Konferenza Ġenerali
La Twebbsux Qalbkom
Konferenza ġenerali April 2025


La Twebbsux Qalbkom

Jekk aħna nindmu b’mod sinċier, numiljaw ruħna, u nafdaw fil-Mulej, qalbna tirtab.

Ir-Restawrazzjoni tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu bdiet meta Alla l-Missier u Ibnu l-Maħbub dehru lit-tfajjel Joseph Smith, u wieġbu t-talba umli tiegħu. Bħala parti mir-Restawrazzjoni, Joseph Smith ittraduċa annali antiki permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla. Dawn l-annali kien fihom “L-interazzjoni ta’ Alla mal-abitanti tal-qedem tal-Ameriki u fihom insibu l-milja tal-evanġelju ta’ dejjem.”

Meta kont għadni tifel żgħir, hekk kif kont naqra l-Ktieb ta’ Mormon, spiss kont nistaqsi għalfejn Laman u Lemwel ma emmnux il-veritajiet li ngħataw lilhom, anke meta dehrihom anġlu tal-Mulej u kellimhom wiċċ imb wiċċ. Għalfejn Laman u Lemwel ma kenux aktar umli u ubbidjenti għat-tagħlim ta’ missierhom, Leħi, u ta’ ħuhom iż-żgħir, Nefi?

Jien sibt waħda mit-tweġibiet għal din il-mistoqsija fl-1 Nefi, li tgħid li Nefi kien “imnikket minħabba l-ebusija ta’ qalbhom.” Nefi staqsa li ħutu akbar minnu, “Għalfejn din l-ebusija kollha f’qalbkom, u din l-għama kollha f’moħħkom?”

Xi jfisser li jkollok qalbek iebsa?

It-traduzzjoni bil-Korean ta’ “ebusija” fil-Ktieb ta’ Mormon hija 완악 (Wan-Aak: 頑惡). Din il-frażi tuża l-karattru Ċiniż “Wan” (頑), li tfisser “ras iebsa,” u “Aak” (惡), li tfisser “ħażin.” Meta nwebbsu qalbna, aħna nkunu għomja, u f’qalbna u f’moħħna ma nkunux nistgħu nirċievu ħwejjeġ tajbin. Aħna nsiru rasna iebsa u nibdew niffokaw aktar fuq ix-xewqat tad-dinja, u nagħlqu qalbna għall-ħwejjeġ ta’ Alla. Aħna nagħżlu li niffokaw biss fuq il-ħsibijiet tagħna waqt li ma naċċettawx l-opinjonijiet u l-gwida ta’ ħaddieħor. Aħna nagħżlu li ma niftħux qalbna għall-ħwejjeġ ta’ Alla iżda minflok niftħuha għall-ħwejjeġ tad-dinja u tal-avversarju. Meta qalbna titwebbes, aħna nirreżistu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Aħna nkunu “ tqal biex niftakru fil-Mulej,” u maż-żmien “nitilfu kull sentiment” għal kliemu.

Alma għallem lin-nies f’Għammonija li xi wħud “jagħżlu li jiċħdu l-Ispirtu ta’ Alla minħabba l-ebusija ta’ qalbhom.” Hu għallem ukoll li “dawk li jwebbsu qalbhom, lilhom jingħata l-iċken porzjon tal-kelma sakemm huma ma jibqgħu jafu xejn dwar il-misteri tiegħu.” Eventwalment, l-Ispirtu ma jibqax magħhom, u l-Mulej “jieħu l-kelma tiegħu” minn fost dawk li jwebbsu qalbhom, l-istess bħal Laman u Lemwel. Peress li Laman u Lemwel webbsu qalbhom kontinwament, irreżistew is-sentimenti tal-Ispirtu s-Santu, u għażlu li ma jaċċettawx il-kliem u t-tagħlim ta’ missierhom u ta’ Nefi, huma ultimament ma laqgħux il-veritajiet eterni mingħand Alla.

B’kuntrast għal Laman u Lemwel, Nefi umilja ruħu kontinwament, u fittex il-gwida mingħand l-Ispirtu tal-Mulej. Min-naħa tiegħu, il-Mulej rattab qalb Nefi. Nefi jgħidilna li hu għajjat lill-Mulej; “u araw huwa ġie jżurni, u rattabli qalbi tant li emmint il-kliem kollu li kien qal missieri.” Il-Mulej għen lil Nefi jaċċetta, jifhem, u jemmen il-misteri kollha u l-kliem kollu ta’ Alla. Nefi seta’ jkollu l-ħin kollu miegħu s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu.

X’nistgħu nagħmlu biex ma nwebbsux qalbna?

L-ewwel, nistgħu nipprattikaw l-indiema ta’ kuljum.

Is-Salvatur tagħna għallem, “Min jindem u jiġi għandi bħal tifel ċkejken, lilu jiena nilqa’ għandi.” Il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, għallem:

“L-indema hija s-sigriet biex navvanzaw. Il-fidi safja tgħinna nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt.

“Jekk jogħġobkom, tibżgħux tindmu jew iddumu ma tindmu. Satana jieħu gost bil-miżerja tagħkom. … Ibdew mil-lum esperjenzaw il-ferħ li tneħħu minn fuqkom il-bniedem naturali. Is-Salvatur iħobbna dejjem iżda speċjalment meta nindmu.”

Hekk kif nesperjenzaw l-hena li wieħed jesperjenza meta jrattab qalbu u jersaq lejn il-Mulej, aħna nsiru “bħat-tfal, sottomessi, ta’ qalb ħelwa, umli, kollhom sabar, mimlija mħabba, lesti jissottomettu ruħhom għal dak kollu li lest jgħabbihom bih il-Mulej, l-istess kif tifel ċkejken jissottometti ruħu għal missieru.”

It-tieni, nistgħu nipprattikaw l-umiltà.

L-indiema ta’ kuljum twassal biex ikollna l-umiltà f’qalbna. Jeħtieġ li aħna nsiru umli quddiem il-Mulej, bħal tifel ċkejken li jobdi lil missieru. Imbagħad aħna jkun jista’ jkollna magħna dejjem l-Ispirtu s-Santu, u qalbna tirtab.

Jien u marti, Sue, ilna nafu koppja mill-aktar meraviljuża għal dawn l-aħħar erba’ snin. Meta ltqajna magħhom għall-ewwel darba, ir-raġel kien membru ġdid tal-Knisja, u martu kienet qed tiltaqa’ mal-missjunarji biex tistudja l-evanġelju. Bosta missjunarji ltaqgħu magħha biex jgħinuha tersaq lejn Kristu. Aħna ħassejna li hija kellha testimonjanza mill-isbaħ tal-evanġelju u kienet taf li l-Knisja kienet vera. Hija spiss kienet tħoss l-Ispirtu waqt iż-żjarat tagħna u kienet tipparteċipa b’mod attiv fil-laqgħat kollha. Kienet tħobb tiltaqa’ mal-membri meraviljużi tal-qasam. Madankollu, bdiet issibha diffiċli tikkommeti ruħha li tidħol fl-ilmijiet tal-magħmudija. Darba waħda kienet qed taqra Moroni 7:43–44, li jgħid:

“U wkoll, araw jiena ngħidilkom li bniedem ma jistax ikollu l-fidi u t-tama, jekk l-ewwel huwa ma jkunx ta’ qalb ħelwa u umli.

“Għax inkella, il-fidi u t-tama tiegħu jkunu għal xejn, għax Alla jaċċetta għandu biss lil dawk ta’ qalbhom ħelwa u umli.”

Wara li qrat dawn il-versi, hija ntebħet x’kellha tagħmel. Hi kienet ħasbet li kienet fehmet it-tifsira ta’ li tkun ta’ qalb ħelwa u umli. Madankollu, l-għarfien tagħha ma kienx suffiċjenti biex hija jkollha l-fidi u t-tama biex tobdi l-kmandamenti ta’ Alla. Hija kellha tabbanduna r-ras iebsa tagħha u l-għerf tagħha. Hija bdiet tumilja ruħha permezz tal-indiema sinċiera. Hija bdiet tifhem x’inhi l-umiltà mill-perspettiva ta’ għajnejn Alla. Hija bdiet tafda f’Missierna fis-Smewwiet u talbet biex qalbha tirtab. Permezz ta’ dan it-talb, hija ħasset l-Ispirtu jixhed magħha li Missierna fis-Smewwiet riedha titgħammed.

Kemm ir-raġel kif ukoll martu qalu li aktar ma bdew isiru umli, aktar setgħu jifhmu kliem Alla, u qalbhom irtabet u kienet lesta biex timxi wara t-tagħlim ta’ Sidna, Ġesù Kristu.

It-tielet, aħna nistgħu nafdaw fis-Salvatur tagħna.

Nefi kien eżempju kbir ta’ bniedem li ħalla ’l qalbu tirtab billi wera l-fiduċja tiegħu f’Alla. Huwa għallem, “Jiena afdajt fik, u se nibqa’ nafda fik għal dejjem. Jiena minix se nafda fid-driegħ tal-laħam.” Bl-istess mod, f’rivelazzjoni mogħtija lill-Profeta Joseph Smith, il-Mulej qal, “Afda f’dak l-Ispirtu li jmexxik biex tagħmel is-sewwa—iva, biex tagħmel dak li hu ġust, biex tkun umli.” Meta nuru l-fiduċja fil-Mulej u nafdaw fih, Huwa jrattab qalbna, u jissapportjana fl-isfidi, fl-inkwiet u fl-hemm tagħna.

Jekk aħna nindmu b’mod sinċier, numiljaw ruħna, u nafdaw fil-Mulej, qalbna tirtab. Huwa mbagħad isawwab l-Ispirtu tiegħu fuqna u jurina l-misteri tas-smewwiet. Aħna mbagħad nemmnu l-kliem kollu li Hu għallimna, u l-għarfien tagħna jikber.

Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu kien l-akbar eżempju tal-umiltà. F’ 2 Nefi 31:7, naqraw, “Hu wera lil ulied il-bnedmin li, skont il-ġisem huwa ċekken lilu nnifsu quddiem il-Missier, u wera lill-Missier li hu kien se jkun ubbidjenti lejh fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħu.” Minkejja li kien qaddis u perfett, Huwa umilja ruħu quddiem il-Missier u kien ubbidjenti lejh billi tgħammed.

Fi tmiem il-ħajja mortali tiegħu, Ġesù Kristu ssottometta r-rieda tiegħu lejn Missieru billi xorob mill-kalċi morr. Din it-tbatija wasslet biex Hu “jitriegħed minħabba l-uġigħ, u jxerred demmu mill-pori kollha tiegħu u jsofri kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu.” Is-Salvatur talab“ jekk setax ma jixrobx mill-kalċi, u jitbiegħed minnu.” “Madankollu,” Huwa qal “glorja lill-Missier, u Huwa xorob u temm it-tħejjija tiegħu għal ulied il-bnedmin.”

Ħuti, aħna ngħatajna l-volontà morali. Aħna nistgħu nagħżlu jekk inwebbsux qalbna jew jekk inrattbux qalbna. Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna nistgħu nagħżlu li nagħmlu dawk il-ħwejjeġ li jistiednu l-Ispirtu tal-Mulej biex jiġi u jgħammar f’qalbna. Jien naf li f’dawn l-għażliet, aħna nsibu l-paċi u l-hena.

Ejjew nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li mexa skont ir-rieda tal-Missier. Hekk kif nagħmlu dan, il-Mulej wegħedna, “Għax ara, jiena niġborhom flimkien bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha, jekk huma ma jwebbsux qalbhom.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.