L-Imħabba Espjatorja ta’ Ġesù Kristu
Il-fejqan u l-maħfra jinsabu fil-milja tagħhom fl-imħabba espjatorja ta’ Ġesù Kristu.
Nesprimi l-imħabba tiegħi lejn il-President Russell M. Nelson u l-gratitudni tiegħi għall-influwenza tal-għaġeb li ħalla fuq kull wieħed u waħda minna. U f’isimna lkoll, nirringrazzja lil Alla talli ppreserva u onora l-ħajja nobbli tal-President Dallin H. Oaks.
Ma’ kull sena li tgħaddi, inħossu mħabba akbar għas-Salvatur, Ġesù Kristu, u għall-Espjazzjoni tiegħu mimlija ħniena. Is-sagrifiċċju suprem tiegħu, li żgura r-rebħa fuq il-mewt u d-dnub huwa l-aktar kontribut konsegwenzjali fl-istorja kollha umana. Li nifhmu r-rigal divin tiegħu huwa għalija lezzjoni divina bla tmiem li se tkompli lil hinn mill-qabar.
Il-kompassjoni qawwija tas-Salvatur fil-maħfra tad-dnub u fil-fejqan tal-ġrieħi kkawżati mid-dnubiet ta’ ħaddieħor hi l-aktar manifestazzjoni mirakoluża tal-imħabba ta’ Alla.
Ix-xewqa tiegħi hi li noffri tama għal dawk li qed ifittxu l-maħfra għal dnubiet serji ħafna u li noffri faraġ lil dawk li qed ifittxu l-fejqan mill-ġrieħi ta’ wġigħ ikkawżat mid-dnubiet serji ta’ ħaddieħor.
Il-fejqan u l-maħfra jinsabu fil-milja tagħhom fl-imħabba espjatorja ta’ Ġesù Kristu.
Fidi f’Ġesù Kristu
Jekk intom wettaqtu dnubiet serji u tinsabu fil-proċess li tindmu jew għandkom ix-xewqa li tindmu tassew u tħossu l-ferħ tal-maħfra li ma jitfissirx bil-kliem, jekk jogħġobkom kunu afu li dan il-miraklu qed jistenniekom. Is-Salvatur dejjem isejħilna, “Ejjew għandi.”
It-tisħiħ tal-fidi tagħkom fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, se jqawwi x-xewqa ta’ ruħkom li ssiru tafuh, temmnu fih, u tagħtu qalbkom lilu. Enos staqsa dwar il-maħfra tiegħu: “Mulej, kif jista’ jkun dan?” Il-Mulej wieġbu ”Minħabba l-fidi tiegħek fi Kristu, li lilu inti la qatt smajt u lanqas rajt qabel.”
U Moroni żied jgħid, “Jekk intom tiċċaħħdu minn kull ħażen, u tħobbu ’l Alla bil‑qawwa u bis‑saħħa tagħkom kollha, u b’moħħkom kollu, mbagħad il‑grazzja tiegħu tkun biżżejjed għalikom.”
Li tiċħdu d-dnub, idduru lejn Alla, u taħdmu biex issaħħu l-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu huwa bidu sabiħ. Li tissottomettu r-rieda tagħkom lil Alla b’umiltà jinkludi li taqsmu d-dnubiet serji li wettaqtu, mal-isqof jew mal-president tal-fergħa tagħkom, iżda l-maħfra sħiħa tagħkom tiġi mingħand is-Salvatur. Il-maħfra hija rigal divin mogħti lilna permezz tal-grazzja ta’ Ġesù Kristu.
L-onestà
Ix-xewqa li verament terġgħu lura għand Alla hija akkumpanjata mid-determinazzjoni li tkunu kompletament onesti ma’ Missierkom fis-Smewwiet, magħkom infuskom, ma’ dawk li ġew imweġġgħin, u mal-mexxej tagħkom tas-saċerdozju. Missierkom fis-Smewwiet jifraħ bil-ħerqa tagħkom li tersqu lejh b’qalb maqsuma u spirtu niedem. Li jkollkom spirtu niedem ifisser li tpoġġu lilkom infuskom b’umiltà f’idejn Alla; li jkollkom qalb maqsuma twassal għal dak li l-Appostlu Pawlu ddeskriva bħala “niket divin,” xewqa profonda tar-ruħ li terġa’ lura għandu jkun xi jkun il-prezz.
Jirrestawra Dak li Hu Miksur
Ix-xewqat tagħkom iwasslukom biex intom tkunu tixtiequ ssewwu dak li kissirtu. Hekk kif tirrealizzaw li hemm affarijiet li m’għandkomx qawwa biex issewwuhom, tibdew titolbu bil-ħerqa lill-Mulej, permezz tal-grazzja tiegħu, biex Huwa jgħin ifejjaq lil dawk li sofrew minħabba l-għemil tagħkom.
L-effett ta’ dnub serju fuq ħaddieħor ħafna drabi huwa diffiċli biex jingħeleb. Qegħdin timxu wara l-eżempju ta’ wlied Mosija, li “b’ħerqa kbira bdew jippruvaw isewwu l‑ħsara kollha li kienu għamlu”? Tkellmu ma’ dawk li tirrispettaw dwar dak li jista’ jkun għadkom ma tistgħux taraw.
Hekk kif kont qed inħejji għal dan id-diskors, irċevejt imejl mingħand xi ħadd li kien fil-proċess tal-indiema u li kellu xewqa li jerġa’ lura fil-Knisja. L-eks mara tiegħu kienet għadha qed tbati mit-telfien taż-“żwieġ etern tagħhom, [id-diffikultajiet li kellhom rigward it-tfal], it-telfien tas-sigurtà finanzjarja, … li ma setgħux ilaħħqu mal-ispejjeż, [u] s-sentimenti li ħallewha tiddispra bil-kbir minħabba t-tradiment ta’ żewġha.”
Huwa kien irrakkontali kif il-mexxej tiegħu tas-saċerdozju “ħass li kellu jitolbu, bl-għajnuna tat-talb, jikkunsidra [x’seta’ jagħmel aktar għall-eks mara u għat-tfal tiegħu].” Bil-permess, se naqsam magħkom parti mill-imejl tiegħu.
“[Għall-ewwel] ħsibt li l-[flus] li tajt fid-digriet tad-divorzju kien aktar minn ġeneruż, iżda l-president tal-fergħa tiegħi ħeġġiġni biex insum u nitlob dwarhom għal ġimagħtejn.
“Inizjalment, tħabatt mal-idea ta’ aktar tiġdid. Peress li d-dnubiet tiegħi ma kinux finanzjarji, jien staqsejt lili nnifsi xi tfisser verament ‘tiġdid ġeneruż’ … [iżda] rrealizzajt li hu ma kinitx qed jirreferi biss għall-flus.
“Il-mexxejja tas-saċerdozju tiegħi ltaqgħu mal-eks mara tiegħi u t-tfal tiegħi, u rrealizzaw li huma wkoll kienu għaddejjin minn żmien diffiċli u kienu baqgħu ma fiqux. …
“L-għan ġdid tiegħi kien li nimxi ’l quddiem bil-fidi. … Jiena sempliċiment esprimejt ix-xewqa tiegħi biex nipprovdilhom l-għajnuna tiegħi, offruta mingħajr l-ebda forma ta’ kundizzjoni. … Iddeċidejt li [nibgħat ammont speċifikuta’ flus lill-eks mara tiegħi] mill-paga tiegħi, liema ammont kien wieħed mhux ħażin. Qabel ma ħallast l-ewwel ammont, il-Mulej issuġġerieli f’moħħi li kelli nħallas [darbtejn dak l-ammont].
“Jiena tgħallimt li t-tiġdid mhuwiex sempliċiment biss dwar il-flus. Huwa dwar id-dedikazzjoni ta’ ħajti b’umiltà lill-Mulej. … Il-flus huma biex jgħinu jissostitwixxu dak li ħadt mingħand il-familja tiegħi minħabba l-għażliet ħżiena tiegħi. Ifisser li jien għandi nżomm il-wegħdiet tiegħi mingħajr ma nistenna xejn lura, u li jien nieħu ħsieb il-kontijiet biex hi tkun tista’ tfittex l-Ispirtu.”
L-isforzi tagħkom biex tirrestawraw dak li kissirtu forsi ma jkollhomx x’jaqsmu mal-flus, iżda jekk b’umiltà tikkonsultaw lill-Mulej, tistgħu ssibu li hemm aktar x’tistgħu tagħmlu.
Approvazzjoni Divina, Ftit Ftit
Hekk kif tfittxu l-maħfra tal-Mulej, kunu paċenzjużi waqt li tistennew l-approvazzjoni sħiħa tiegħu. Ikkunsidraw din l-iskrittura:
“Huma umiljaw ruħhom sewwasew b’umiltà mill-aktar kbira; u bdew jgħajtu b’qawwa lil Alla; iva, huma għaddew il-jum kollu. … [Iżda] l-Mulej dam ma sema’ l-għajjat tagħhom minħabba ħżunithom.”
“Madankollu l-Mulej sema’ l-għajjat tagħhom, u beda … jħaffef it-tagħbija tagħhom; … u … huma beda jkollkom ir-risq.”
Kunu paċenzjużi hekk kif il-Mulej ftit ftit issawwab fuqkom il-barkiet u l-approvazzjoni tiegħu, ftit, ftit.
Fil-ħin li jiddeċiedi l-Mulej, intom se tħossu l-leħen tiegħu jgħidilkom, kif Alma qal lil ibnu, “Tħallix aktar dawn il-ħwejjeġ jinkwetawk.” Xi darba, hekk kif intom tkomplu dduru lejn is-Salvatur, Missierkom fis-Smewwiet se “[jneħħi] minn ġo [qalbkom] il-ħtija, permezz tal-merti ta’ Ibnu.”
Imweġġgħin u Għaddejjin minn Tbatija
Għalikom li ġejtu mweġġgħin b’mod daqstant inġust bid-dnubiet serji ta’ ħaddieħor, ix-xewqa tiegħi hi li naqsam magħkom l-imħabba u l-kompassjoni tas-Salvatur u l-faraġ u l-paċi tiegħu.
In-niket li ħassejtu, il-qsim il-qalb, it-telfien, is-sentimenti ta’ tradiment li wasslukom birx tiddispraw bil-kbir, it-tfixkil ta’ ħajjitkom kif immaġinajtu li jkun—nagħtikom l-assigurazzjoni assoluta tiegħi, li s-Salvatur jafkom u jħobbkom. Itolbuh jgħinkom. Huwa l-faraġ u l-qawwa tagħkom; Hu jibgħat l-anġli tiegħu biex jerfgħukom. Meta se jgħaddi l-uġigħ tagħkom, meta se jonqos in-niket tagħkom, u meta se jintesew il-memorji mhux mixtieqa tagħkom? Dwar dil-ħaġa jiena ma nafx. Iżda li naf huwa dan: Hu għandu l-qawwa li jagħmel ġmiel mill-irmied tat-tbatija tagħkom.
L-għeżież ħutna f’Grand Blanc, Michigan, bil-fidi soda tagħhom f’Ġesù Kristu, fil-kuraġġ u l-altruwiżmu tagħhom, irċevew u se jirċievu, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, l-imħabba u l-grazzja bla qjies tas-Salvatur bil-kotra.
Hekk kif intom tkomplu tpoġġu l-fiduċja tagħkom fih, is-sħab ta’ dlam u l-biki ta’ niket tagħkom waqt il-lejl se jinbidlu f’dmugħ ta’ ferħ u paċi fid-dawl ta’ filgħodu. In-niket tagħkom għad jinbidel f’hena. … U l-hena tagħkom [ħadd] ma jeħodhielkom.” Dak il-mument se jasal. Jiena nixhed li se jasal żgur.
L-imħabba espjatorja ta’ Ġesù Kristu tistgħu ssibuha fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli, iżda lkoll kemm aħna neħtieġu kontinwament il-grazzja espjatorja tas-Salvatur tagħna. Il-President Dallin H. Oaks għallem: “Minħabba l-esperjenza tiegħu tal-Espjazzjoni fil-mortalità, is-Salvatur hu kapaċi jfarraġ, ifejjaq u jsaħħaħ lill-bnedmin kollha ma’ kullimkien, iżda jiena nemmen li Huwa jista’ jagħmel dan biss għal dawk li jfittxuh jew jitolbu għall-għajnuna tiegħu.” L-Appostlu Ġakbu għallem, ‘Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom’ (Ġakbu 4:10). Aħna nikkwalifikaw għal dik il-barka meta nemmnu fih u nitolbu għall-għajnuna tiegħu.”
Il-Presbiteru Robert E. Wells
Jiena rċevejt permess mingħand il-ħabib għażiż tiegħi u Awtorità Ġenerali Sebgħin Emeritu, il-Presbiteru Robert E. Wells, li issa għandu 97 sena, biex naqsam magħkom l-esperjenza tiegħu ta’ aktar minn 60 sena ilu:
Waqt li kien qed jgħix fil-Paragwaj fl-1960 u impjegat bħala bankier internazzjonali, Robert Wells, li dak iż-żmien kellu 32 sena, u martu, Meryl kienu t-tnejn piloti f’żewġ ajruplani differenti, li kienu qed itiru lura d-dar mill-Urugwaj lejn il-Paragwaj. Meta sabu ruħhom qalb sħab magħqud, Robert u Meryl tilfu l-kuntatt viżwali u bir-radju ma’ xulxin. Robert niżel malajr, fejn wara sar kaf li l-ajruplan ta’ martu kien waqa’. La martu u lanqas iż-żewġt iħbieb li kienu qed itiru magħha ma baqgħu ħajjin. Id-dar tagħhom f’Asunción kienu qed jistennewh it-tfal tiegħu, ta’ seba’ snin, ħames snin u sentejn.
Il-Presbiteru Wells tkellem dwar in-niket tiegħu:
“Il-kliem għal dejjem se jkun inadegwat biex nesprimi l-uġigħ li żdied ġewwa fija, li kkonsma l-emozzjonijiet tiegħi u raqqad is-sensi tiegħi. Id-dmugħ qawwi ta’ niket sempliċement ma waqafx. Biex tgħaxxaq, hekk kif moħħi pprova jifhem ir-realtà tal-mewt ta’ marti, jien bdejt inħoss sens kbir ta’ ħtija, bħallikieku jien kont responsabbli għall-inċident.”
Robert waħħal fih innifsu talli ma ġiex ispezzjonat l-ajruplan aktar bir-reqqa u talli ma tax lil martu struzzjonijiet aħjar dwar it-titjir bl-istrumenti. Huwa ħass li kien ħati ta’ negliġenza.
Robert qal:
“Moħħi waqa’ f’dell mudlam. … Kont qiegħed ngħix biss—għat-tfal, xejn aktar.”
“… Tlift ukoll ix-xewqa li nkompli ngħix.”
Maż-żmien, Robert ġie mbierek b’esperjenza spiritwali qawwija ħafna. Hu rrakkonta:
Lejla waħda, madwar sena wara, waqt li kont għarkupptejja nitlob, seħħ miraklu Waqt li kont qed nitlob b’ħerqa lil Missieri fis-Smewwiet, ħassejt bħallikieku s-Salvatur ġie ħdejja u smajt vuċi li tinstema’ tgħid dawn il-kelmiet lil ruħi u lil widnejja: ‘Robert, is-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tiegħi ħallas għal dnubietek u l-iżbalji tiegħek. Martek taħfirlek. Ħbiebek jaħfrulek. Jien se ntaffi t-tagħbija tiegħek. …’
“Minn dak il-mument, it-tagħbija tal-ħtija [u d-disperazzjoni] tneħħiet minn fuqi b’mod tal-għaġeb. Kont ġejt salvat! Fhimt minnufih il-qawwa li tħaddan l-Espjazzjoni tas-Salvatur u … li kienet tapplika direttament għalija. … Jien … esperjenzajt dawl u ferħ li qatt ma kont esperjenzajt qabel. … Kont ingħatajt rigal mhux mistħoqq—ir-rigal tal-grazzja tal-Mulej. … Ma kienx ħaqqni—ma kont għamilt xejn biex jimmeritani dan, imma xorta waħda Hu tani dan.”
Ħuti, jalla aħna lkoll nkunu nistgħu “nitqaddsu fi Kristu permezz tal-grazzja ta’ Alla, permezz tat-tixrid ta’ demm Kristu, … u [insiru] qaddisa, mingħajr tebgħa.”
Jiena nixhed dwar l-imħabba, l-ħniena u l-grazzja tas-Salvatur u l-Feddej tagħna. Huwa jgħix. Aħna tiegħu; aħna wlied il-patt. Hekk kif nemmnu fih, nimxu warajh, u nafdaw fih, Huwa jerfagħna min-niket u d-dnubiet tagħna. Imbagħad, lil hinn minn din il-ħajja mortali, fid-dar ta’ Missierna, aħna ngħixu miegħu għal dejjem ta’ dejjem. F’isem Ġesù Kristu, ammen.