Konferenza Ġenerali
Nies Umli Imilu Quddiem l-Artali
Konferenza ġenerali Ottubru 2025


Nies Umli Imilu Quddiem l-Artali

Hekk kif nagħmlu u nonoraw il-patti tagħna, aħna nintrabtu mas-Salvatur, ikollna aċċess akbar għall-ħniena, il-protezzjoni, il-qdusija, il-fejqan, u l-mistrieħ tiegħu.

Nirringrazzja lill-kor, għat-testimonjanza tagħkom permezz ta’ dak l-innu l-ġdid.

L-innu ġdid tas-sagrament “Ħobż tal-Ħajja, Ilma Ħaj” jimlieli ruħi. Linja f’dan l-innu tgħid, “Issa niġi quddiem l-artal, noffrilu qalbi l-maqsuma.”

L-għarfien tiegħi ta’ dak il-kliem żdied ftit wara li l-familja tagħna telqet minn Newbury Park, California, biex inservu fil-Missjoni ta’ Ogden f’Utah fl-2015. Irċevejt stedina biex inżur il-Bażi tal-Forzi tal-Ajru ta’ Hill f’Layton, Utah. Qatt ma kont mort ġo bażi militari, u lanqas ma kont iltqajt ma’ kappillan militari jew mal-irġiel u n-nisa li jaħdmu biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni lil pajjiżhom.

Il-Kappillan Harp, bħal ħafna kappillani oħra, kemm volontarji u professjonali, li jservu fil-ħabsijiet, l-isptarijiet, u l-installazzjonijiet militari madwar id-dinja, kien għalija kemm ispirazzjoni kif ukoll sors li eleva lil ruħi. L-aħħar parti taż-żjara kienet fis-santwarju tal-bażi. Staqsejt lill-kappillan jekk is-servizzi hemmhekk humiex miftuħa għal kull min jixtieq jixtarr, jitlob, jimmedita, u jqim. Huwa resaq lejn il-ħajt ta’ quddiem tal-kappella u ħareġ salib minn wara l-purtieri. Spjegali li għas-servizzi Kattoliċi u Protestanti juża s-salib. Staqsejtu wkoll x’jagħmel għall-aħwa Lhud tagħna, u hu mar lejn in-naħa l-oħra tal-ħajt ta’ quddiem u ħareġ l-Istilla ta’ David.

Imbagħad għidtlu: “U x’tagħmel għas-servizzi tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien?” Huwa poġġa dawk is-simboli lura u pponta b’subgħajh lejn l-artal kbir tal-injam li kien f’nofs is-santwarju. Huwa qalli li fuq dan l-artal, membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien iħejju u jbierku kemm il-ħobż kif ukoll l-ilma. Jien staqsejtu jekk dan l-altar kbir, li deher maħsub biex jibqa’ hemm, jitneħħiex qabel jibdew is-servizzi tal-aħwa Lhud, Musulmani, Kattoliċi, jew Protestanti. Huwa spjegali li l-artal jibqa’ f’postu, għax anke xi wħud minn dawn il-fidi jużawh b’xi mod jew ieħor.

Abraham bena artal, rabat lil Iżakk, u kien lest biex jissagrifika l-iben waħdieni tiegħu, iżda idu ġiet imwaqqfa, u hu ddikjara, bħalma ddikjara l-Mulej, “Hawn jien”! Kemm-il darba li l-Kbir Jiena Hu jew wieħed mill-profeti tiegħu qal, “Hawn jien”?

Fid-Diskors tiegħu fuq tal-Muntanja, is-Salvatur stedinna sabiex nirrikonċiljaw ma’ ħutna qabel ma nersqu lejn l-artal. Pawlu għallem li aħna “nitqaddsu” quddiem l-artal permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Il-profeta Leħi “ħalla daru … u l-ħwejjeġ prezzjużi tiegħu, … [imbagħad] bena artal … u għamel offerta … u radd il-ħajr lill-Mulej”.Il-profeta Leħi “ħalla daru … u l-ħwejjeġ prezzjużi tiegħu, … [imbagħad] bena artal … u għamel offerta … u radd il-ħajr lill-Mulej.”

Il-Bibbja u l-Ktieb ta’ Mormon jgħallmuna nqimu lill-Iben Alla quddiem l-artali. Għalfejn?

L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, bnew u qiemu quddiem artali. Wara li tkeċċew mill-ġnien tal-Għeden u kienu qiemu għal “bosta jiem,” dehrilhom anġlu u staqsiehom mistoqsija mill-aktar emozzjonanti li tista’ ssir lil kull wieħed u waħda minna: “Għaliex toffru sagrifiċċji lill-Mulej?”

Adam wieġeb, “Ma nafx.”

It-tweġiba tal-anġlu għall-ammissjoni umli ta’ Adam hija tal-għaġeb: “Din il-ħaġa hija xbieha tas-sagrifiċċju tal-Imnissel Waħdieni tal-Missier. … Għalhekk, kulma tagħmel inti għandek tagħmlu f’isem l-Iben, u inti għandek tindem u ssejjaħ lil Alla f’isem l-Iben għal dejjem.”

Il-mejda tas-sagrament u l-artali tat-tempju jissimbolizzaw is-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni infinita tiegħu.

Hekk kif aħna nagħmlu u nonoraw il-patti tagħna, billi nirċievu l-ordinanzi tas-sagrament fil-knisja, u tad-dota u tas-siġill fit-tempju, aħna nintrabtu mas-Salvatur, ikollna aċċess akbar għall-ħniena, il-protezzjoni, il-qdusija, il-fejqan, u l-mistrieħ tiegħu.

Ħniena u Protezzjoni permezz tal-Patti

Meta kont għadni tifel ta’ 15-il sena, niftakar nistaqsi lil missieri jekk stajtx naqbeż il-laqgħa tas-sagrament—Ħadd wieħed biss f’Jannar għal logħba speċjali tal-futbol Amerikan. Huwa qalli li kont kbir biżżejjed biex nagħmel dik l-għażla għalija nnifsi u talabni nikkunsidra parir wieħed. Huwa qalli, “Jekk tagħżel li titlef is-sagrament darba, ikun aktar faċli li tagħżel li titlef is-sagrament mill-ġdid.”

Jekk is-Salvatur huwa l-unifikatur il-kbir, allura l-avversarju huwa s-separatur. Satana jara x’jagħmel biex nisseparaw lilna nfusna mill-postijiet ikkonsagrati ta’ qima tagħna u mill-protezzjoni ta’ Ġesù Kristu. Meta nqimu lis-Salvatur, nirċievu “l-qawwa li mmorru kontra l-kurrent naturali tad-dinja.” Meta nqattgħu ħin f’komunjoni miegħu, għandna l-wegħda li niġu “meħlusa minn idejn Satana.” Imbagħad, hekk kif inżommu l-patti tagħna, Hu jiddotana bil-qawwa setgħana … tiegħu.” O, kemm ngħożż l-esperjenza tal-komunjoni mas-Salvatur permezz tal-patti li nagħmlu quddiem l-artali mqaddsa.

Li nibnu għarfien tal-Espjazzjoni eterna tas-Salvatur linja wara linja, preċett wara preċett, jipprovdi tilqima spiritwali kontra l-qerq tal-avversarju. Il-Presbiteru żagħżugħ Jaggi fil-Messiku, Zuster Jaggi fil-Belġju, u missjunarji oħra madwar id-dinja huma ferm aktar probabbli li jaraw lil sħabhom jiksbu l-barkiet tal-magħmudija u jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu jekk ħbiebhom jattendu l-laqgħa tas-sagrament fl-ewwel ġimgħa ta’ kuntatt.

Adulti żgħażagħ fit-Tonga jew fis-Samoa huma ħafna aktar probabbli li niġu ssiġillati fid-dar tal-Mulej jekk ikun ħejjew ruħhom u rċevew l-għotja mqaddsa tagħhom ftit wara li jkunu ggradwaw mill-iskola.20 Fid-dota, il-membri kollha huma mistiedna jgħixu, jobdu, u jħarsu ħames liġijiet li jispiraw qawwa u protezzjoni. Hekk kif aħna nagħmlu patti mal-Mulej, tifforma relazzjoni reċiproka. Aħna nuru l-lealtà u l-imħabba tagħna lejh. Is-saħħa u l-qawwa tagħna jikbru ma’ kull wegħda li nagħmlu u nħarsu.

Riflessjoni U Qdusija

Meta b’umiltà u b’mod simboliku ninżlu għarkopptejna quddiem l-artali tal-Mulej, din tkun opportunità għal riflessjoni, “ billi ma [nibqgħux] aktar imkabbra f’qalb[na], … [numiljaw ruħna] quddiem Alla.” Meta kont għadni tifel żagħżugħ, qabel ma kont noħroġ mal-ħbieb tiegħi, ommi spiss kienet tgħidli, “Ftakar int min int, u jekk jogħġbok tista’ tinfurmani meta tidħol u tasal lura d-dar.” Kien hemm xi ljieli fejn tliftu ċ-ċans li ninfurmaha peress li kont wasalt id-dar tard wisq. Jiddispjaċini li tlift dawk l-inkontri importanti ma’ ommi.

Illum il-ġurnata nistenna bil-ħerqa biex nikkuntattja lil Missierna fis-Smewwiet. Meta ninżel għarkopptejja biex nitlob, kemm jekk ħdejn is-sodda tiegħi jew miġbura mal-familja, jien nimmaġina lili nnifsi għarkopptejja quddiem l-artali, nirrifletti fuq u neżamina ħajti. Naħseb dwar is-sagrament, anke biċċiet sħaħ ta’ ħobż, mqasuma u mqattgħin għalina, kull waħda simbolu tal-ġisem miksur tal-Feddej tagħna. Dan ifakkarni f’dak li għallem il-President Dallin H. Oaks meta qal li “kull biċċa hija unika, l-istess kif l-individwi li jieklu minnu huma uniċi.” Meta ninżel għarkopptejja biex nitlob, naħseb dwar kif nista’ nagħti r-rieda tiegħi lil Alla.

Il-Presbiteru David A. Bednar għallem: “L-ordinanza tas-sagrament hija stedina mqaddsa u ripetuta biex aħna sinċerament nindmu u niġġeddu spiritwalment. L-att per se, li nieħdu sehem fis-sagrament, fih innifsu ma jaħfrilniex dnubietna. Iżda hekk kif aħna kuxjenzjożament nitħejjew u nieħdu sehem f’din l-ordinanza mqaddsa b’qalb maqsuma u bi spirtu sogħbien, imbagħad aħna ngawdu mill-wegħda li aħna jista’ jkollna dejjem magħna l-Ispirtu tal-Mulej. U permezz tal-qawwa li tqaddes tal-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna, aħna nistgħu niksbu dejjem maħfra ta’ dnubietna.”

Meta jien u Amy inħarsu mill-qrib lejn l-esperjenzi ta’ ħajjitna, aħna niċċelebraw id-don tal-imħabba u s-sagrifiċċju perfetta ta’ Ġesù Kristu. Naraw ukoll kif inxterdet il-qilla tal-infern. Kif nistgħu negħlbu l-ġudizzju bil-għama, l-ansjetà, id-dipressjoni, il-kanċer, id-dijabete, l-ibbuljar onlajn, is-serq tal-identità, il-korriment mit-tqala, u il-mewt ta xi tifel jew tifla, xi wieħed mil aħwa, jew missier? Għaxliex Ġesù xorob mill-kalċi morr tat-tregħid u tall-qilla—għalija, għall-familja tiegħi u għalina lkoll!

Is-Salvatur fil-Ġetsemani

Ġetsemani, ta’ Adam Abram, Korteżija ta’ altusfineart.com © 2025

Il-“kalċi morr” li xorob fil-Ġnien tal-Ġetsemani u t-tbatija tiegħu li “intensifikat” fuq is-salib tal-Kalvarju jagħtuna l-possibbiltà li nqiegħdu dak li hu diffiċli, insolenti, vjolenti, mimli rabja u biża’ fuq l-artal tal-Mulej u “nitqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu” għal dejjem.

Sister Patricia Holland qalet, “L-akbar talba tiegħi għalikom u għalija llum hija li naqtgħu qalbna kompletament, inpoġġu lilna nfusna fuq l-artal tal-wegħdiet u l-paċi ta’ Alla irrispettivament minn fejn inkunu, u għamilna x’għamilna.”

Post ta’ Fejqan u Mistrieħ

Meta nersqu quddiem l-artal, mhux qed naqilgħu xi premju; iżda nkunu qed nitgħallmu dwar Dak li Jagħti kull Rigal. F’dak it-tagħlim u l-irbit tal-patt jiġi l-fejqan. Nefi qal, “Huwa mlieni bl-imħabba tiegħu, sewwasew sakemm ġismi sefa kkunsmat.” U s-Salvatur tagħna kollu mħabba stedinna, “Intom lesti li terġgħu lura għandi u tindmu minn dnubietkom u tikkonvertu, sabiex jiena nkun nista’ nfejjaqkom?”

Meta kienu għadhom żgħar, waħda mill-istejjer favoriti taż-żewġt ibniet il-kbar tagħna, Mackenzie u Emma, kienet The Chronicles of Narnia: The Lion, the Witch and the Wardrobe. Aħna lkoll sirna nħobbu l-iljun il-kbir, Aslan. Waħda mill-aktar iljieli li baqgħet f’qalbna waqt li konna naqraw l-ktieb kienet meta l-iljun il-kbir ta ħajtu għal Edmund. Memorabbli għax il-ġenituri u l-bniet xerrdu dmugħ hekk kif il-ħajja tal-iljun ittieħdet fuq il-Mejda tal-Ġebel mis-Saħħara l-Bajda. Memorabbli wkoll għax, minkejja t-traġedja, it-tama baqgħet, sakemm seħħ l-ispettaklu. Għajjat ta’ ferħ instemgħa f’dik il-kamra tas-sodda żgħira meta Aslan qam mill-imwiet u qal, “Kieku [s-Saħħara kienet taf it-tifsira vera tas-sagrifiċċju], … kienet tkun [taf] li [kieku] vittma minn jeddha li ma kienet wettqet l-ebda tradiment [tmut] minflok traditur, il-Mejda tal-[Ġebel] kienet tixxaqqaq, u l-mewt innifisha kienet [tibda tinħall].”

Ġesù Kristu jfejjaq kull ġerħa. Ġesù Kristu jagħmilha possibbli li ngħixu mill-ġdid

Fid-diskors tiegħu waqt il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2022, il-President Nelson irrakkonta dwar grupp ta’ nies li kienu attendew il-ftuħ għall-pubbliku ta’ tempju. Fosthom kien hemm tifel żgħir. Il-President Nelson għallem:

“Meta dan il-grupp daħal fil-kamra tad-dota, it-tifel ipponta b’sebgħu lejn l-artal, fejn in-nies jinżlu għarkupptejhom biex jagħmlu patti ma’ Alla, u qal: ‘Ara, hekk sewwa. Dan hu post fejn in-nies jistgħu jistrieħu fil-vjaġġ tagħhom fit-tempju.’

“… Probabbilment ma kellux idea dwar il-konnessjoni diretta bejn li wieħed jagħmel patt ma’ Alla fit-tempju u l-wegħda mill-isbaħ tas-Salvatur:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni; … u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” [Mattew 11:28–30; enfażi miżjuda].”

“Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu,” u madankollu stieden lid-dixxipli tiegħu biex jistrieħu miegħu mal-mejda tas-sagrament. Meta “nies umli imilu quddiem l-artali,” il-paċi jgħammar. Dirgħajn is-Salvatur tagħna dejjem jinsabu lesti biex jilqagħkom; il-Mejda tiegħu hija mifruxa. Ejjew qimu lil Iben Alla quddiem l-artali mqaddsa. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara 3 Nefi 18:4-9.

  2. Ħobż tal-Ħajja, Ilma Ħaj,” Innijiet —Għad-Dar u l-Knisja, Il-Librerija tal-Evanġelju.

  3. Ara Moroni 45.

  4. Ġenesi 22:11.

  5. Ara Ġenesi 31:11; 46:2; Esodu 3:4; 1 Samwel 3:4–10; Isaija 6:8; Abraham 3:27.

  6. Ara Mattew 5:23–24.

  7. Ara Lhud 10:10–14.

  8. 1 Nefi 2:4, 7.

  9. Ara Mosè 5:5; Topical Guide, “Jesus Christ, Types of, in Anticipation.”

  10. Moses 5:5-8.

  11. Ara Manwal Ġenerali: Inservu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, 27.2, Il-Librerija tal-Evanġelju.

  12. Ara 1 Timotju 5:15; 3; 3 Nefi 6:16; 11:29–30.

  13. Ara “Take My Heart and Let It Be Consecrated,” Innijiet —Għad-Dar u l-Knisja.

  14. Dale G. Renlund, “Naċċessaw il-Qawwa ta’ Alla permezz tal-Patti,” Liahona, Mejju 2023, 37.

  15. Alma 15:17.

  16. Russell M. Nelson, “It-Tempju u l-Pedament Spiritwali Tagħkom,” Liahona, Nov. 2021, 94.

  17. Ara Isaija 28:10,13.

  18. Ara Quentin L. Cook, “Missionary Purpose and Lessons Learned” (indirizz mogħti waqt is-seminar għall-presidenti tal-missjoni ġodda, 19 ta’ Ġunju, 2025).

  19. Ara General Handbook, 27.2.

  20. Ara D. Todd Christofferson, “Ħaġa Waħda fi Kristu,“ Liahona, Mejju 2023, 77–80.

  21. Ara Neil L. Andersen, “It-Tempji, Djar tal-Mulej Li Qed Jinbdew Mad-Dinja Kollha,” Liahona, Mejju 2024, 111–14.

  22. Alma 15:17.

  23. Ara 1 Korintin 11:28.

  24. Dallin H. Oaks, “Introductory Message” (indirizz mogħti waqt seminar għall-presidenti ġodda tal-missjoni, 25 ta’ Ġunju, 2017).

  25. David A. Bednar, “Ikollkom Dejjem Maħfra ta’ Dnubietkom,” Liahona, Mejju 2016, 61–62.

  26. Ara Isaija 51:17, 22; 3 Nefi 11:11.

  27. Duttrina u Patti 19:18.

  28. Russell M. Nelson, “L-Isem Korrett tal-Knisja,” Liahona, Nov. 2018, 88.

  29. 3 Nefi 27:20.

  30. An Eye Single: Thoughts and Teachings from Patricia T. Holland, comp. Mary Alice Holland McCann [2025), 135.

  31. Ara Duttrina u Patti 88:33.

  32. 2 Nefi 4:21.

  33. 3 Nefi 9:13.

  34. The Lion, the Witch and the Wardrobe (New York: HarperCollins, 1994), 178–79.

  35. Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 95–96.

  36. Mattew 8:20, New Internazzjonali Version.

  37. Ara Luqa 22:14, New International Version. Recline ġejja mill-kelma Griega anapipto, li tindika libertà u mistrieħ. L-att li wieħed jimtedd kien tfakkira tal-liberazzjoni tal-Iżraelin mill-jasar Eġizzjan

  38. Welcome Home,” Innijiet —Għad-Dar u l-Knisja.