Il-Pjan ta’ Ħniena
Il-Mulej ħanin u l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet huwa tabilħaqq pjan ta’ ħniena.
Stedina ta’ Profeta
F’April tas-sena l-oħra, ftit wara l-aħbar ta’ ferħ li l-Knisja rnexxielha tikseb it-Tempju ta’ Kirtland, il-President Russell M. Nelson stedinna biex nistudjaw it-talba dedikatorja tat-Tempju ta’ Kirtland, kif insibuha f’ sezzjoni 109 tad-Duttrina u Patti. It-talba dedikatorja, qal il-President Nelson, “hija lezzjoni dwar kif it-tempju jqawwi spiritwalment lilkom u lili biex niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja f’dawn l-aħħar żminijiet.”
Jiena ċert li l-istudju tagħkom ta’ sezzjoni 109 raddilkom ċerti ideat li berkukom. Illejla, jien se naqsam magħkom ftit ħwejjeġ li jien tgħallimt hekk kif ilqajt l-istedina tal-profeta tagħna. It-triq li mlietni bil-paċi li wassalni fiha l-istudju tiegħi fakkritni li l-Mulej huwa ħanin u li l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet huwa tabilħaqq pjan ta’ ħniena.
Missjunarji li Għadhom Kemm Ġew Imsejħin Iservu fit-Tempju
Kif forsi tafu, “dawk li għadhom kemm ġew imsejħin bħala missjunarji huma mħeġġa biex jirċievu d-dota tat-tempju kemm jista’ jkun malajr u għandhom jattendu t-tempju ta’ spiss kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi.” Ladarba jkunu ddotati, huma jistgħu wkoll “iservu bħala ħaddiema … tat-tempju qabel jibdew is-servizz missjunarju tagħhom.”
Il-ħin li l-missjunarji ġodda jgħaddu fit-tempju qabel ma jidħlu fiċ-Ċentru għat-Taħriġ Missjunarju jaf ikun ta’ barka għalihom hekk kif huma jitgħallmu aktar dwar il-patti tat-tempju qabel ma huma jaqsmu l-barkiet ta’ dawk il-patti mad-dinja.
Iżda meta kont qed nistudja sezzjoni 109, tgħallimt li, fit-tempju, Alla jqawwi lill-missjunarji ġodda—u fil-fatt, lilna lkoll—b’mod aktar sagru. Fit-talba dedikatorja, mogħtija permezz tar-rivelazzjoni, il-Profeta Joseph Smith talab li “meta l-qaddejja tiegħek joħorġu ’l barra minn darek … biex jagħtu xhieda ta’ ismek,” “il-qlub” “tan-nies kollha jirtabu”—kemm “tal-kbarat tad-dinja” kif ukoll “tal-foqra, ta’ dawk li huma fil-bżonn, u tal-magħkusa kollha.” Huwa talab li “l-verità tieħu post il-preġudizzji tagħhom, u l-poplu tiegħek ikun jista’ jikseb il-fiduċja ta’ kulħadd; biex truf l-art ikunu jafu li aħna, l-qaddejja tiegħek, smajna leħnek, u li kont int li bgħattna.”
Din hija wegħda sabiħa għall-missjunarji li għandhom kemm ġew imsejħa—li post il-preġudizzji “tieħdu l-verità,” biex “ikunu jistgħu jiksbu l-fiduċja ta’ kulħadd,” u biex id-dinja tkun taf li huma ġew mibgħuta mill-Mulej. Ilkoll kemm aħna żgur li neħtieġu dawn l-istess barkiet. Kemm tkun barka kbira li l-qlub jirtabu hekk kif aħna ninteraġixxu mal-ġirien u mal-ħaddiema sħabna It-talba dedikatorja ma tispjegax eżatt kif il-ħin tagħna fit-tempju sejjer irattab qlub ħaddieħor, iżda jiena konvint li huwa marbut ma’ kif il-ħin tagħna fid-dar tal-Mulej irattab qalbna billi niffokaw fuq Ġesù Kristu u l-ħniena tiegħu.
Il-Mulej Jisma’ t-Talba ta’ Joseph Smith għall-Ħniena
Hekk kif bdejt nistudja t-talba dedikatorja ta’ Kirtland, laqatni wkoll li Joseph talab u reġa’ talab għall-ħniena—għall-membri tal-Knisja, għall-għedewwa tal-Knisja, għall-mexxejja tal-pajjiż, għall-ġnus tad-dinja. U b’mod mill-aktar personali, huwa talab lill-Mulej biex jiftakar fih u jkollu ħniena mill-għażiża tiegħu Emma u minn uliedhom.
Min jaf kif ħassu Joseph meta, ġimgħa wara, f’Jum il-Għid, nhar it-3 ta’ April, 1836, ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland, is-Salvatur deher lilu u lil Oliver Cowdery u, kif insibu f’ sezzjoni 110 tad-Duttrina u Patti, qal, “Jiena aċċettajt din id-dar, u ismi se jkun hawn; u jien se nuri lili nnifsi fil-ħniena lill-poplu tiegħi f’din id-dar.” Din il-wegħda ta’ ħniena żgur li kellha tifsira speċjali għal Joseph. U kif għallimna l-President Nelson April li għadda, din il-wegħda “tapplika wkoll għal kull tempju ddedikat illum.”
Insibu l-Ħniena fid-Dar tal-Mulej
Hemm bosta modi kif nistgħu lkoll nsibu l-ħniena fid-dar tal-Mulej. Dan ilu minnu minn meta l-Mulej ordna għall-ewwel draba lil Iżrael biex jibnu tabernaklu u jpoġġu f’nofsu “t-tron tal-ħniena.” Fit-tempju, insibu l-ħniena fil-patti li nagħmlu. Dawk il-patti, minbarra l-patt tal-magħmudija, jorbtuna mal-Missier u l-Iben u jagħtuna aċċess akbar għal dik li l-President Nelson għallem li hija “tip speċjali ta’ mħabba u ħniena … li tissejjaħ hesed” bl-Ebrajk.
Aħna nsibu l-ħniena fl-opportunità li niġu ssiġillati mal-familji tagħna għal dejjem. Fit-tempju, aħna naslu biex nifhmu wkoll b’ċarezza akbar li l-Ħolqien, il-Waqgħa, is-sagrifiċċju espjatorju tas-Salvatur, u l-abbiltà tagħna li nerġgħu nidħlu fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet—fil-fatt, kull parti mill-pjan tas-salvazzjoni—hija turija ta’ ħniena. Nistgħu ngħidu li l-pjan tas-salvazzjoni huwa pjan ta’ ferħ preċiżament għaliex huwa “pjan ta’ ħniena.”
Li Nfittxu l-Maħfra Jiftħilna l-Bieb għall-Ispirtu s-Santu
Jiena grat għall-wegħda sabiħa li nisbu f’ sezzjoni 110 li l-Mulej sejjer juri lilu nnifsu bi ħniena fit-tempji tiegħu. Jiena grat ukoll għal dak li hu żvelat dwar kif il-Mulej sejjer juri lilu nnifsu bi ħniena kull meta aħna, bħal Joseph, nitoluh għall-ħniena.
It-talba ta’ Joseph Smith għall-ħniena f’sezzjoni 109 ma kenitx l-ewwel darba li t-talba tiegħu għall-ħniena waslet għal rivelazzjoni. Fil-Masġar Sagru, it-tfajjel Joseph talab mhux biss biex ikun jaf liema Knisja kienet vera, iżda huwa qal ukoll li huwa “talab lill-Mulej għall-ħniena, għax ma kien hemm ħadd aktar fuq min indur biex nikseb il-ħniena.” Madankollu, ir-rikonoxximent tiegħu li hu kien jeħtieġ il-ħniena li l-Mulej biss seta’ jipprovdi wassal biex jinfetħu bwieb is-smewwiet. Tliet snin wara, deher l-anġlu Moroni, wara dik li Joseph qal li kienet “it-talba u s-supplika tiegħu lill-Alla li Jista’ Kollox biex jaħfirlu dnubietu kif ukoll il-bluhat tiegħu.”
Dan il-mod ta’ rivelazzjoni wara talba għall-ħniena huwa wieħed familjari fl-iskrittura. Enos sema’ leħen il-Mulej biss wara li talab għall-maħfra. Il-konverżjoni ta’ missier is-Sultan Lamoni bdiet bit-talba tiegħu, “Jiena nabbanduna dnubieti kollha biex insir nafek.” Aħna nafu ma nkunux imberkin b’esperjenzi drammatiċi bħal dawn, iżda għal dawk li xi kultant isibuha diffiċli jagħrfu t-tweġiba għat-talba tagħhom, li nfittxu l-ħniena tal-Mulej hija waħda mill-aktar modi qawwija kif nistgħu nagħrfu x-xhieda tal-Ispirtu s-Santu.
Li Nixtarru dwar il-Ħniena ta’ Alla Jiftħilna Bieb biex Ikollna Testimonjanza tal-Ktieb ta’ Mormon
Prinċipju simili huwa mgħallem b’mod sabiħ f’ Moroni 10:3–5. Aħna spiss nissimplifikaw dawn il-versi u ngħallmu li, permezz tat-talb sinċier, aħna nistgħu nkunu nafu jekk il-Ktieb ta’ Mormon huwiex veru. Iżda din is-simplifikazzjoni tista’ tnaqqas mill-irwol importanti tal-ħniena. Isimgħu kif Moroni beda t-twissija tiegħu: “Jiena nħeġġiġkom biex meta intom taqraw dawn il-ħwejjeġ, … tiftakru kemm kien ħanin il-Mulej ma’ wlied il-bnedmin, sa mill-ħolqien ta’ Adam sewwasew saż-żmien li fih intom tirċievu dawn il-ħwejjeġ, u araw li tixtarru dan f’qalbkom.”
Moroni jħeġġiġna mhux biss biex naqraw dawn il-ħwejjeġ—l-annali li kien wasal biex jissiġilla—iżda wkoll biex nixtarru f’qalbna dak li l-Ktieb ta’ Mormon jiżvela dwar “kemm kien ħanin il-Mulej ma’ wlied il-bnedmin.” Huwa li aħna nixtarru dwar il-ħniena tal-Mulej li jħejjina biex “nistaqsu ’l Alla, il-Missier Etern, f’isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera.”
Hekk kif nixtarru dwar il-Ktieb ta’ Mormon, nafu nistaqsu: Huwa minnu, kif għallem Alma, li l-pjan ta’ ħniena ta’ Alla jassigura li kull persuna li qatt twieldet fuq din l-art sejra tqum u li huma se “jiġu rrestawrati … għall-qafas perfett tagħhom”? Sewwa qal Amuleki—li l-ħniena tas-Salvatur sejra tissodisfa d-domanda kollha mill-aktar morra tal-ġustizzja li aħna kieku konna nkunu obbligati li nħallsuha u minflok sejra “[ddawwarna] f’dirgħajn is-sigurtà”?
Huwa minnu, kif xehed Alma, li Kristu bata mhux biss għal dnubietna iżda wkoll għall-“uġigħ u t-tbatija” ħalli huwa jkun “jaf … kif jista’ jgħin lill-poplu tiegħu skont id-dgħufijiet tagħhom”? Il-Mulej tassew li hu daqstant ħanin, kif għallem is-Sultan Benjamin, li, bħala rigal bla ħlas, Huwa patta “għad-dnubiet ta’ dawk … li mietu mingħajr ma kienu jafu r-rieda ta’ Alla għalihom, jew li waqgħu fid-dnub bla ma kienu jafu”?
Huwa veru, kif qal Leħi, li “Adam waqa’ biex jiġu fis-seħħ il-bnedmin; u l-bnedmin ġew fis-seħħ, biex ikunu jistgħu jgawdu l-hena”? Huwa tassew, kif xehed Abinadi, waqt li kkwota lil Isaija, li Ġesù Kristu kien “miġruħ minħabba t-trasgressjonijiet tagħna, misħuq minħabba fi ħżunitna; għas-sliem tagħna waqa’ l-kastig fuqu; u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna”?
Fuq kollox, il-pjan tal-Missier kif mgħallem fil-Ktieb ta’ Mormon tassew li huwa daqstant ħanin? Jiena nixhed li hekk hu u li t-tagħlim ta’ ħniena li jġibilna l-paċi u t-tama li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon huwa veru.
Xorta waħda, nimmaġina li xi wħud tafu qed issibuha diffiċli, minkejja l-qari u t-talb fidi tagħkom, tagħrfu l-wegħda ta’ Moroni li Missierna fis-Smewwiet “sejjer jurikom il-verità kollha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.” Jien naf xi tfisser din it-taqbida għax jien ħassejtha, ħafna snin ilu, meta fl-ewwel attentati tiegħi biex naqra l-Ktieb ta’ Mormon ma tawniex tweġiba immedjata u ċara għat-talb tiegħi.
Jekk qed issibuha diffiċli, tilqgħu l-istedina tiegħi li timxu wara l-parir ta’ Moroni u tixtarru dwar il-bosta modi kif il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem “kemm kien ħanin il-Mulej ma’ wlied il-bnedmin”? Mill-esperjenza tiegħi, nittama li, meta tagħmlu dan, il-paċi tal-Ispirtu s-Santu tkun tista’ tidħol f’qalbkom u intom tkunu tistgħu ssiru tafu, temmnu, u tħossu li l-Ktieb ta’ Mormon u l-pjan ta’ ħniena li jgħallem huma vera.
Jien nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-pjan kbir ta’ ħniena tal-Missier u għar-rieda tas-Salvatur li jġibu fis-seħħ. Jiena naf li Huwa sejjer juri lilu nnifsu bi ħniena fit-tempju mqaddes tiegħu u f’kull parti ta’ ħajjitna jekk aħna nfittxuh. F’isem Ġesù Kristu, ammen.