Konferenza Ġenerali
Għajnuna Divina għall-Mortalità
Konferenza ġenerali April 2025


Għajnuna Divina għall-Mortalità

Il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet jipprovdilna għajnuniet biex jiggwidana tul il-vjaġġi mortali tagħna.

I.

Permezz tal-profeta Joseph Smith, il-Mulej żvela xi ħwejjeġ dwar il-ħajja primortali tagħna. Hemmhekk, aħna konna neżistu bħala wlied spirti ta’ Alla. Peress li Alla xtaq jgħin lil uliedu javvanzaw, Huwa ddeċieda li joħloq dinja li fuqha aħna nistgħu nirċievu ġisem, nitgħallmu permezz tal-esperjenza, niżviluppaw kwalitajiet divini, u niġu ppruvati li naraw jekk aħna konniex se nżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Dawk li kkwalifikaw kellhom “glorja miżjuda fuq rashom għal dejjem” (Abraham 3:26).

Biex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ dan il-pjan divin, Alla għażel lill-Uniku Iben Imnissel Tiegħu biex ikun is-Salvatur tagħna. Luċifru, li l-alternattiva suġġerita tiegħu kienet teqred il-volontà tal-bniedem, sar Satana u ġie “mwaddab.” Imwarrab fid-dinja u mċaħħad il-privileġġ tal-ħajja mortali, Satana ngħata ċ-ċans jipprova “iqarraq u jagħmi lill-bnedmin, u jmexxihom mjassra taħt ir-rieda tiegħu, anke dawk li ma ridux jisimgħu leħen [Alla]” (Moses 4:4).

Kien essenzjali għall-pjan kbir ta’ Alla kien li, biex uliedu jikbru fil-mortalità, huma għandhom jesperjenzaw “oppożizzjoni f’kollox” (2 Nephi 2:11). L-istess kif il-muskoli fiżiċi tal-bniedem ma jistgħux jiġu żviluppati jew mantnuti mingħajr ma jitqabdu kontra l-liġi tal-gravità, it-tkabbir mortali jeħtieġ li aħna nitħabtu kontra t-tentazzjonijiet u oppożizzjoni mortali oħra. L-iktar ħaġa importanti għat-tkabbir spiritwali hija l-ħtieġa li wieħed jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dawk li jagħżlu t-tajjeb javvanzaw lejn id-destin etern tagħhom. Dawk li jagħżlu l-ħażen—kif kellhom jagħmlu il-bnedmin kollha fid-diversi tiġrib tal-mortalità—kellhom jeħtieġu l-għajnuna li ssalva, li Alla kollu mħabba ħaseb li jipprovdi.

II.

Mingħar l-iċken dubju, l-akbar għajnuna mortali ta’ Alla kienet l-għoti tiegħu ta’ Salvatur, Ġesù Kristu, li kellu jsofri biex iħallas il-prezz u jipprovdi l-maħfra għal dnubiet niedma. Dik l-Espjazzjoni ħanina u glorjuża tispjega għalfejn il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu hija l-ewwel prinċipju tal-evanġelju. L-Espjazzjoni tiegħu “iġġib fis-seħħ il-qawmien mill-imwiet” (Alma 42:23) u “tpatti għad-dnubiet tad-dinja” (Alma 34:8), billi tħassar id-dnubiet niedma kollha tagħna u tagħti lis-Salvatur tagħna l-qawwa li jgħinna fis-sofferenza mortali tagħna.

Is-Salvatur Ġesù Kristu.

Lil hinn minn li jħassar b’mod glorjuż id-dnubiet li aħna wettaqna u li nkunu maħfura, il-pjan ta’ Missier li tant iħobbna jipprovdilna bosta rigali oħra li jipproteġuna, inkluż li jipproteġuna mit-twettiq tad-dnub fl-ewwel post. Il-ħajja mortali tagħna dejjem ttibda b’missier u b’omm. Idealment, it-tnejn li huma huma preżenti b’għotjiet differenti biex jiggwidaw it-tkabbir tagħna. Jekk le, in-nuqqas tagħhom huwa parti mill-oppożizzjoni li għandna negħlbu.

III.

Il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet jipprovdilna tipi ta’ għajnuna oħra biex jiggwidana tul il-vjaġġ mortali tagħna. Se nitkellem dwar erbgħa minn dawn. Jekk jogħġobkom kunu flessibbli dwar in-mumru erbgħa li rreferjt għalih, għaliex dawn it-tipi ta’ għajnuna għandhom ħafna x’jaqmu ma’ xulxin. Barra minn hekk, hemm ukoll protezzjonijiet oħra ta’ ħniena apparti dawn.

L-ewwel, jiena nitkellem dwar id-Dawl jew l-Ispirtu ta’ Kristu. Fit-tagħlim il-kbir tiegħu fil-ktieb ta’ Moroni, Moroni jikkwota lil missieru li “l‑Ispirtu ta’ Kristu jingħata lil kull bniedem, sabiex huwa jkun jista’ jagħraf it‑tajjeb mill‑ħażin” (Moroni 7:16). Naqraw dan l-istess tagħlim fir-rivelazzjonijiet moderni:

“U l-Ispirtu jagħti d-dawl lil kull bniedem li jiġi fid-dinja; u l-Ispirtu jfakkar lil kull bniedem madwar id-dinja, li jisma’ leħen l-Ispirtu” (Doctrine and Covenants 84:46).

“Għax l-Ispirtu tiegħi jintbagħat fid-dinja biex idawwal l-umli n-niedem, u biex jikkundanna lil min hu kontra Alla” (Doctrine and Covenants 136:33).

Il-President Joseph Fielding Smith spjega dawn l-iskritturi: “Il-Mulej ma ħalliex lill-bnedmin (meta huma jitwieldu fid-dinja) għal rashom, jitmiegħku biex isibu d-dawl u l-verità, iżda kull bniedem … jitwieled bid-dritt li jirċievi l-gwida, l-istruzzjoni, u l-kunsill tal-Ispirtu ta’ Kristu, jew Dawl il-Verità.”

L-Istudju tal-Iskrittura

It-tieni assistenza kbira li pprovdielna l-Mulej biex jgħinna nagħżlu x’inhu tajjeb huma raggruppament ta’ direzzjonijiet divini fl-iskrittura bħala parti mill-pjan tas-salvazzjoni (pjan ta’ ferħ). Dawn huma kmandamenti, ordinanzi, u patti.

Il-kmandamenti jiddefinixxu t-triq li Missierna fis-Smewwiet tana biex navvanzaw lejn il-ħajja eterna. In-nies li jimmaġinaw il-kmandamenti bħala l-mod kif Alla jiddeċiedi lil min se jagħti kastig ikunu qed jonqsu milli jifhmu dan l-għan tal-pjan ta’ ferħ kollu mħabba ta’ Alla. F’dik it-triq, aħna gradwalment niksbu r-relazzjoni meħtieġa mas-Salvatur tagħna u nikkwalifikaw għal żieda fil-qawwa Tiegħu li tgħinna fi triqitna lejn id-destinazzjoni li Alla jixtieq għalina lkoll. Missierna fis-Smewwiet jixtieq li wliedu kollha jerġgħu lura fis-saltna ċelestjali, fejn jgħix Alla u s-Salvatur tagħna, u jkollhom it-tip ta’ ħajja ta’ dawk li joqogħdu f’dik il-glorja ċelestjali.

L-ordinanzi u l-patti huma parti mil-liġi li tiddefinixxi t-triq għall-ħajja eterna. L-ordinanzi, u l-patti sagri li nagħmlu ma’ Alla permezz tagħhom, huma l-passi meħtieġa u l-gwardjani essenzjali tul it-triq. Inħobb naħseb dwar l-irwol tal-patti bħala dak li juri li, taħt il-pjan ta’ Alla, l-ogħla barkiet tiegħu jingħataw lil dawk li jwiegħdu minn qabel li jżommu ċerti kmandamenti u li jżommu dawk il-wegħdiet.

Għajnuniet oħra mogħtija minn Alla biex nagħmlu l-aħjar għażliet huma l-manifestazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu huwa t-tielet membru tad-Divinità. Il-funzjoni tiegħu, imfissra fl-iskrittura, hi li jixhed dwar il-Missier u l-Iben, li jgħallimna, li jfakkarna kollox, u jiggwidana fil-verità kollha. L-iskrittura tinkludi bosta rakkonti tal-manifestazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu, bħal xhud spiritwali bi tweġiba għal inkjesta dwar il-verità tal-Ktieb ta’ Mormon. Manifestazzjoni m’għandhiex tiġi konfuża mad-don tal-Ispirtu s-Santu, li jingħata wara l-magħmudija.

Wieħed mill-aktar għajnuniet sinifikanti ta’ Alla lill-ulied fidili Tiegħu huwa d-don tal-Ispirtu s-Santu. L-importanza ta’ dan id-don hija evidenti fil-fatt li huwa formalment mogħti permezz tal-indiema u l-magħmudija permezz tal-ilma, “u mbagħad [l-iskrittura tispjega] tasal ilmaħfra ta’ dnubietek permezz tan-nar u permezz tal-Ispirtu s-Santu” (2 Nefi 31:17). Dawk il-persuni li għandhom din il-maħfra tad-dnubiet—u mbagħad regolarment iġeddu t-tindif tagħhom permezz tal-indiema u l-għixien tagħhom kuljum skont il-patt li huma jagħmlu permezz tal-ordinanza tas-sagrament—jikkwalifikaw għall-wegħda li l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-Mulej, “jista’ dejjem … ikun magħhom” (Doctrine and Covenants 20:77).

Il-President Joseph<nb/>F. Smith

Għaldaqstant, il-President Joseph F. Smith għallem lil l-Ispirtu s-Santu “idawwal moħħ il-poplu fir-rigward tal-ħwejjeġ ta’ Alla, biex jikkonvinċihom fi żmien il-konverżjoni tagħhom li għamlu r-rieda tal-Missier, u li jkun fihom bħala testimonjanza dejjiema bħala s-sieħeb tul il-ħajja, filwaqt li jaġixxi bħala l-gwida ċerta u sigura fil-verità kollha u jimliehomm jum wara jum bil-ferħ u l-glorja, b’dispożizzjoni li jagħmlu t-tajjeb lill-bnedmin kollha, li jsofru ħażin minflok ma jagħmlu l-ħażin, li jkunu twajbin u ħenjin, lesti jsofru fit-tul u karitabbli. Dawk kollha li jippossedu dan id-don inestimabbli, dan il-ġawhra li tiswa ħafna, għandhom għatx kontinwament wara s-sewwa. Mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu l-ebda bniedem mortali ma jista’ jimxi fit-triq dritta u dejqa.”

IV.

B’tant għajnuna qawwija biex tiggwidana fil-vjaġġ mortali tagħna, huwa ta’ diżappunt li ħafna jibqgħu mhux imħejjija għal-laqgħa maħtura tagħhom mas-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu. Il-parabbola tal-għaxar verġni, li spiss ssemmiet f’din il-konferenza, tissuġġerixxi li minn dawk li huma mistednin jiltaqgħu miegħu, nofshom biss se jkunu mħejjija.

L-għaxar verġni.

Aħna lkoll nafu dwar eżempji ta’ nies mhux imħejjija: missjunarji li tilfu t-tkabbir spiritwali tagħhom minħabba perjodi ta’ inattività, żgħażagħ li pperikolaw it-tkabbir spiritwali tagħhom billi ma ħadux sehem fit-tagħlim u fl-attivitajiet tal-Knisja, irġiel li pposponew l-ordinazzjoni tagħhom għas-Saċerdozju ta’ Melkisedek, irġiel u nisa—xi kultant il-posterità ta’ pijunieri nobbli jew ġenituri denji—li telqu mit-triq tal-patt għax ma jagħmlux, u lanqas iżommu, il-patti fit-tempju mqaddes.

Talb personali.

Ħafna minn dawn id-devjazzjonijiet iseħħu meta l-membri jonqsu milli jimxu wara l-pjan fundamentali tal-manutenzjoni spiritwali tat-talb personali, l-istudju regolari tal-iskrittura, u l-indiema frekwenti. Xi wħud jittraskuraw it-tiġdid ta’ kull ġimgħa tal-patti billi ma jeħdux sehem fis-sagrament. Xi wħud jgħidu li l-Knisja mhijiex qed tilħaq il-bżonnijiet tagħhom, billi jissostitwixxi dak li huma jħarsu lejhom bħala l-bżonnijiet futuri tagħhom qabel dak li l-Mulej ipprovda fil-ħafna tagħlim u opportunitajiet tiegħu għas-servizz essenzjali tagħna lejn ħaddieħor.

L-umiltà u l-fiduċja fil-Mulej huma r-rimedji għal dawn id-devjazzjonijiet. Kif jgħallem il-Ktieb ta’ Mormon, il-Mulej “ibierek u jwiegħed lil dawk li jafdaw fih” (Ħelaman 12:1). Li nafdaw fil-Mulej hija ħtieġa partikolari għal dawk kollha li jqisu l-kmandamenti ta’ Alla u t-tagħlim tal-profeti Tiegħu quddiem l-aħħar sejbiet u għerf tal-bniedem.

Jien tkellimt dwar il-bosta għajnuniet mortali li Missierna fis-Smewwiet ta biex jgħin lil uliedu jirritornaw għandu. Is-sehem tagħna f’dan il-pjan divin huwa li nafdaw f’Alla u nfittxu u nużaw dawn l-għajnuniet divini, l-iktar notevolment l-Espjazzjoni ta’ Ibnu l-Maħbub, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu. Nitlob li aħna ngħallmu u ngħixu dawn il-prinċipji, f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Abraham 3:22.

  2. Ara Abram 3:24–25.

  3. Ara Moses 4:1–4.

  4. Ara 2 Nefi 2:11, 15–16.

  5. Ara Alma 7:11–14.

  6. Joseph Fielding Smith, Doctrines of Salvation, comp. Bruce R. McConkie (1954), 1:51. President Smith iżid li dan id-dawl huwa l-qawwa ta’ Alla, “li huwa fil-ħwejjeġ kollha” (Doctrine and Covenants 88:13; ara Doctrines of Salvation, 1:52).

  7. Ara Ġwanni 14:26; 16:13; 2 Nefi 31:18.

  8. Ara Moroni 10:4, 8;ara wkoll 2 Nefi 26:13; Doctrine and Covenants 18:18; u 1 Korintin 12:7.

  9. Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith (1998), 70.

  10. Ara Mattew 25:1–2.