Hena permezz tad-Dixxipulat tal-Patt
Hekk kif norbtu lilna nfusna biex naġixxu bħala dixxipli tal-patt, ir-relazzjoni tagħna mal-Missier u mal-Iben tissaħħaħ, l-hena tagħna tikber, u l-perspettiva eterna tagħna tespandi.
Jum fost l-oħrajn fl-2023, Uyanga Altansukh kienet qed taħdem fil-belt ta’ Darkhan, li tinsab fit-tramuntana tal-Mongolja meta l-president tal-missjoni tal-Mongolja daħal fil-post tax-xogħol tagħha. Fi kliemha:
“Jiena lmaħtu u għidt bejni u bejn ruħi li huwa kellu bħal dawl jiddi fuq wiċċu. Kien raġel mill-aktar ħanin u jferraħ lil dawk ta’ madwaru, u fija stajt inħoss sentiment mill-isbaħ. Qabel telaq, staqsejtu xi mistoqsijiet. Ftit tal-jiem wara, huwa reġa’ ġie fil-post tax-xogħol tiegħi u staqsieni jekk stajtx nattendi l-knisja tiegħu. Jien ħsibt li jkun ta’ għajnuna għalija. Kont qed ninkwieta għall-futur ta’ wliedi, peress li s-soċjetà ħassejt li kienet mimlija stress u dalma. Jien ridt li wliedi jkunu bħal dan ir-raġel b’wiċċhom imdawwal, ixerrdu l-hena ma’ dawk ta’ madwarhom.
“Darba waħda l-missjunarji għallmuna l-liġi tad-dieċmi. B’entużjażmu fuqhom uliedi qalu, ‘Jeħtieġ li nħallsu d-dieċmi tagħna, Ma.’ Dak il-mument stajt nara l-fidi ta’ wliedi. Qabel ingħaqadt mal-Knisja, jiena segwejt il-konferenza ġenerali u smajt lill-President Russell M. Nelson jitkellem. Huwa ħabbar tempji ġodda madwar id-dinja kollha u qal li kien se jinbena tempju ġdid ġewwa Ulaanbaatar, fil-Mongolja. Jiena fraħt bil-kbir u xerridt anke d-dmugħ, minkejja li ma fhimtx għalfejn. Permezz ta’ din l-hena, stajt nara li l-fidi u t-testimonjanza tiegħi kienu qed jikbru.
Uyanga, bħal miljuni ta’ oħrajn, hija parti mill-ġabra kbira ta’ Iżrael bi tħejjija għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu. Hija bdiet il-vjaġġ tagħha fit-triq tal-patt u saret dixxiplu ta’ Kristu. Xi jfisser li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu? Kemm togħġobni l-kelma Ġappuniża għal dixxiplu—deshi—de tfisser ħuk iż-żgħir, u shi tfisser tfajjel.
Ġesù Kristu ddikjara, “Jiena kont fil-bidu mal-Missier, u jiena l-Ewwel Wild.” Minħabba dak li hu, u dak li Hu għamel, aħna nqimuh, nonorawh, nagħtuh glorja, u nimxu warajh. Kristu fdiena, u aħna għal dejjem grati għas-sagrifiċċju infinit u espjatorju tiegħu.
Aħna għandna Missier fis-Smewwiet li jħobbna bħala wliedu. L-imħabba tiegħu għalina hi perfetta. Ġesù Kristu u l-missjoni tiegħu turi l-imħabba ta’ Alla għalina. Kif kiteb Ġwanni, “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”
Fit-tfittxija tagħna li nifhmu dak li ma nafux, xi kultant aħna nafdaw fuq l-esperjenzi mortali u familjari tagħna, jew fuq ħwejjeġ li aħna tabilħaqq nafu. Per eżempju, aħna nistgħu nitgħallmu xi ħaġa dwar Alla l-Missier permezz tal-irwol tagħna bħala ġenituri u r-relazzjonijiet mortali tagħna bħala familja. Madankollu, jeħtieġ noqogħdu attenti meta niġu biex napplikaw dawn il-paraguni fl-attentat tagħna li nifhmu lil Missierna fis-Smewwiet. Il-kwalitajiet ta’ Alla l-Missier jittraxxendu kull kwalità li hi anqas minn perfetta tal-bniedem mortali. Alla l-Missier huwa l-Missier perfett. Huwa kollu mħabba, ħniena, sabar u għarfien b’mod perfett, u huwa glorjuż b’mod perfett. Aħna nistgħu nafdawh għal kollox. L-imħabba ta’ Kristu tirrifletti l-imħabba ta’ Alla l-Missier u hhija rappreżentazzjoni ta’ dik l-imħabba.
Ġesù Kristu hu kemm l-eżempju kif ukoll il-mezz. Fi Kristu, aħna nistgħu nifhmu aħjar il-kwalitajiet perfetti tal-Missier u l-pjan tiegħu. Permezz ta’ Kristu, aħna niġu mogħtija l-qawwa li ssaħħaħna biex negħlbu t-tendenzi tal-bniedem naturali ħallu nkunu nistgħu nsiru aktar bħall-Missier.
Bħal Missierna fis-Smewwiet, Ġesù Kristu huwa ħanin u ġust b’mod perfett. Dawn il-kwalitajiet divini tal-ġustizzja u l-ħniena mhumiex opposti ta’ xulxin. Huma jikkumplimentaw lil xulxin. Kemm il-ġustizzja kif ukoll il-ħniena juru l-imħabba perfetta ta’ Alla għal uliedu. Aħna nistgħu nafdaw f’Alla l-Missier u f’Ġesù Kristu għaliex huma ġusti magħna lkoll.
Alla l-Missier u Ibnu Ġesù Kristu huma allinjati b’mod perfett fil-għan u fl-imħabba. Peress li Alla u Ġesù Kristu jħobbuna, aħna ġejna mogħtija l-opportunità u l-privileġġ bħala vera dixxipli li nagħmlu l-patti magħhom. Jekk nagħmlu dan, ir-relazzjoni tagħna ma’ Kristu tikber: “U issa, minħabba l-patt li għamiltu, intom se tissejħu wlied Kristu, uliedu s-subien u l-bniet; għax araw, illum lilkom huwa nissel spiritwalment; għax intom tgħidu li seħħet bidla f’qalbkom permezz tal-fidi tagħkom f’ismu; għalhekk, intom ġejtu mwielda minnu u sirtu wliedu s-subien u l-bniet.”
Bħala dixxipli, meta nagħmlu u nħarsu l-patti sagri aħna niġu mberkin b’qawwa spiritwali. Aħna nintrabtu ma’ Kristu u ma’ Alla l-Missier f’relazzjoni speċjali u nistgħu nesperjenzaw l-imħabba u l-hena tagħhom b’doża riservata għal dawk li għamlu u ħarsu l-patti. L-abbiltà tagħna li nagħrfu d-doża sħiħa tal-imħabba ta’ Alla, jew li nkomplu f’imħabbtu, tiddependi mix-xewqat u l-għemejjel ġusti tagħna.
F’ Ġwanni kapitlu 15, vers 9, naqraw, “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena.” U mbagħad ġejna mistiedna: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.”
Fil- vers ta’ wara, aħna ġejna mogħtija l-mod kif nistgħu nkomplu f’imħabbtu: “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti; kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”
Aħna mbagħad nkunu nistgħu nagħrfu l-għan li nħarsu l-kmandamenti f’ vers 11: “Għedtilkom dan, biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.”
Permezz tad-dixxipulat veru tal-patt, aħna nistgħu nibdew biex nifhmu aħjar in-natura ta’ Alla u l-hena li Huwa jrid li wliedu kollha jesperjenzaw. Aħna nistgħu wkoll nibdew nifhmu ċerti prinċipji li għall-ewwel jafu jidhru ftit konfużi. Per eżempju, Alla kif jista’ jkollu milja ta’ hena meta xi wħud minn uliedu qed ibatu tant? It-tweġiba nsibuha fil-perspettiva perfetta ta’ Alla u fil-pjan perfett tiegħu. Huwa jara fina sa mill-bidu l-glorja potenzjali tal-futur. Huwa pprovda mod, permezz ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, għalina lkoll, uliedu, kif nistgħu negħlbu l-uġigħ, it-tbatija, id-dnubiet, il-ħtija, u s-solitudni tal-ħajja mortali tagħna. Alla pprovda għalina l-mod u l-għażla.
Eżempji ta’ dawk li esperjenzaw l-hena permezz tad-dixxipulat jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar dan il-kunċett. Jista’ jkun li intom smajtu l-frażi li aħna ferħanin biss daqs l-anaqas wild ferħan tagħna. Jiena rajt b’għajnejja li dan m’għandux ikun il-każ. Ommi li għandha 94 sena għandha ’l fuq minn 200 dixxendent ħaj. F’xi mument partikolari, ta’ lanqas wieħed minn 200 mhuwiex se jkun ferħan. Jekk din id-dikjarazzjoni hija vera, mela ommi tkun fi stat perpetwu ta’ niket, li fil-fatt mhuwiex il-każ. Dawk li jafuha jafu kemm hi mara ferriħija.
Issa nixtieq naqsam magħkom esperjenza oħra. F’Jannar tal-2019, jien u marti Debbie ġejna mistiedna fl-uffiċċju tal-President Nelson. Huwa poġġa siġġu qrib tagħna, u aħna poġġejna bilqiegħda kważi rkoppa ma’ rkoppa. Wara li estendielna s-sejħa kurrenti tagħna, il-President Nelson dar fuq Debbie u ta l-attenzjoni tiegħu. Huwa kien mill-aktar twajjeb u ġentili, mimli mħabba u hena, bħal missier jew nannu perfett. Huwa qabad id Debbie u beda jtaptpilha fuqha, u jiżguraha li kollox kien se jkun sew u li l-familja tagħna kienet se tkun imbierka. F’dak il-mument aħna ħassejna li konna l-aktar nies importanti għalih u li hu kellu ħin kemm ried għalina. Aħna tlaqna mill-uffiċċju tiegħu f’dak il-jum tal-Ġimgħa wara nofsinhar inħossuna mimlija kunfidenza, imħabba u hena.
It-Tnejn ta’ wara rajna l-aħbarijiet. F’dak l-istess jum li l-President Nelson għaddha ħin magħna, waħda minn uliedu l-bniet kienet mietet bil-kanċer. Inħsadna verament. Ħassejniena kommossi bil-kbir hekk kif tnikkitna għalih u għall-familja tiegħu. Ħassejna wkoll qalbna mimlija gratitudni għall-attenzjoni Kristjana li huwa tana waqt li kien imnikket għal bintu li kienet qed tbati.
Hekk kif bdejna nixtarru din l-esperjenza, aħna staqsejna lilna nfusna, “Kif irnexxielu jkun daqstant ħanin, u mimli mħabba u ferħ fi żmien daqstant diffiċli?” It-tweġiba hi għaliex hu jaf. Hu jaf li Kristu ħareġ rebbieħ. Hu jaf li kien se jerġa’ jingħaqad ma’ bintu għal darb’oħra u kien se jqatta’ l-eternità magħha. L-hena u l-perspettiva eterna niksbuhom jekk aħna nkunu ħaġa waħda mas-Salvatur billi nagħmlu u nħarsu l-patti u permezz tad-dixxipulat Kristjan.
Il-President Nelson għallem: “Bħalma s-Salvatur joffri paċi li ‘jgħix minn kull fehema’ [Filippini 4:7], Hu joffri wkoll intensità, profondità u wisaʼ ta’ hena li jisfidaw il-loġika umana jew il-fehim mortali. Pereżempju, ma jidhirx possibbli li tħoss l-hena meta t-tfal tiegħek ikunu qed ibatu minn marda inkurabbli jew meta titlef ix-xogħol tiegħek jew meta l-konjuġi tiegħek jittradik. Madankollu din hi sewwasew l-hena li joffrilna s-Salvatur.”
Hekk kif aħna nagħmlu u nħarsu l-patti, aħna nduru b’mod naturali lil hinn minna u jkollna xewqa li ngħinu lil ħaddieħor iħoss id-doża ta’ hena u mħabba li aħna nħossu fir-relazzjonijiet tagħna tal-patt. Aħna nistgħu nkunu parti mill-akbar kawża fid-dinja llum—il-ġabra ta’ Iżrael. Aħna nistgħu ngħinu nressqu lil ulied Alla lejn Kristu. Kif għallem il-profeta Ġakobb: “U henjin intom; għax peress li intom ħdimtu miegħi bir-reqqa fl-għalqa tiegħi, u ħaristu l-kmandamenti tiegħi, u erġajtu għal darb’oħra ġibtuli l-frott naturali, tant li l-għalqa tiegħi m’għadhiex aktar mħassra, u l-ħażin intrema, araw intom sejrin tgawdu miegħi minħabba l-frott tal-għalqa tiegħi.”
Hekk kif norbtu lilna nfusna biex naġixxu bħala dixxipli tal-patt, hu x’inhu l-livell ta’ kapaċità tagħna, ir-relazzjoni tagħna mal-Missier u mal-Iben tissaħħaħ, l-hena tagħna tikber, u l-perspettiva eterna tagħna tespandi. Imbagħad aħna niġu ddotati b’qawwa u nkunu nistgħu nħossu l-hena b’doża riservata għad-dixxipli vera tal-patt ta’ Alla. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.