Kunfidenti fil-Preżenza ta’ Alla
Hekk kif aħna nfittxu bil-ħrara li nħallu l-karità u l-virtù jimlew ħajjitna, il-kunfidenza tagħna biex nersqu quddiem Alla tikber.
Għeżież ħuti, jiena ninsab grat li sejjer inkellimkom illum, f’din il-konferenza ġenerali importanti. Għajnejja qed ikomplu jixjieħu. Nirringrazzjakom għat-tolleranza tagħkom waqt li nwassal il-messaġġ tiegħi.
Aħna ninsabu ngħixu fi żmien mill-aktar sinifikanti għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Inħossni nimtela bil-hena hekk kif nara kemm qed navvanzaw f’bosta oqsma.
Jiena nispira ruħi l-aktar biż-żgħażagħ tagħna. Huma bosta fosthom li qed jagħtu servizz. Huma qed ifittxu lill-antenati tagħhom u jwettqu ordinanzi fit-tempju. Il-ġuvintur u t-tfajliet tagħna qed jissottomettu l-applikazzjonijiet għas-servizz missjunarju f’numru li qatt ma rajna bħalu. Din il-ġenerazzjoni li tielgħa qed titla’ bħala dixxipli tal-azzar ta’ Ġesù Kristu.
M’ilux jiena ltqajt ma’ pro-neputija ġdida. Meta jien nikkontempla dwar l-isfidi li hija għad tesperjenza f’ħajjitha, inħoss fija xewqa kbir li ngħinha tibni l-fidi tagħha f’Ġesù Kristu. Li hi tgħix l-evanġelju tiegħu hija ħaġa essenzjali għall-ferħ tagħha fil-futur.
Hi, bħal kull wieħed u waħda minna, sejra tiffaċċja ċerti sfidi. Aħna lkoll se nesperjenzaw il-mard, id-diżappunt, it-tentazzjoni, u t-telfien. Dawn l-isfidi jistgħu jkissru l-awtostima tagħna. Madankollu, id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu għandhom aċċess għal tip differenti ta’ kunfidenza.
Meta nagħmlu u nħarsu l-patti tagħna ma’ Alla, aħna jista’ jkollna kunfidenza li hija frott l-Ispirtu. Il-Mulej qal lill-Profeta Joseph Smith li l-kunfidenza tagħna tista’ “tkun kbira fil-preżenza ta’ Alla.” Immaġinaw il-faraġ li nħossu jekk ikollna l-kunfidenza fil-preżenza ta’ Alla!
Meta ngħid li jkollna l-kunfidenza quddiem Alla, jien qed nirreferi għal kif aħna nistgħu nersqu lejn Alla b’kunfidenza issa stess! Jien qed nirreferi għal kif aħna nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet, kunfidenti li sejjer jismagħna, għal kif Huwa jifhem il-bżonnijiet tagħna aktar milli nifhmuhom aħna stess. Jien qed nirreferi għal kif aħna nkunu kunfidenti li Huwa jħobbna aktar milli aħna qatt nistgħu nifhmu, għal kif Huwa jibgħat l-anġli biex ikunu magħna u ma’ dawk li nħobbu. Jien qed nirreferi għal kif aħna nkunu kunfidenti li Hu jixtieq jgħin lil kull wieħed u waħda minna nilħqu l-akbar potenzjal tagħna.
Issa, kif nistgħu niksbu din il-kunfidenza? Il-Mulej iwieġeb din il-mistoqsija permezz ta’ dan il-kliem: “Araw li qalbkom … tkun mimlija karità lejn il-bnedmin kollha, … u ħallu ħsibijietkom jiġu ddominati mill-virtù kontinwament; imbagħad intom timtlew b’kunfidenza kbira quddiem Alla.”
Dan hu s-sigriet! Skont kliem il-Mulej stess, il-karità u l-virtù jiftħu t-triq biex aħna nkunu kunfidenti quddiem Alla! Ħuti, aħna nistgħu nagħmlu dan! Il-kunfidenza tagħna verament tikber fil-preżenza ta’ Alla, issa stess!
Ejjew inħarsu kemm lejn il-karità kif ukoll il-virtù.
L-ewwel, il-karità. Sentejn ilu, jien sejjaħt lilna lkoll, bħala dixxipli tal-patt ta’ Ġesù Kristu, biex inkunu nies li nġibu l-paċi. Nerġa’ ntenni dak li għidt dakinhar: “Ir-rabja qatt ma twassal għall-persważjoni. L-ostilità ma ttejjeb lil ħadd. It-tilwim qatt ma jwassal għal soluzzjonijiet ispirati.”
Il-karità vera lejn kulħadd hija l-karatteristika ewlenija tan-nies li nġibu l-paċi! Hija ħaġa mill-aktar importanti li aħna nuru l-karità f’diskorsna, kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat. Nirringrazzja lil dawk fostkom li laqgħu fil-fond ta’ qalbhom il-parir tiegħi. Iżda xorta waħda nistgħu nagħmlu aktar.
L-ostilità li hawn bħalissa fid-diskors pubbliku u fuq il-midja soċjali hi xi ħaġa allarmanti. Il-kliem ta’ mibegħda huwa arma mill-aktar qerrieda. It-tilwim iżomm l-Ispirtu s-Santu milli jkun is-sieħeb kostanti tagħna.
Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna għandna mmexxu bl-eżempju bħala nies li nġibu l-paċi. Hekk kif il-karità ssir parti min-natura tagħna, aħna ma jkollniex aktar l-impuls li nċekknu lil ħaddieħor. Aħna ma nkomplux niġġudikaw lil ħaddieħor. Aħna nibdew nuru karità ma’ dawk li ġejjin minn oqsma oħra tal-ħajja. Il-karità lejn kulħadd hia xi ħaġa essenzjali għall-progress tagħna. Il-karità hija s-sisien ta’ karattru pjetuż.
Ejjew nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet biex jimla qalbna b’aktar karità—speċjalment għal dawk li huma diffiċli li nħobbuhom—għax il-karità hija don li Missierna fis-Smewwiet ta lill-veri dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Is-Salvatur huwa l-Prinċep tal-Paċi. Aħna jeħtieġ li nkunu l-istrumenti tiegħu għall-paċi.
Issa, ejja nitkellmu dwar il-virtù. Il-Mulej jgħidilna biex insebbħu ħsibijiet bla waqfien bil-virtù. Immaġinaw xi spinta tirċievu, meta kull ħsieb pożittiv issebbħuh bil-virtù. Il-virtù twassal biex kollox isir aħjar u aktar feliċi! Mill-banda l-oħra, immaġinaw x’jiġri, meta żżid il-virtù ma’ xi ħsieb impur, ma’ xi ħsieb kiefer, jew ma’ xi ħsieb dipressanti. Il-virtù tkeċċi dawk il-ħsibijiet. Il-virtù teħliskom mill-ħsibijiet dipressanti u nkwetanti.
Ħuti, hekk kif id-dinja tikber aktar fil-ħażen, jeħtieġ li aħna nikbru aktar fis-safa. Il-ħsibijiet, il-kliem, u l-għemejjel tagħna jeħtieġ li jkunu l-ħin kollu virtużi, u mimlijin bl-imħabba safja ta’ Ġesù Kristu lejn kulħadd. L-opportunità kbira li aħna lkoll għandna hi li nsiru t-tip ta’ nies li Alla jridna nkunu.
Il-qima regolari fid-dar tal-Mulej tkabbar il-kapaċità tagħna kemm fejn tidħol il-virtù kif ukoll il-karità. B’hekk, il-ħin tagħna fit-tempju jkabbar il-kunfidenza tagħna quddiem il-Mulej. Il-ħin li ngħaddu aktar fit-tempju jgħinna nitħejjew għat-Tieni Miġja tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Aħna ma nafux il-jum jew is-siegħa tal-miġja tiegħu. Iżda jiena naf li l-Mulej iridni nħeġġiġkom biex tlestu ruħkom għal dak “il-jum il-biża’.”
Hekk kif aħna nfittxu bil-ħrara li nħallu l-karità u l-virtù jimlew ħajjitna, il-kunfidenza tagħna biex nersqu quddiem Alla tikber. Nistedinkom biex tieħdu ċerti passi intenzjonati biex tikbru fil-kunfidenza tagħkom quddiem il-Mulej. Imbagħad, hekk kif aħna mmorru għand Missierna fis-Smewwiet b’aktar kunfidenza, aħna nkunu mimlijin b’aktar hena, u l-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu tikber. Aħna nibdew nesperjenzaw ċerta qawwa spiritwali ferm aktar milli qatt konna nimmaġinaw.
Aħna grati lejn il-Mulej għall-mod mgħaġġel li bih qed jinbnew it-tempji f’dawn l-aħħar snin. Taħt id-direzzjoni tiegħu, illum, aħna se nħabbru l-pjanijiet biex nibnu tempju f’kull wieħed minn dawn il 15-il post:
-
Reynosa, Messiku
-
Chorrillos, Peru
-
Rivera, Urugwaj
-
Campo Grande, Brażil
-
Porto, Portugal
-
Uyo, Niġerja
-
San Jose del Monte, Filippini
-
Nouméa, New Caledonia
-
Liverpool, Awstralja
-
Caldwell, Idaho
-
Flagstaff, Arizona
-
Rapid City, South Dakota
-
Greenville, South Carolina
-
Norfolk, Virginia
-
Spanish Fork, Utah
Jiena nixhed li Ġesù Kristu, il-Feddej ta’ Iżrael, imexxi din il-Knisja tiegħu. Huwa qed iħejji biex jerġa’ jiġi. Jalla aħna wkoll nitħejjew biex nirċevuh. Għal dan jiena nitlob f’isem Ġesù Kristu, ammen.