Is-Sistema ta’ Gwida Tagħna fis-Smewwiet
Hekk kif niffokaw ħajjitna fuq Ġesù Kristu, aħna nsibu triqitna lura d-dar, billi nibqgħu nirreżistu sat-tmiem u nifirħu sat-tmiem.
Ġesù Kristu biddilli ħajti meta tgħammidt ta’ 26 sena fl-għażiża belt tiegħi ta’ Frutillar, iċ-Ċili. Dak iż-żmien, ix-xogħol tiegħi ħadni fuq in-naħa l-oħra tal-oċejan, tax-xmajjar, u tal-lagi tal-Patagonja sabiħa taċ-Ċili. Wara l-magħmudija tiegħi, jiena rajt il-ħidma tiegħi u ħajti b’mod ġdid u differenti, fejn għaraft verament li “kollox jindika li hemm Alla.”
Fin-natura tiegħu, is-salamun jitwieled fis-sors tax-xmajjar. F’xi mument f’ħajtu, jeħtieġ li jgħum ’l isfel biex jilħaq il-baħar, fejn isib n-nutriment u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp tiegħu.
Iżda l-baħar huwa wkoll post perikoluż, fejn il-predaturi jistennew u fejn is-sajjieda jippruvaw jaqbdu s-salamun b’snanar ileqqu li jimitaw l-ikel iżda ma jsostnux. Jekk is-salamun ikun jista’ jissopravivi dan it-theddid, ikun lest biex juża s-sistema ta’ gwida qawwija tiegħu biex jerġa’ lura fil-beraħ fl-istess post fejn twieled, u jiffaċċja ċerti sfidi familjari, u xi ftit ġodda. Ix-xjentisti studjaw l-imġiba migratorja tas-salamun għal snin twal u skoprew li juża tip ta’ mappa manjetika, simili għall-GPS, biex tiggwidah lejn id-destinazzjoni finali tiegħu bi preċiżjoni inkredibbli.
Ilkoll kemm aħna nistgħu nerġgħu lura xi darba fid-dar fis-smewwiet minn fejn ġejna. U bħas-salamun, aħna għandna l-mappa manjetika tagħna—jew “Dawl ta’ Kristu”—biex tiggwidawna hemmhekk. Ġesù qal, “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”
Hekk kif niffokaw ħajjitna fuq Ġesù Kristu, aħna nsibu triqitna lura d-dar, billi nibqgħu nirreżistu sat-tmiem u nifirħu sat-tmiem. Il-President Russell M. Nelson qal li “il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.”
In-Natura Divina u d-Destin Divin Tagħna
Mill-proklamazzjoni tal-familja naqraw li “kull wieħed u waħda minna huwa iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet, u, għalhekk, ilkoll għandna natura divina u destin divin. Fid-dinja primortali, l-ulied spirti kienu jafu u jqimu lil Alla bħala l-Missier Etern tagħhom u aċċettaw il-pjan Tiegħu, li permezz tiegħu wliedu setgħu jiksbu ġisem fiżiku u jiksbu esperjenza fid-dinja biex jimxu ’l quddiem lejn il-perfezzjoni u fl-aħħarnett jirrealizzaw id-destin divin tagħhom bħala eredi tal-ħajja eterna.”
Qabel it-twelid tiegħu fil-mortalità, Ġesù Kristu deher lil Mosè u kellmu f’isem il-Missier. Huwa qal lil Mosè li kellu ħidma kbira biex iwettaq. Matul dik il-laqgħa, il-Mulej sejjaħlu “ibni” diversi drabi.
Wara dik l-esperjenza, Satana mar iġarrbu, u qallu, “Mosè, bin il-bniedem, qimni.”
Mosè wieġeb għat-tentazzjoni billi ftakar fin-natura divina tiegħu, fejn qal, “Min int? Għax ara, jien iben Alla.” Il-verità ħelset lil Mosè minn attakk mill-avversarju.
Ħuti, il-ganċijiet tal-mortalità huma reali. Ħafna drabi huma jeċitawna, iżda huma jfittxu biss mira waħda: li jeħduna ’l barra mill-ilmijiet ħajjin li jwasslu għall-Missier u l-ħajja eterna.
Jiena naf kemm jistgħu jkunu reali l-ganċijiet tal-mortalità. Darba waħda f’jum il-Ħadd, bħala membru ġdid, jiena kont qed ngħallem klassi tas-saċerdozju meta qamet konverżazzjoni disturbanti. Ħassejtha diffiċli ntemm il-lezzjoni tiegħi. Jiena ħadt għalija u ħassejt li jien kont il-vittma. Bla ma għidt kelma, jiena qbadt it-triq lejn il-bieb ta’ barra, bl-idea li ma kontx se nerġa’ lura l-knisja għal xi żmien.
F’dak il-mument partikolari xi ħadd li jħaddan is-saċerdozju, li kien induna x’kien se jiġri, ġie jilħaqni. B’imħabba huwa stedinni biex niffoka fuq Kristu u mhux fuq is-sitwazzjoni li esperjenzajna fil-klassi. Meta dan l-aħħar semmejt din l-esperjenza li kellu miegħu, huwa qasam miegħi li huwa kien sema’ leħen jgħidlu, “Mur warajh; huwa importanti għalija.”
Għeżież ħbieb tiegħi, aħna lkoll importanti għalih. Il-President Nelson għallimna li “minħabba l-patt tagħna ma’ Alla, Huwa qatt mhu se jegħja fl-isforzi tiegħu biex jgħinna, u aħna qatt m’aħna se naħlulu s-sabar mimli ħniena tiegħu għalina.” In-natura divina u r-relazzjoni tal-patt tagħna ma’ Alla jintitolawna biex nirċievu l-għajnuna divina.
Il-Bżonn tan-Nutriment
L-istess kif is-salamun jeħtieġ li jiġi msostni fil-baħar biex jikber, jeħtieġ ukoll li aħna nieħdu ħsieb tagħna nfusna spiritwalment biex nevitaw li mmutu mill-malnutrizzjoni spiritwali. It-talb, l-iskrittura, it-tempju, u l-attendenza regolari tagħna fil-laqgħat tal-Ħadd huma mill-aktar importanti fil-menu spiritwali tagħna.
F’Novembru 1956, Ricardo Garcia daħal fl-ilmijiet tal-magħmudija ġewwa ċ-Ċili, fejn sar l-ewwel membri tal-Knisja f’pajjiżi. Jum wieħed biss qabel miet, huwa ddikjara quddiem il-familja u l-ħbieb tiegħu, “Bosta snin ilu l-missjunarji stednuni biex inkun ferħan flimkien mal-familja tiegħi. Jiena bniedem kuntent. Għidu lil kulħadd ġewwa ċ-Ċili li l-evanġelju huwa l-ferħ.”
Wara li ġie ndukrat bl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, Ricardo ddedika ħajtu kollha biex iservi lil Alla u lil għajru b’imħabba. L-eżempju tiegħu ta’ dixxipulat bierek ġenerazzjonijiet sħaħ, fosthom lili. Il-Profeta Joseph Smith għallem li “raġel mimli bl-imħabba ta’ Alla, mhuwiex kuntent billi jbierek lill-familja tiegħu weħidha, iżda jimraħ madwar id-dinja kollha, anzjuż biex ibierek lir-razza umana kollha.”
Nerġgħu Lura fid-Dar Tagħna fis-Smewwiet
Fil-fond ta’ kull wieħed u waħda minna hemm ix-xewqa li nerġgħu lura fid-dar tagħna fis-smewwiet, u Ġesù Kristu huwa s-sistema ta’ gwida divina tagħna. Huwa t-triq. Is-sagrifiċċju espjatorju tiegħu jagħmilha possibbli għalina li nagħmlu patti sagri ma’ Alla. La darba nagħmlu l-patti, xi kultant aħna nsibu lilna nfusna ngħixu kontra l-kurrent. Il-periklu, id-diżappunt, it-tentazzjoni, u s-sofferenza jittestjaw il-fidi u l-qawwa spiritwali tagħna. Itolbu l-għajnuna. Ġesù Kristu jifhem u huwa dejjem ħerqan li jaqsam it-tagħbija tagħna ma’ ħaddieħor.
Ftakru li Huwa magħruf bħala “bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard.” Is-Salvatur iddikjara, “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt lid-dinja.” Is-sagrifiċċju espjatorju tiegħu jippermetti li dnubietna jiġu maħfura, sal-punt li Huwa ma jibqax jiftakarhom.
Jista’ jkun li aħna ma ninsewx għal kollox dnubietna bħala parti mit-tagħlim mortali tagħna, biex aħna niftakru li ma nirrepetuhomx. Minflok, aħna niftakru fih hekk kif kull nhar ta’ Ħadd aħna nieħdu s-sagrament fil-knisja. Din l-ordinanza hija parti essenzjali mill-qima u l-iżvilupp spiritwali. Il-ferħ niksbuh meta aħna nifhmu li dan mhuwiex bħal kull jum ieħor. “Jum il-Mulej kien magħmul għall-bniedem,” bl-intenzjoni li jagħtina l-mistrieħ mid-dinja u jġedded il-ġisem u l-ispirtu tagħna.
Aħna niftakru fih ukoll meta aħna nżuru t-tempju—id-dar tal-Mulej. It-tempji jagħtuna għarfien aktar profond ta’ Ġesù Kristu bħala ċ-ċentru tal-patt li jwassalna għall-ħajja eterna, l-akbar fost ir-rigali ta’ Alla.
Li nattendi t-tempju tani l-faraġ u t-tama kbira dwar id-destin etern tagħna. Jiena esperjenzajt konnessjonijiet divini ma’ nies fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Rajt il-mirakli tal-fejqan fil-ħajja tat-tfal iż-żgħar tiegħi, li tnejn minnhom jgħixu b’mard li ma jidhirx li jeħtieġ kura ta’ kuljum għall-kumplament ta’ din il-ħajja.
Il-familja tagħna tifraħ hekk kif aħna nitkellmu flimkien dwar il-pjan ta’ ferħ. Wiċċ uliedi jixgħel meta jisimgħu li, grazzi għal Ġesù Kristu, “is-sofferenza tagħhom se tkun biss għal mument qasir.” Aħna nħobbu lil uliedna b’mod profond, u nafu li xi darba, kif għallem il-President Jeffrey R. Holland, huma “jieqfu quddiemna gglorifikati u grandjużi, b’mod mill-aktar perfett fil-ġisem u fil-moħħ.” Il-patti tagħna jressquna eqreb lejn Alla sal-punt li nagħmlu l-impossibbli possibbli, nimlew kull spazju ta’ dalma u dubju bid-dawl u l-paċi.
Grazzi għal Ġesù Kristu, hemm tama u raġunijiet mill-aktar sodi biex aħna nkomplu nħobbu, nitolbu, u nappoġġjaw lil dawk li nieħdu ħsieb.
Jiena naf li Huwa jgħix. Huwa jafna personalment u jħobbna. Huwa hu t-triq, il-verità, u l-ħajja tad-dinja.
Nistieden lilna lkoll illum biex niċċentraw ħajjitna fuq Ġesù Kristu u t-tagħlim tiegħu. Li nagħmlu dan jgħinna nevitaw li nigdmu l-ganċijiet tat-tentazzjoni, tal-offiża, u tal-ħasra għalina stess. Aħna nieqfu bħala tempji—qaddisin, sodi u kostanti. Aħna se nifilħu l-maltempati, u naslu sad-dar, waqt li nibqgħu nirreżistu sal-aħħar u nifirħu sal-aħħar. F’isem Ġesù Kristu, ammen.