-perfezzjoni fiż-żamma tal-kmandamenti tiegħu, Hu jitlob li aħna nixtiequ u nistinkaw biex inżommuhom b’qalbna kollha.

It-Tielet, Id-Diliġenza tagħna fl-Istudju tal-Iskritturi u fit-Tfittxija tar-Rivelazzjoni

Il-Mulej widdeb lil Oliver Cowdery biex “jgħożż dan il-kliem f’qalbek.” Aħna mistednin infittxu l-iskrittura b’mod diliġenti u, permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, infittxu li niksbu l-fehma u xhieda tal-verità tal-evanġelju f’qalbna.

Il-profeta Abinadi ċanfar lill-qassisin tas-Sultan mill-agħar Noah talli m’għamilx dan, u qal, “Qalbkom ma tajtuhiex ċans tifhimhom; għalhekk ma kontux għaqlin.” Qed nagħmel sforz sinċier biex nistudja l-iskritturi kuljum u biex niftaħ qalbi ħalli nifhimhom permezz tat-talb?

Ir-Raba’, Ħsibijietna u Kliemna

Is-Salvatur għallem li “mill-qalb joħorġu ħsibijiet ħżiena” u “mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm.” Il-kwalità tal-ħsibijiet u l-kliem tagħna huwa sinjal tajjeb tas-safa ta’ qalbna. Qed inrawwem wisq ħsibijiet negattivi dwar l-azzjonijiet jew l-għanijiet t’oħrajn, jew saħansitra dwari nnifsi? Ngħaġġel wisq biex niġġudika u nikkundanna lil ħaddieħor? Infittex li nsib skużi jew ġustifikazzjoni għall-iżbalji tiegħi? U xi ngħidu għal kliemi? Jispiraw lil ta’madwari? Jew ħafna drabi joħolqu konflitt u ġlied?

Wara li tlestew it-testijiet mediċi tiegħi, it-tabib qalli li, b’mod ġenerali, qalbi kienet b’saħħitha—iżda kien hemm ftit tħassib li kien jeħtieġ li jiġi indirizzat issa, qabel ma l-affarijiet issiru serji. Imbagħad ordnali xi bidliet fl-istil tal-ħajja. Bl-istess mod, hekk kif tagħmel din l-evalwazzjoni spiritwali dwar qalbek u tinnota xi sintomi negattivi li jibdew jidhru, jekk jogħġbok tippanikjax! Is-Salvatur ipprovda kura spiritwali eċċellenti biex jgħinek. Saħansitra wiegħed li jagħtik qalb ġdida! Hawn xi azzjonijiet li jistgħu jtejbu l-qawwa spiritwali ta’ qalbek.

Intejbu s-Saħħa Spiritwali ta’ Qalbek

L-Ewwel, Saħħaħ ir-Relazzjoni Tiegħek Ma’ Kristu

Hekk kif niddedikaw il-ħin kuljum biex nersqu eqreb lejn Kristu, qalbna tinbidel. L-istudju ta’ kuljum tal-iskrittura, akkumpanjat minn talb sinċier u sawm regolari, se jżid l-imħabba tiegħek lejn is-Salvatur u jsaħħaħ il-fidi u x-xewqa tiegħek li tindem u trodd qalbek b’mod umli lil Alla. Ikkunsidra dan l-ezempju minn Nefi: “Jiena għajjatt lill‑Mulej; u araw huwa ġie jżurni, u rattabli qalbi tant li emmint il‑kliem kollu li kien qal missieri.”

Hekk kif inkomplu nnisslu n-nisel tal-fidi bix-xewqat u l-azzjonijiet ġusti tagħna, se nesperjenzaw l-istess qdusija ta’ qalbna bħan-Nefiti: “Madankollu huma bdew isumu u jitolbu ta’ spiss, u komplew jissaħħu dejjem aktar fl-umiltà, u fil-fidi tagħhom fi Kristu, sakemm ruħhom imtliet bil-hena u l-faraġ, iva, u dan wassal għas-safà u l-qdusija ta’ qalbhom, liema qdusija waslet minħabba li huma ssottomettew qalbhom għal Alla.”

It-Tieni, Allinja r-Rieda Tiegħek mar-Rieda Tiegħu

Is-Salvatur għallem, “Jekk tħobbni, żomm il-kmandamenti tiegħi ⁠.” Hu jistedinna nuru mħabbitna billi nagħmlu u nżommu l-patti miegħu. Aħna u nistinkaw kuljum biex inżommu l-kmandamenti tiegħu, nindmu sinċerament minn dnubietna, u nipperseveraw biex nġorru ismu fuqna u nallinjaw ir-rieda tagħna mar-rieda tiegħu, hekk nistgħu niġu mberkin bil-kumpann kontinwu tal-Ispirtu s-Santu.

Nefi xehed: “Għeżież ħuti, jiena naf li jekk intom timxu wara l‑Iben, b’rieda sħiħa f’qalbkom, bla ma turu wiċċ b’ieħor u mingħajr qerq quddiem Alla, imma, b’intenzjoni ġenwina, tindmu minn dnubietkom, u tixhdu mal‑Missier li intom lesti li tieħdu fuqkom isem Kristu, permezz tal‑magħmudija—mbagħad intom tirċievu l‑Ispirtu s‑Santu.” L-Ispirtu s-Santu jiggwidak u jgħinek tkun taf ir-rieda tal-Mulej u tagħmel għażliet tajbin.

Fl-aħħarnett, Aqdi lil Alla u lil Oħrajn b’Qalbek Kollha

Is-Salvatur jistieden lil kulħadd biex “jaqduh b’qalbhom kollha.” Meta nagħżlu li nagħmlu kull ħaġa li l-Mulej talabna nagħmlu—bħal li nżommu l-kmandamenti, nieħdu sehem fis-sagrament, inqimu fit-tempju, u naqdu lill-oħrajn—b’qalb sinċiera u b’intenzjoni vera, kull att ta’ qadi u qima jsir esperjenza spiritwali qawwija li ssaħħaħ il-fidi u x-xhieda tagħna u timla qlubna bil-ferħ u bl-imħabba lejn Alla u lejn il-bnedmien.

Il-mistoqsija tal-profeta Alma għadha tidwi llum: “Intom spiritwalment twelidtu minn Alla? Irċevejtu intom ix-xbieha tiegħu fuq wiċċkom? Esperjenzajtu intom din il-bidla qawwija f’qalbkom?”

Ħuti, nistedinkom tagħtu qalbkom kollha lis-Salvatur illum. Ħalli kull att ta’ qima u servizz ikun sinċier u intenzjonat. Warrab l-aljenazzjonijiet tad-dinja u stinka biex ikollok ħin li jagħmel sens għall-Mulej kull jum ta’ ħajtek Indem u erġa’ lura lejh b’qalbek kollha, u Hu jaħfirlek u jħaddnek f’dirgħajh kollha mħabba. Fittex mhux il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, imma agħżel li jkollok ħarstek fuq il-glorja tiegħu u fittex ħwejjeġ aħjar. Hu jaf il-ħsibijiet tiegħek u x-xewqat ta’ qalbek, u int u ddur lejh, jbierkek b’saħħa, fiduċja, paċi, u ferħ f’din il-ħajja u post fis-Saltna ċelesti tiegħu għall-eternità kollha.

Jiena naf li Ġesù Kristu jgħix. Huwa l-Feddej tagħna. U Hu jħobbok u jħobbni b’qalbu kollha F’isem Ġesù Kristu, ammen.