Konferenza Ġenerali
Irċievu r-Rigal Tiegħu
Konferenza ġenerali April 2025


Irċievu r-Rigal Tiegħu

Intom ulied għeżież ta’ Alla, bniet u subien, u bħala rigal Huwa takom lill-qaddis Ibnu perfett.

Għotja ta’ Rigali

L-għotja tar-rigali hija drawwa soċjali li tkopri l-kulturi, il-ċiviltajiet, u ż-żminijiet kollha. Tul iż-żmien, in-nies minn dejjem taw rigali lil xulxin biex isaħħu r-relazzjonijiet, jesprimu l-imħabba u l-gratitudni tagħhom, u biex ifakkru ġrajjiet importanti bħal żwiġijiet, jum għeluq snin dak li jkun, u festi. U l-bnedmin mhumiex l-uniċi fost il-ħlejjaq ta’ Alla li jagħtu r-rigali lil xulxin! Fost bosta eżempji oħra li nistgħu nsemmu, il-pengwini huma magħrufin li jirregalaw ċagħaq ileqq lill-ħbieb prospettivi tagħhom, il-bonobos (kuġini tax-ximpanżi) jagħtu l-frott lil xulxin biex jespandu ċ-ċirku tal-ħbiberija.

Pengwini jirregalaw iċ-ċagħaq.
Bonobos jagħtu l-frott lil xulxin.

Intom x’rigali qatt tajtu? Aħsbu dwar żmien meta sibtu—jew għamiltu—ir-rigal perfett għal xi ħadd li tħobbu. Intom ħassejtu li r-rigal kien tassew dak li l-maħbubin tagħkom riedu u xi ħaġa li setgħu jgħożżu. X’kien ir-rigal? Kien għal ommkom? għal xi ħbieb? għat-tfal tagħkom? Għan-nannu tagħkom? Kif ħassejtukom meta sibtu dan ir-rigal? Kif ħassejtukom meta bdejtu taħsbu dwar din il-persuna li tħobbu qed tiftaħ ir-rigal? Bl-istess mod, tiftakru meta kien hemm xi ħadd li lilkom takom ir-rigal perfett, u kif ħassejtukom meta rċevejtuh?

Ir-Rigal li Tani Missieri

Meta kelli madwar seba’ snin, u kont ngħix fl-imkien mal-ġenituri tiegħi ġewwa l-Arabja, kien ħareġ film tat-tfal jismu Chitty Chitty Bang Bang . Il-film huwa dwar karozza maġika li ssuq weħidha, iżżomm f’wiċċ l-ilma, u anke ttir! Jien kont naf li lura fl-Ingilterra kienu għamlu karozza żgħira bħala ġugarell li kienet mudell żgħir ta’ Chitty Chitty Bang Bang, u kieku tafu kemm kont xtaqt li jkolli waħda! Kont tista’ tiġbed bħal ħadida żgħira u kienu joħorġu l-ġwienaħ tal-karozza! Missieri kien siefer l-Ingilterra fuq xogħol u staqsieni jekk xtaqtx li jġibli lura xi ħaġa, u jien għidtlu kemm xtaqt li jkollu waħda minn dawk il-karozzi ta’ Chitty Chitty Bang Bang.

Huwa ġie lura mill-vjaġġ tiegħu, u ma deher li kellu l-ebda karozza. Jiena tassew ħassejtni mnikket u għidt li żgur li kien nesa. Iżda, xi 10 ijiem wara kien jum għeluq snini, u sibt jistennieni pakkett żgħir imgeżwer b’mod sabiħ. B’antiċipazzjoni kbira fuqi, u mingħajr ma nimla’ rasi ħafna, jiena ftaħt ir-rigal u sibt il-karozza tiegħi. Tant fraħt li nfqajt nibki. Jiena ġebbidt il-ħadid ż-żgħira u ħarġu l-ġwienaħ, l-istess bħall-karozza fil-film! Tgħidx kemm irringrazzjajtu lil missieri għal dan ir-rigal tant għażiż għalija. Għamilt snin nilgħab b’dik il-karozza u żammejtha għandi għal bosta snin oħra. Naħseb li missieri kien ħa gost jagħtini dik il-karozza dsqs kemm jiena ħadt gost nirċeviha.

Nagħtu, Naċċettaw, Niftħu, u Nirċievu

Nistgħu nħarsu lejn l-għotja tar-rigali bħala xi ħaġa li naqsmuha fi tliet partijiet:

  1. Li nagħtu r-rigal, fejn dak li jagħti jagħżel, jagħmel, jew iħejji r-rigal u jippreżentah lill-maħbubin tiegħu. Dan jinvolvi ċerta intenzjoni bil-ħsieb min-naħa ta’ min jagħti biex huwa jagħti xi ħaġa sinifikanti.

  2. Li naċċettaw u niftħu r-rigal, meta r-reċipjent jaċċetta r-rigal mingħand dak li jagħtih—ħafna drabi b’espressjoni ta’ sorpriża, gratitudni, u eċċitament—qabel jiftħu, fejn ħafna drabi jħoll xi ċoff u jneħħih mill-karti li jkun imgeżwer bihom biex jiskopri x’inhu r-rigal.

  3. U mbagħad, tasal probabbilment l-aktar parti importanti, meta nirċievu r-rigal. Li nirċievu rigal mogħti mill-qalb hu ferm aktar milli naċċettawh u mbagħad niftħuh. Huwa sewwasew ferm aktar milli nagħrfu l-valur tar-rigal u li nesprimu l-gratitudni tagħna lejn min ta r-rigal. Biex tassew nirċievu rigal, jeħtieġ li aħna nibdew napprezzawh għalina stess, nagħmlu użu sħiħ minnu f’ħajjitna, u mbagħad niftakru bi gratitudni lil min tahulna.

Li naċċettaw rigal mhijiex xi ħaġa passiva iżda huwa proċess intenzjonat u sinifikanti, li jmur lil hinn minn sempliċiment niftħu pakkett. Li nirċievu jfisser li napprezzaw u nħossu rabta kemm mar-rigal kif ukoll mal-qalb ta’ dak li tahulna b’tali mod li jsaħħaħ ir-rabta ta’ bejn min jagħti u min jirċievi. Meta naħseb f’dik il-karozza ġugarell iġibli għadd ta’ memorji imprezzabbli, għax għal darb’oħra nista’ nħoss l-imħabba kbira ta’ missieri għalija, rappreżentata permezz ta’ dak ir-rigal u u għadd kbir ta’ atti ġenerużi oħra.

Ir-Rigali ta’ Missierna fis-Smewwiet

Missierna fis-Smewwiet għandu bosta rigali ta’ dawl u verità mħejjija lesti biex isawwabhom fuq kull wieħed u waħda minna, l-ulied għeżież tiegħu. Huma jaslu għandna mingħand id-Donatur Ġeneruż bħal għajn fid-deżert mill-qalb benevolenti tiegħu. “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl.” Fir-rabta tagħna tal-patt mal-Missier, Huwa dejjem u d-Donatur u aħna r-reċipjenti umli.

L-Akbar fost ir-Rigali Kollha tal-Missier li Minnu Jiġu l-Oħrajn Kollha

Iżda aħna ma nistgħu nirċievu xejn mingħajr l-akbar fost ir-rigali kollha tal-Missier, l-għażiż Ħaruf tiegħu, Ibnu, Ġesù Kristu. Ir-rigali kollha ta’ Missierna huma riżultat tal-offerta tas-Salvatur, li lkoll jieħu l-ħajja fih, liema offerta Hu offra minn jeddu fil-Ġetsemani u fuq is-salib, u tal-Qawmien trijonfanti tiegħu. Ġesù Kristu, il-Feddej ħanin tagħna, huwa r-rigal suprem li rċevejna mingħand Missierna tad-dawl. “Permezz tal-għotja ta’ Ibnu, Alla ħejja għalina mezz ferm aqwa.”

Rigal Wieħed li Jiġbor Fih il-Verità Eterna Kollha

Nixtieq nitkellem dwar rigal wieħed li jiġbor fih il-verità eterna kollha li jsostni l-abbiltà tagħna li nirċievu dak kollu li Missierna jixtieq isawwab fuqna—rigal ta’ għarfien importanti ħafna li meta naċċettawh tassew u nirċevuh fil-fond ta’ qalbna, jikkontestwalizza l-hena u d-diffikultajiet kollha tal-ħajja, kif ukoll il-mistoqsijiet mhux imwieġba tagħna: Li aħna tassew ulied Alla. Dik il-verità hija xi ħaġa tal-għaġeb! Xi ħaġa meraviljuża! U din mhijiex xi ħaġa figurattiva.

Immaġinawkom li qed tisimgħu dan għall-ewwel darba! Inti tassew bintu l-għażiża. Inti tassew ibnu l-prezzjuż. U l-pjan li mexjin warajh huwa l-pjan tiegħu ta’ ferħ. Permezz tal-imħabba omnixxenti tiegħu, Huwa jaf eżattament min kontu qabel ġejtu mibgħuta hawn fuq l-art, u x’esperjenzajtu s’issa fil-ħajja mortali tagħkom, u Huwa ppjana fi ħniena l-ġejjieni kollu tagħkom. U kemm jixtieq li xi darba intom terġgħu lura għandu, biex tirċievu l-ogħla għan fost ir-rigali sbieħ tiegħu, il-ħajja ta’ dejjem miegħu.

Il-mistoqsija mhijiex jekk dan ir-rigal ta’ verità huwiex reali izda jekk aħna sejrinx niskopruh u nirċievuh. Ir-rigal diġà ġie msawwab fuqna mill-Missier. Il-prezz għall-ogħla għan ta’ dan ir-rigal diġà ġie mħallas mis-Salvatur. Iżda jekk intom ilkom tiġu mgħallma, ixxandru, u tkantaw din il-verità għal snin sħaħ, jista’ jkun li l-meravilja tal-għaġeb tagħha ilha li għebet u intom m’għadkomx tħossu l-qawwa u l-paċi tagħha.

Jekk dan ir-rigal imprezzabbli tal-għarfien—u t-tjubija, il-paċi, u t-tama kollha li nirċievu minnu—nibqgħu ma naċċettawhx, ma niftħuhx, u ma nirċevuhx, tassew tkun ħela għalina! X’niket għad-Donatur! “Għaliex’ jiswieh il-bniedem jekk huwa jingħata rigal u ma jaċċettahx? Araw, huwa ma jifraħx b’dak li ngħatalu, lanqas jifraħ b’dak li tah ir-rigal.”

Nistedinkom biex tirċievu jew għall-ewwel darba, jew inkella b’aktar qawwa minn qabel, ir-realizzazzjoni meraviljuża li intom tassew ulied maħbuba ta’ Alla. Jeħtieġ li tħollu ċ-ċoff, tqattgħu l-karta li r-rigal mgeżwer fiha, tiftħu l-kaxxa, u b’ mod attiv tirċievu b’umiltà kollha gratitudni għarfien veru u safi ta’ din il-verità fundamentali. L-Ispirtu s-Santu jista’ jixhed lil qalbkom li intom tassew ulied l-Għoli.

Meta intom taċċettaw din ir-realtà majestuża f’ruħkom u tħossu kemm il-faraġ kif ukoll l-eċċitament tagħha, isseħħ bidla sħiħa fil-paradigma tagħkom! Intom tkunu tistgħu tħossu mħabbtu, tisimgħu leħnu, u tagħrfu idu, irrispettivament x’ikun qed jiġri jew le f’ħajjitkom. Intom tistgħu tiddefinixxu mill-ġdid kif tħarsu lejkom infuskom u lejn ħaddieħor. Ir-rabta tal-patt tagħkom mas-Salvatur tagħkom tissaħħaħ, u permezz tal-lenti ta’ dan ir-rigal ħelu, l-isbuħija u t-tama f’ħajjitkom jikbru ferm aktar.

Jekk jogħġobkom, lesti titolbu biex tifhmu jekk intom tassew qegħdinx tirċievu dan l-għarfien trasformattiv fil-fond ta’ ruħkom? Lesti jekk jogħġobkom taċċettaw ir-rigal? Lesti tagħmlu dan b’aktar qawwa, b’aktar rieda, u b’aktar abbundanza minn qatt qabel?—u waqt li tagħmlu dan intom tilqgħu dawk ir-rigali l-oħra kollha li jiġu miegħu?

Nirċievu Dan ir-Rigal ta’ Verità Eterna

Intom tafu tistaqsu, “X’għandi nagħmel biex nirċievi dan ir-rigal mingħand Alla?” Mela, fil-verità, xejn. Huwa rigal mingħand id-Donatur. Dan huwa sewwasew fatt. Sempliċiment aċċettawh. Intom tassew uliedu. Huwa l-għeżież tiegħu. Tikkumplikawhiex. Iżżommux li tirċievu dan ir-rigal minħabba l-ħsieb li intom b’xi mod indenji. Ir-realtà hi li ħadd minna mhu “denn”—ir-rigali kollha tal-Missier nirċevuhom biss permezz tal-mertu, il-ħniena, u l-grazzja tal-Messija Mqaddes, iżda l-qalb ġeneruża tiegħu kemm tixtieq li kull wieħed u waħda minn uliedu nirċevuhom! Imbagħad, hekk kif tiksbu l-għarfien ġdid jew imġedded, intom tithennew u troddu ħajr lid-Donatur ta’ dan ir-rigal.

Minn meta sibt il-fidi tiegħi f’nofs it-tielet diċenju ta’ ħajti, jiena għaraft tassew li jiena iben Alla. Aktar ma nassimila dan ir-rigal, aktar nagħraf tassew min jiena u kemm jien maħbub verament. Ċerti ħwejjeġ li għinuni nikber f’dan l-għarfien huma l-kliem tal-iskrittura, il-barka patrijarkali tiegħi, il-qima tat-tempju, meta naqdi lil ħaddieħor, meta nesprimi l-gratitudni u meta nitlob fis-skiet lil Missieri. Jiena nistagħġeb kif in-niket, l-uġigħ, u t-tbatija li esperjenzajt f’ħajti qabel setgħu qatt jittrasformaw ruħhom, jitfejqu, u ħafna minnhom jiġu megħluba li ma kienx għal din il-verità mill-isbaħ.

Ejjew għand Kristu u Taqilgħu

Moroni jitlobna biex “ma tiċħdux id-doni ta’ Alla,” iżda “nersqu lejn Kristu, u nadottaw kull rigal tajjeb.” Intom tistgħu tersqu lejn Kristu u tittamaw fl-imħabba u t-tjieba tiegħu u tirċievu r-rigali kollha tiegħu ta’ hena, paċi, tama, dawl, verità, rivelazzjoni, għarfien, u għerf—b’raskom mgħollija ’l fuq, b’dirgħajkom miftuħa, u b’idejkom lesti biex jirċievu. U intom tistgħu tirċievu dawn ir-rigali għax intom għandkom l-għerq tagħkom imħawwel sew fl-għarfien li għandkom li intom ulied għeżież ta’ Alla, bniet u subien, u bħala rigal Huwa takom lill-qaddis Ibnu perfett biex jifdikom, jiġġustifikakom, u jqaddiskomu.

Intom tassew ulied Alla. Din mhijiex sempliċiment għanja ħelwa li aħna nkantaw. Lesti intom jekk jogħġobkom taċċettaw, tiftħu, u tirċievu dan ir-rigal ta’ għarfien u dehen mingħandu? Lesti li tgħożżuh għat- teżor prezzjuż li hu? Erġgħu rċievu dan ir-rigal mill-ġdid jew forsi rċevuh għall-ewwel darba, u araw li tħalluh jittrasformakom f’kull aspett ta’ ħajjitkom. Dan huwa l-aqwa mod li Alla ħejja għalikom permezz tad-don ta’ Ibnu. Intom tassew ġejtu fis-seħħ biex tkunu tistgħu tgawdu l-hena! F’isem Ġesù Kristu, ammen.