“Duru Lejja … Ħalli Nfejjaqkom”
Hemm il-ferħ fis-sema għal dawk li jerġgħu lura. Qatt mhu tard wisq biex terġa’ tiġi.
Darba konna ngħixu f’dar imdawra b’siġar majestużi. Ħdejn id-daħla kien hemm siġra sabiħa taż-żafżafa. Lejl wieħed imnikket faqqgħet maltempata kbira, u ż-żafżafa baqgħet nieżla. Kienet mimduda fl-art bl-għeruq tagħha miġbuda ’l barra u kienet vista ta’ dispjaċir.
Kont lest li nqabbad l-lupa u naqta’ s-siġra għall-ħatab meta l-ġar tagħna ħareġ jiġri biex iwaqqafni. Hu widdibni għax kont qtajt qalbi mis-siġra, u b’enfasi ħeġġiġna biex ma neħilsux minnha. Imbagħad ipponta lejn għerq wieħed li kien għadu fl-art u qal li jekk inwaqqfu -siġra, naqtgħulha l-friegħi, u nagħtuha n-nutriment, l-għeruq jerġgħu jaqbdu.
Kont xettiku u ddubitajt kif siġra hekk ovvjament waqgħet u msejkna setgħet possibilment issalva u terġa’ tieħu l-ħajja. Irraġunajt li anki jekk din kellha terġa’ tibda tikber, żgur li ma kinitx se ssalva mill-maltempata li kien imiss. Imma peress li konna nafu lill-ġar tagħna jemmen li s-siġra kien għad għandha futur, morna għal għajnu u aċċettajna l-pjan tiegħu.
U r-riżultat? Wara xi żmien, rajna sinjali ta’ ħajja hekk kif is-siġra bdiet tifrex l-għeruq. Issa, 12-il sena wara, is-siġra hija vibranti u mimlija ħajja, b’għeruq sodi, u għal darb’oħra tikkontribwixxi għall-ġmiel tal-pajsaġġ.
Meta niltaqa’ mal-Qaddisin madwar id-dinja, niftakar f’din is-siġra taż-żafżafa u kif hemm tama anki meta kollox jidher mitluf. Xi wħud darba kellhom testimonjanzi tal-evanġelju li kienu qawwija u vibranti bħaż-żafżafa. Imbagħad, għal raġunijiet persunali biss, dawn ix-xhieda ddgħajfu, u dan wassal għal telf tal-fidi. Oħrajn jiddendlu mal-iċken għeruq li jtektku fil-ħamrija tal-evanġelju.
Għal darba wara l-oħra, jiena mnebbaħ mill-istejjer ta’ tant li għażlu li jġeddu d-dixxipulat tagħhom u jerġgħu jiġu fid-dar tal-Knisja tagħhom. Minflok ma warrbu l-fidi u t-twemmin tagħhom bħal ħatab tan-nar li ma jiswa għal xejn, huma wieġbu għall-istedina spiritwali u l-istediniet kollha mħabba biex jerġgħu lura.
Attendejt konferenza tal-wited fil-Korea fejn membru li rritorna qasam: “Nirringrazzja lill-aħwa għar-rieda tagħhom li jaċċettaw in-nuqqas ta’ fidi tiegħi u d-dgħufija tiegħi, talli ltaqgħu miegħi, u għall-membri li dejjem huma tant qalbhom tajba miegħi. Għad għandi ħafna ħbieb madwari li huma inqas attivi. Hija xi ħaġa umoristika, imma jgħidu lil xulxin biex imorru lura l-Knisja ħalli jieħdu l-fidi tagħhom lura. Naħseb forsi huma kollha mxennqin għall-fidi.”
Lil dawk kollha li huma mxennqin għall-fidi, nistidnukom tiġu lura. Inwiegħed li l-fidi tiegħek tista’ tissaħħaħ hekk kif terġa’ tqim mal-Qaddisin.
Eks missjunarju mill-Afrika kiteb lil mexxej għoli tal-Knisja, fejn talab skuża u fittex maħfra talli kien offiż bit-tagħlim tiegħu dwar ċerta tradizzjoni kulturali, li mbagħad wasslitu biex joħroġ mill-Knisja. Hu esprima umilment: “B’sogħba, il-fatt li ħadt għalija 15-il sena ilu ġegħelni nħallas prezz estremament qares. Tlift tant—ħafna aktar milli qatt immaġinajt. Ninsab imbarazzat ħafna bil-ħsara li stajt għamilt matul it-triq, imma fuq kollox nieħu pjaċir li sibt triqti lura. “
Lil dawk kollha li jagħrfu dak li tlift, nistednuk terġa’ tiġi u allura tkun tista’ terġa’ dduq il-frott ferrieħi tal-evanġelju.
Oħt fl-Istati Uniti telqet il-Knisja għal ħafna snin. L-istorja tagħha li tiġi lura tinkludi lezzjonijiet qawwija għall-ġenituri u l-membri tal-familja li jirrabjaw fuq il-maħbubin li jwarrbu. Hija kitbet:
“Jien stajt nelenka għadd kbir ta’ raġunijiet għala tlaqt ’il bogħod mill-Knisja, mill-evanġelju, u sa ċertu mod, mill-familja tiegħi. Imma veru ma jimpurtax. M’għamiltx deċiżjoni waħda kbira li nitlaq mill-Knisja—probabbilment għamilt elf għażla. Imma waħda mill-affarijiet li dejjem kont naf hi li l-ġenituri tiegħi ħadu deċiżjoni waħda kbira, u weħlu magħha. Iddeċidew li jħobbuni.
“Forsi ma stajtx inkun naf kemm ixxerred dmugħ, kemm kien hemm ljieli bla rqad, u lanqas kemm intqal kliem ta’ talb mill-qalb f’ismi. Ma ċanfrunix għal dnubieti; anzi sejħuli minkejja d-dnubiet tiegħi. Ma kinux iġegħluni nħossni mhux milqugħ f’darhom u fil-laqgħat tal-familja; xi waħda minn dawn is-sentimenti kienet tiegħi stess. Minflok, komplew jilqgħuni. Bilfors li maż-żmien raw id-dawl tiegħi jitbaxxa. Imma kienu jafu li l-persuna li kont lura dak iż-żmien kienet biss dell ta’ min kont għad irrid insir.
“Bħalma t-triq tiegħi ’l bogħod mill-Knisja kienet kumplessa, hekk ukoll kienet it-triq tiegħi lura. Imma waħda mill-affarijiet li ma kinitx diffiċli biex niġi lura kienet is-sensazzjoni li nkun lura d-dar fejn nappartjeni.”
Il-messaġġ tiegħi llum huwa b’mod speċjali għal dawk kollha li darba ħassew l-ispirtu imma jiddubitaw jekk hemmx triq lura jew post għalik fil-Knisja restawrata ta’ Ġesù Kristu. Huwa wkoll għal kull min mhuwiex konvint jew forsi qed jitħajjar iwarrab.
Dan il-messaġġ mhux sfida, u mhux kundanna. Huwa stedina, estiża bl-imħabba u bix-xewqa sinċiera li tilqgħek lura fid-dar spiritwali tiegħek.
Tlabt li int tħoss ix-xhieda tal-Ispirtu s-Santu hekk kif issa qed tisma’ din l-istedina mimlija mħabba u wegħda manjifika mis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu:
“Intom lesti li terġgħu lura għandi u tindmu minn dnubietkom u tikkonvertu, sabiex jiena nkun nista’ nfejjaqkom?
Kull ġimgħa ħafna qed iwieġbu għall-istedina tas-Salvatur billi jerġgħu lura għad-dixxipulat u l-attività tal-Knisja, filwaqt li bil-kwiet u bl-umiltà kollha jfittxu l-fejqan li Ġesù jwiegħed U kuntrarju għan-narrattivi li kultant jiċċirkolaw, numri rekord taż-żgħażagħ tagħna qed jagħżlu li jibqgħu b’saħħithom u li jkabbru l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu.
Meta xi wħud mis-segwaċi ta’ Ġesù f’Kafarnahum sabu t-tagħlim tiegħu iebes u għażlu li jitilqu, Hu dar fuq l-Appostli tiegħu u staqsa, “Se titilqu intom ukoll?”
Din hija l-mistoqsija li rridu nwieġbu kull wieħed u waħda minna hekk kif niffaċċjaw iż-żminijiet individwali tal-prova tagħna. It-tweġiba ta’ Pietru lil Ġesù għandha qawwa li tiżboq iż-żmien: “Għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.”
Allura, hekk kif tikkunsidra l-istedina tas-Salvatur biex tmur lura għandu, x’għandek mnejn titgħallem mill-istorja tas-siġra taż-żafżafa?
-
Ħafna drabi l-vjaġġ lura ma jkunx faċli jew komdu, imma huwa vallapena. Meta ż-żafżafa tagħna kienet tqum bilwieqfa, il-friegħi kollha tagħha kienu jinqatgħu. Ma kenitx ħaġa faċli! Aħna wkoll nistgħu nħossuna vulnerabbli hekk kif narmu modi qodma u ninżgħu mill-kburija. Li tiffoka l-fidi tiegħek fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu—it-tromba u l-għeruq—se jagħtik it-tama u l-kuraġġ li tagħmel dak l-ewwel pass lura.
-
Għaddew ħafna snin biex iż-żafżafa tagħna reġgħet kisbet is-saħħa u s-sbuħija li kellha qabel. Issa hija saħansitra aktar b’saħħitha u isbaħ minn qabel. Kun paċenzjuż hekk kif il-fidi u x-xiehda tiegħek tikber ukoll. Dan jinkludi li ma tiħux għalik b’kummenti bla ħsieb bħal “Fejn kont dawn is-snin kollha?”
-
Iż-żafżafa qatt ma kienet tibqa’ tgħix mingħajr kura u nutriment kontinwu. In-nutriment tal-fidi u xhieda tiegħek hija il-festa fuq il-mejda tas-sagrament kull ġimgħa u kif inti tqim fid-dar tal-Mulej.
-
Bħalma ż-żafżafa kellha bżonn ix-xemx għall-friegħi tagħha u weraq biex terġa’ tikber, hekk ukoll ix-xhieda tiegħek tikber hekk kif tibqa’ sensittiv għas-sentimenti u x-xhieda tal-Ispirtu. Tgħallem mingħand Amulek, li ddeskriva lż-żmien tiegħu bħala membru inqas attiv billi qal, “ġejt imsejjaħ ħafna drabi u ma kontx se nisma’.”
-
Il-ġar tiegħi kien jaf x’tista’ terġa’ ssir iż-żafżafa. Hekk ukoll il-Mulej jaf il-potenzjal divin tiegħek u x’tista’ ssir il-fidi tiegħek u x-xhieda tiegħek. Qatt mhu se jaqta’ qalbu minnek. Permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, dak kollu li jinkiser jista’ jitfejjaq.
Jiena xhud li hemm il-ferħ fis-sema mar-ritorn ta’ wieħed minnha. Hemm bżonnok, int maħbub. Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna u li Hu jbierek lil dawk kollha li jerġgħu lura lejh b’paċi akbar u b’ferħ kbir. Dirgħajh tal-ħniena ma jintrabtux imma jinfetħu u jiġġebddu għalik. Mhux tard wisq għalik li tiġi lura. Bl-imħabba kollha f’qalbna, nilqgħuk id-dar. F’isem Ġesù Kristu, ammen.