Il-Proklamazzjoni tal-Familja—Kliem minn Alla
Il-proklamazzjoni għandha oriġni divina, għalhekk jeħtieġ li nittrattawha bil-qima li jixraqlu l-kliem li ġej minn Alla.
Din il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2025 tfakkar it-30 anniversarju tta-tħabbira ta’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.” Permezz ta’ pjan divin, din il-proklamazzjoni, bil-kliem rivelatorju tagħha, inħolqot biex “issostni u ssaħħaħ lill-familja bħala l-unit fundamentali tas-soċjetà.”
Kulħadd jappartjeni lil xi familja, kemm jekk intom omm, missier, bint, iben, neputijiet, nanniet, zija, ziju, aħwa jew kuġini. L-aktar importanti hu l-fatt li kull wieħed u waħda minna, kif tiddikjara l-proklamazzjoni, “iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet … b’natura u destin divini.”
Meta jiena ġejt imsejjaħ għall-appostolat mqaddes fl-2015, kont ġejt mogħti l-parir, “Din il-proklamazzjoni issa hija tiegħek. Ismek [b’saba’ jipponta fuq il-kliem ‘Kunsill tat-Tnax-il Appostlu’ fit-titlu] jinsab hawn. Ħossha fik u għallimha daqslikieku hi kliemek.”
Il-proklamazzjoni tal-familja hi tassew għal qalbi. Jiena tajt ix-xhieda tiegħi madwar id-dinja mill-Afrika sal-Awstralja u kull pajjiż ieħor bejniethom dwar l-irwol tal-familja fil-pjan etern ta’ Alla. Il-proklamazzjoni għandha oriġni divina, għalhekk jeħtieġ li nittrattawha bil-qima li jixraqlu l-kliem li ġej minn Alla.
Ftakru, ħuti, kif għidt f’konferenza ġenerali ta’ qabel minn quddiem dan l-istess pulptu, “Kliemna jagħmel differenza.”
Ippermettuli nkellimkom ftit dwar l-isfond tal-proklamazzjoni bħala l-messaġġ ewlieni ta’ dak li nemmnu.
Fl-1994, sena qabel ġiet ippreżentata l-proklamazzjoni, il-membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ddiskutew kif is-soċjetà u l-gvernijiet kienu qed jitbiegħdu mil-liġijiet li Alla ta għall-familja, għaż-żwieġ, u għall-ġeneru tas-sess. “Iżda dan ma kienx kull ma stajna naraw,” spjega aktar tard il-President Russell M. Nelson. “Stajna naraw l-isforz li qed isir f’bosta komunitajiet biex jiġu mwarrba l-istandards u l-limitazzjonijiet kollha fuq l-attività sesswali. Stajna naraw il-konfużjoni tal-ġeneri tas-sess. Stajna naraw x’kien ġej.”
It-Tnax iddeċidew li jħejju dokument, proklamazzjoni uffiċjali, li jitkellem fil-qosor dwar il-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-familja. Tul dik is-sena, dawn l-Appostli, veġġenti msejħa minn Alla, ħejjew dikjarazzjoni dwar il-familja. Il-President Dallin H. Oaks irrakkonta li huma daru lejn il-Mulej permezz tat-talb għal “x’għandhom jgħidu u kif għandhom jgħiduh.” Huma ppreżentawha lill-Ewwel Presidenza: il-Presidenti Howard W. Hunter, Gordon B. Hinckley, u Thomas S. Monson—għall-konsiderazzjoni tagħhom.
Ftit xhur wara f’Marzu 1995, miet il-President Hunter u l-President Hinckley sar il-15-il President tal-Knisja. Issa l-proklamazzjoni kienet tinsab f’idejh. Meta għandu jkun il-ħin opportun biex inwasslu din id-dikjarazzjoni lill-Knisja? Dak iż-żmien wasal sitt xhur wara.
Ftit jiem qabel il-laqgħa ġenerali tas-Soċjetà tas-Solliev li kellha ssir fit-23 ta’ Settembru, qabel il-konferenza ġenerali, il-President Hinckley u l-kunsilliera tiegħu ltaqgħu f’kunsill flimkien mal-Presidenza Ġenerali tas-Soċjetà tas-Solliev. Is-sisters, bħall-Appostli, kienu qed jiddiskutu bejniethom dwar ċertu tħassib li kellhom dwar in-nisa u l-familji. Huma bdew jiffokaw fuq laqgħa li kellha ssir dwar il-familji.
Il-President Hinckley kien skedat li jindirizza lin-nisa fil-laqgħa. Huwa kien qed jixtarr dwar id-direzzjoni tar-rimarki tiegħu. Hekk kif bdiet għaddejja d-diskussjoni, huwa rrefera b’isimha “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” li kienet għadha kif ġiet mfassla iżda mhux żvelata mal-pubbliku.” Din il-laqgħa tan-nisa kienet il-post xieraq biex twassal id-dikjarazzjoni dwar il-familja?
Il-President Ġenerali tas-Soċjetà tas-Solliev Elaine Jack aktar tard spjegat: “F’dak il-mument aħna ma konniex nafu x’kienet din il-proklamazzjoni dwar il-familja. … Stajna nindunaw mit-titlu, iżda ħassejna li kull ħaġa dwar il-familja … kien tkun ħaġa pożittiva. … Ħassejt fija pożittivita kbira li kellna membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu li kienu qed jirċievu r-rivelazzjoni.”
Il-laqgħa tas-Soċjetà tas-Solliev f’dak il-jum tas-Sibt kienet waħda storika. Il-President Hinckley introduċa l-Proklamazzjoni tal-Familja b’dan il-kliem importanti “B’daqstant sofistika li qed tiġi mgħoddija bħala verità, b’daqstant qerq dwar l-istandards u l-valuri, b’daqstant attrazzjoni u tħajjir għall-ħwejjeġ xejn tajba tad-dinja, ħassejna li għandna nwissu … dwar l-istandards, id-duttrina, u d-drawwiet relatati mal-familja li ġew iddikjarati ripetutament tul l-istorja tal-Knisja mill-profeti, veġġenti, u rivelaturi ta’ din l-istess Knisja.”
Imbagħad huwa qara l-proklamazzjoni sħiħa. Kif qal il-Mulej, “Jekk hux permezz ta’ leħni jew ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”
Il-proklamazzjoni tiddikjara, “Il-familja hija ordnata minn Alla.” Togħġobni ċ-ċarezza ta’ dik id-dikjarazzjoni. Il-proklamazzjoni hija sejħa għalina biex ngħixu fil-mortalità, konxji aktar minn qabel dwar id-divinità li tinsab ġo fina, u l-futur etern li għandna quddiemna. Il-President Nelson għallem: “Intom letteralment ulied spirtu ta’ Alla. … Ħa nagħmilha ċara: Il-potenzjal tagħkom huwa divin. Bit-tfittxija diliġenti tagħkom, Alla jagħtikom lemħa ta’ min tistgħu ssiru.
Meta ġiet ppreżentata, il-proklamazzjoni ma kenitx f’armonija ma’ kif jaħsbuha ħafna fid-dinja. La dak iż-żmien. U lanqas issa. Hemm min joffendi ruħu bid-dikjarazzjoni dwar il-familja, iż-żwieġ, u l-ġeneru tas-sess. Xi wħud jissuġġerixxu li l-Knisja għandha terġa’ taħsibha, treġġa’ kollox lura,, jew saħansitra twarrab il-proklamazzjoni.
Il-proklamazzjoni dwar il-familja hija, kif iddikjara l-President Hinckley, duttrina, għeżież ħuti. Il-prinċipji mhumiex differenti, iżda jaqblu perfettament mal-ħsieb tal-Mulej u t-triq tiegħu tal-patt. It-tagħlim tal-proklamazzjoni ġie żvelat minn Sidna Ġesù Kristu lill-Appostli tiegħu, ta’ qabel u tal-lum. Din hija l-Knisja tiegħu; Huwa waqqaf il-veritajiet li nimxu magħhom.
Xi wħud minnkom jafu jirriflettu dwar il-proklamazzjoni u jgħidu, “Din ma tantx iddoqqli.” “Nieqsa mis-sensittività.” “Il-Familja tiegħi differenti minnha.” “Din mhux għalija.”
Lilkom li għandkom dan it-tħassib, kunu afu li intom ulied ġenituri tas-smewwiet, parti mill-familja ta’ Missierkom fis-Smewwiet. Ħadd ma jafkom aħjar jew jimpurtah minnkom aktar minnu. Duru lejh, iftħu qalbkom miegħu; afdaw fih u fil-wegħdiet tiegħu. Fis-Salvatur tagħkom Ġesù Kristu li tant iħobbkom għandkom familja. Huwa ġie fuq l-art biex ipatti għal dnubietna u jġorr it-tagħbija tal-iżbalji tagħna u tal-jiem xejn sbieħ tagħna. Huwa jidhem dak li tħabbtu wiċċkom miegħu u kif tħossukom. Duru lejh; afdaw li Huwa jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun magħkom, jgħinkom u jiggwidakom. Ħossu mħabbithom li “tinfirex lil hinn fi qlub il-bnedmin … hija l-aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra … u l-aktar ħaġa li twassal l-hena fir-ruħ.”
L-Appostli kollha tal-Mulej iħobbukom ħafna. Nitolbu għalikom u nfittxu li niksbu l-gwida tal-Mulej għalikom. Ibagħu magħna. Intom tinsabu tgħixu fi żminijiet ta’ sfida meta l-avversarju qed ifittex li jagħmilkom tiegħu. Titbiegħdux. U jekk hu l-każ, erġgħu lura. Hu qed jagħtikom dirgħajh u l-istess dawk l-oħrajn li jħobbukom.
Il-proklamazzjoni tiddikjara, “Il-ġenituri għandhom dmir sagru li jrabbu lil wliedhom fis-sewwa b’imħabba.” Il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdi t-tieni xhieda ta’ din il-verità. Fl-ewwel vers tal-ewwel kapitlu, naqraw, “Jien, Nefi, twelidt minn ġenituri twajbin.” Kemm minna bdejna naqraw il-Ktieb ta’ Mormon—u erġajna bdejna għal kemm-il darba—u f’dan il-proċess tgħallimna dan il-kliem bl-amment? Naqqxuh f’qalbkom.
Waħda mid-dikjarazzjonijiet favoriti tiegħi fil-proklamazzjoni hi din:“Il-kuntentizza fil-ħajja fil-familja tista’ tinkiseb l-aktar meta tkun ibbażata fuq it-tagħlim ta’ … Ġesù Kristu.”
Min ma jridx ikun kuntent?
U x’inhuwa t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu? Ukoll fil-proklamazzjoni: “Fidi, talb, indiema, maħfra, rispett, imħabba, kompassjoni, xogħol, u attivitajiet rikreattivi xierqa”.”
Liema ħajja ma tkunx aħjar jekk napplikaw dawn il-prinċipji ewlenin? Ħadd minna mhu se jagħmel kollox perfett; iżda aħna nistgħu nimxu wara l-kliem għaqli tal-President Hinckley: “Agħmlu l-almu tagħkom kollu.”
Naqraw fil-proklamazzjoni, “Il-missirijiet għandhom jippresedu … bl-imħabba u s-sewwa,” u “l-ommijiet huma responsabbli primarjament mit-trobbija ta’ wliedhom.” Li tippresedi ma jfissirx li tiddomina u t-trobbija ma tfissirx xi rwol sekondarju. Alla ta lill-irġiel u n-nisa rwoli ndaqs u essenzjali iżda differenti li jikkumplimentaw lil xulxin.
Ippermettuli naqsam magħkom storja personali.
Jiena u marti tgħallimna naħdmu aħjar fl-irwol ta’ sħab idaqs wara li jum fost l-oħrajn jiena ddeċidejt li nieħu deċiżjoni importanti mingħajr ma nikkonsulta magħha. L-għemil tiegħi ssorprendiha, qabadha fuq sieq waħda, u poġġiha f’sitwazzjoni mill-aktar diffiċli. Wara, hija poġġiet idejha fuq spallejja u b’fermezza qaltli, “Ron, jekk jogħġbok, terġax tagħmilli kif għamilt.” Minn dakinhar ’il hawn bqajna tista’ tgħid dejjem fi qbil bejnietna.
Aħna nsibu fil-proklamazzjoni:“Il-missierijiet u l-ommijiet għandhom l-obbligu li jgħinu lil xulxin bħala msieħba ndaqs.”
Indaqs hija kelma importanti. Tul is-snin hekk kif jiena u Sister Rasband ħdimna dejjem flimkien f’dawk li l-proklamazzjoni tiddeskrivi bħala “ir-responsabbiltajiet sagri tagħna,” aħna fassalna żwieġ fejn kollox naqsmuh bejnietna. Hekk kif uliedna kollha issa żżewġu, jien u Sister Rasband qed inkomplu niddiskutu magħhom u mal-konjuġi tagħhom kif jistgħu jkunu sħab indaqs.
Meta aħna ngħixu b’ħarsitna fissa fuq il-glorja ta’ Alla, aħna nirrispettaw lil xulxin u ngħinu lil xulxin. Dak il-mudell divin tas-sewwa iwassal għall-istabilità fil-ħajja individwali tagħna, fil-familji tagħna, u fis-soċjetà.
Missierna fis-Smewwiet ipprovdielna l-proklamazzjoni dwar il-familja biex jgħin jiggwidana lura għandu, biex jgħinna nitgħallmu u nimtlew bl-imħabba, bil-qawwa, bir-riżoluzzjoni, u b’għarfien etern. B’qalbi kollha nitlobkom biex tgħixu qrib tiegħu u qrib Ibnu l-Għażiż. Inwegħidkom li kif tagħmlu dan, l-Ispirtu jispirakom u jiggwidakom u jgħinkom tħossu f’qalbkom il-paċi mwiegħda li “tgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.