Tħejjija Personali biex Niltaqgħu mas-Salvatur
Nimxu wara t-tagħlim tas-Salvatur. L-istruzzjonijiet tiegħu la huma misterjużu u lanqas kumplessi. Meta nimxu warajhom, m’għandniex għalfejn nibżgħu jew inkunu anzjużi.
Għeżież ħuti, Ottubru li għadda, il-President Russell M. Nelson għallem, “Ħuti, issa huwa l-mument għalikom u għalija biex nitħejjew għat-Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.” Meta l-President Nelson jitkellem dwar it-Tieni Miġja, dejjem jagħmel dan b’ottimiżmu mimli hena. Madankollu, tifla fil-Primarja m’ilux qaltli li hija tinħakem minn anzjetà kull meta tissemma’ t-Tieni Miġja. Hija qalet, “Inħossni nitbeżża’ għaliex sejrin iseħħu ħwejjeġ koroh qabel ma jerġa’ jiġi Ġesù.”
Jista’ jkun li mhux it-tfal biss jafu jħossuhom hekk. L-aqwa parir għaliha, għalikom, u għalija hu li nimxu wara t-tagħlim tas-Salvatur L-istruzzjonijiet tiegħu la huma misterjużu u lanqas kumplessi. Meta nimxu warajhom, m’għandniex għalfejn nibżgħu jew inkunu anzjużi.
Meta kien riesaq lejn it-tmiem tal-ministeru mortali tiegħu, Ġesù Kristu ġie mistoqsi meta kien se jerġa’ jiġi. Bħala tweġiba, Huwa għallem tliet parabboli, kif insibuhom f’ Mattew 25, dwar kif għandna nitħejjew biex niltaqgħu miegħu—sew waqt it-Tieni Miġja tiegħu u sew meta nħallu din id-dinja. Dan it-tagħlim huwa kruċjali għaliex it-tħejjija personali biex niltaqgħu miegħu hija ħaġa ewlenija fil-għan tal-ħajja.
Is-Salvatur l-ewwel qal il-parabbola tal-għaxar xebbiet verġni. F’din il-parabbola, kien hemm għaxar xebbiet verġni li marru għal festa ta’ tieġ. Ħamsa b’għaqal ħadu magħhom iż-żejt biex jimlew l-imsiebaħ tagħhom, u ħamsa b’nuqqas ta’ għaqal m’għamlux dan. Meta tħabbret il-wasla imminenti tal-għarus, il-verġni b’nuqqas ta’ għaqal telqu biex jixtru ż-żejt. Meta reġgħu lura, kien tard wisq; il-bieb għall-festa kien jinsab magħluq.
Ġesù identifika tlett aspetti tal-parabbola biex jgħinna. Huwa spjega:
“U f’dak il-jum, meta jien ħa niġi fil-glorja tiegħi, ħa titwettaq il-parabbola li jien għidt dwar l-għaxar xebbiet.
“Għaliex dawk li huma għaqlin u rċevew il-verità, u li jħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħhom, u li ma ġewx imqarrqin—fis-sewwa ngħidilkom, huma … se jkunu meħlusin.”
Fi kliem ieħor, huma mhux se jkollhom għalfejn jibżgħu jew ikunu anzjużi għax huma se jsalvaw u jirnexxu. Huma se joħorġu rebbieħa.
Jekk nkunu għaqlin, aħna nirċievu l-verità billi naċċettaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu permezz tal-ordinanzi u l-patti tas-saċerdozju. Wara, għandna nagħmlu li nistgħu biex nibqgħu denji li jkollna dejjem magħna l-Ispirtu s-Santu. Din il-kapaċità jeħtieġ li niksbuha individwalment u personalment, qatra wara qatra. Ċerti atti konsistenti, personali, u privati ta’ devozzjoni jistiednu l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana.
It-tielet element li Ġesù jenfasizza hu li nevitaw il-qerq. Is-Salvatur widdeb:
“Araw li ħadd ma jqarraq bikom.
“Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu Jien hu l-Messija; u jqarrqu b’ħafna nies.”
Is-Salvatur kien jaf li se jkun hemm nies li jippretenduha li jippruvaw iqarrqu bil-magħżulin u li bosta dixxipli jispiċċaw ingannati. Aħna la għandna jemmnu lil dawk li b’mod falz jiddikjaraw li għandhom xi sanzjoni divina u lanqas m’għandna noqogħdu nitlajjaw f’xi deżert metaforiku jew f’xi kamra sigrieta biex niġu mgħallmin minn xi għalliema foloz.
Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallimna kif nistgħu niddistingwu lin-nies qarrieqa mid-dixxipli. Id-dixxipli dejjem jippromwovu li għandna nemmnu f’Alla, naqduh, u nagħmlu t-tajjeb. Aħna ma niġux imqarrqin meta nfittxu u nieħdu parir minn individwi li nistgħu nafdaw fihom li huwa stess huma dixxipli fidili tas-Salvatur.
Aħna nistgħu wkoll nevitaw il-qerq billi nqimu regolarment fit-tempju. Dan jgħinna jkollna dejjem perspettiva eterna u jipproteġina mill-influwenzi li jistgħu jaljenawna jew jiddevjawna mit-triq tal-patt.
Il-lezzjoni essenzjali ta’ din il-parabbola tal-għaxar xebbiet verġni hi li aħna nkunu għaqlin meta naċċettaw l-evanġelju, infittxu li jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu, u nevitaw il-qerq. Il-ħames xebbiet verġni ma setgħux jgħinu lil dawk li ma kellhomx żejt; ħadd ma jista’ jikseb l-Ispirtu s-Santu bħala gwida, u jevita l-qerq f’isimna. Għandna nagħmlu dan għalina nfusna.
Is-Salvatur mbagħad qal il-parabbola tat-talenti. F’din il-parabbola, wieħed raġel ta ammont differenti ta’ flus, li jirreferi għalihom bħala talenti, lil tliet qaddejja. Lil qaddej tah ħames talenti, lil ieħor tah tnejn, u lit-tielet wieħed tah wieħed. Maż-żmien, l-ewwel żewġ qaddejja kattru dak li kienu ngħataw. Iżda t-tielet qaddej sempliċiment difen l-uniku talent li ngħata. Liż-żewġ qaddejja li kattru t-talenti tagħhom, ir-raġel qalilhom, “Sewwa, … qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.”
Ir-raġel mbagħad ċanfar lill-qaddej li difen it-talent tiegħu għax kien “qaddej ħażin u għażżien.” It-talent ta’ dan il-qaddej itteħidlu, u huwa spiċċa mwarrab. Madankollu, li kieku dan il-qaddej kattar it-talent li kellu, huwa kien jirċievi l-istess approvazzjoni u premju bħall-qaddejja l-oħra.
Messaġġ minn din il-parabbola hu li Alla jistenniena biex inkabbru l-abbiltajiet li ngħatajna, iżda Hu ma jridx li aħna nqabblu l-abbiltajiet tagħna ma’ ta’ ħaddieħor. Ikkunsidraw ftit l-għarfien li ġej li pprovdielna l-istudjuż Lhudi tat-18-il seklu Zusya ta’ Anipol. Zusya kien għalliem rinomat li, meta kien riesaq lejn mewtu, inħakem minn biża’. Id-dixxipli tiegħu staqsew, “Mgħallem, għalfejn qed titriegħed? Inti għext ħajja tajba; żgur li Alla se jippremjak bil-kbir.”
Zusya qal: “Jekk Alla jgħidli, ‘Zusya, għalfejn inti ma kontx Mosè ieħor?’ Jien ngħidlu, ‘Għaliex inti ma tajtnix il-kobor tar-ruħ li tajt lil Mosè.’ U jekk nieqaf quddiem Alla u Hu jgħidli, ‘Zusya, għalfejn inti ma kontx Salamun ieħor?’ Jien ngħidlu, ‘Għaliex inti ma tajtnix l-għerf ta’Salamun.’ Iżda, jaħasra, jekk ikolli nieqaf quddiem il-Ħallieq tiegħi u jgħidli, ‘Zusya, għalfejn inti ma kontx Zusya? Għalfejn ma kontx il-bniedem li tajtek l-abbiltà li tkun?’ Hu għalhekk li jiena qed nitriegħed.”
Alla tabilħaqq ikun ddiżappuntat jekk aħna ma nafdawx fil-merti, fil-ħniena, u fil-grazzja tas-Salvatur biex inkabbru l-abbiltajiet mogħtija lilna minn Alla. Bl-għajnuna kollha mħabba tiegħu, Huwa jistenna minna li nsiru l-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Li aħna nibdew b’abbiltajiet differenti hi ħaġa irrelevanti għalih. U għandha tkun għalina wkoll.
Finalment, is-Salvatur qal il-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż. Meta jerġa’ lura fil-glorja tiegħu, “quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.”
Dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu jsiru werrieta tas-saltna tiegħu, u dawk fuq ix-xellug tiegħu ma jirċievu l-ebda wirt. Il-karatteristika li tiddistingwihom kienet jekk huma tawhx jiekol meta huwa kien bil-ġuħ, tawhx jixrob meta kien bil-għatx, tawhx saqaf fuq rasu meta kien barrani, libbsuhx meta kien għeri, u marrux iżuruh meta kien marid jew fil-ħabs.
Kulħadd tħawwad, kemm dawk fuq il-lemin kif ukoll dawk fuq ix-xellug. Huma staqsewh meta lilu tawh jew ma tawhx jiekol jew jixrob, jew meta libbsuh jew ma libbsuhx jew meta għenuh jew le meta kien vulnerabbli. Is-Salvatur weġibhom billi qal, “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”
Il-messaġġ tal-parabbola huwa wieħed ċar: meta naqdu lil ħaddieħor, aħna naqdu lil Alla; meta ma nagħmlux dan, niddiżżappuntawh. Hu jistenna minna li nużaw id-doni, it-talenti, u l-abbiltajiet tagħna biex inbierku l-ħajja ta’ wlied Missierna fis-Smewwiet. L-impuls divin li naqdu lil ħaddieħor narawh f’poeżija miktuba fis-seklu 19 mill-poeta Finlandiż Johan Ludvig Runeberg. Jien u ħuti kemm-il darba smajna l-poeżija “Il-Bidwi Paavo” tul it-tfulija tagħna. Fil-poeżija, Paavo kien bidwi fqajjar li għex flimkien ma’ martu u wliedu fir-reġjun ta’ lagi fiċ-ċentru tal-Finlandja. Għal bosta snin, sena wara l-oħra, ħafna mill-prodotti li kien jiżra’ kienu jispiċċa meqrudin, jew minħabba s-silġ li jinħall fir-rebbiegħa, jew minħabba l-maltempati bis-silġ fis-sajf, jew inkella minħabba l-ġlata fil-bidu tal-ħarifa. Kull darba li kien imur id-dar bid-daqxejn ta’ ħsad li kien ikollu, mart il-bidwi kienet tilmenta, “Paavo, Paavo, inti bniedem tassew sfortunat, Alla lilna abbandunana.” Paavo, kien dlonk jgħid, “Mur ħallat il-qoxra mad-dqiq tas-segala biex tagħmel il-ħobż ħalli t-tfal ma jibqgħux bil-ġuħ. Jiena se naħdem aktar biex nixxotta l-għelieqi kollha tajn. Alla qed jippruvana, iżda Hu żgur li se jipprovdilna.”
Kull darba li l-prodotti tar-raba’ kienu jinqerdu, Paavo kien jgħid lil martu biex tirdoppja l-ammont ta’ qoxra li kienet tħallat mad-dqiq biex ma jmorrux jispiċċaw bil-ġuħ. Huwa kien imur jaħdem aktar, iħaffer il-gandotti biex jixxotta l-ilma mill-art u jnaqqas is-suxxettibbilità tal-għelieqi tiegħu għas-silġ li jinħall fir-rebbiegħa u l-ġlata tal-bidu tal-ħarifa.
Wara snin mill-aktar diffiċli, Paavo finalment ħasad prodotti mill-aktar tajbin. Martu għajtet b’ferħ, “Paavo, Paavo, dan hu żmien mill-aktar feliċi! Hu żmien li fih nistgħu narmu l-qoxra, u naħmu l-ħobż biss bis-segala.” Iżda Paavo solennement qabad id martu u qal, “Ħallat nofs id-dqiq mal-qoxra, għax l-għelieqi tal-ġar tagħna spiċċaw miksijin silġ.” Paavo ssagrifika l-ħafna li hu u l-familja tiegħu kellhom biex jgħin lill-ġar inkwetat u mċaħħad tiegħu.
Il-lezzjoni tal-parabbola tas-Salvatur tan-nagħaġ u l-mogħoż hi li aħna għandna nużaw ir-rigali li ngħatajna—il-ħin, it-talenti, u l-barkiet— biex naqdu lil ulied Missierna fis-Smewwiet, speċjalment lill-aktar vulnerabbli u fil-bżonn.
L-istedina tiegħi lit-tifla anzjuża tal-Primarja li semmejt qabel, u lil kull wieħed u waħda minnkom, hi li nimxu wara Ġesù Kristu u nafdaw fl-Ispirtu s-Santu kif nafdaw f’ħabib mill-aktar għażiż tagħna. Afdaw f’dawk li jħobbukom u li jħobbu lis-Salvatur. Fittxu l-gwida ta’ Alla biex tiżviluppaw l-abbiltajiet uniċi tagħkom, u għinu lil ħaddieħor anke meta ma jkunx faċli tagħmlu dan. Intom tkunu tinsabu lesti biex tiltaqgħu mas-Salvatur, u flimkien mal-President Nelson tkunu ottimisti u feliċi. Meta tagħmlu dan, intom tgħinu d-dinja tħejji għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu, u tkunu mberkin b’tama suffiċjenti biex tiksbu l-mistrieħ u l-hena tal-Mulej, issa u fil-ġejjieni.
Kif inkantaw f’waħda mill-għanjiet ġodda tagħna:
F’isem Ġesù Kristu, ammen.