Konferenza Ġenerali
Żmien it-Tiġdid Kollu
Konferenza ġenerali April 2025


Żmien it-Tiġdid Kollu

(Atti 3:21)

L-aktar “bxara t-tajba” importanti u glorjuża huwa l-messaġġ li l-Mulej Ġesù Kristu rrestawra l-evanġelju u l-Knisja tiegħu fl-aħħar żminijiet.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġiet organizzata bħal-lum 195 sena, nhar is-6 ta’ April, 1830.

Ġemgħa żgħira ta’ fidili u ħbieb inġabru flimkien għal din l-okkażjoni sinifikanti u ta’ ferħ. L-Ispirtu bierek bil-kbir lil dawk kollha li attendew hekk kif ġiet amministrata l-ordinanza tas-sagrament, ingħata d-don tal-Ispirtu s-Santu, u ġew imwettqa ordinazzjonijiet għas-saċerdozju, u ġie mxandar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Biex iwaqqaf mill-ġdid il-Knisja tiegħu, il-Mulej ħatar permezz tar-rivelazzjoni lil Joseph Smith, li kellu 24 sena, bħala l-mexxej tagħha fuq l-art: “Veġġent, traduttur, profeta, appostlu ta’ Ġesù Kristu, u presbiteru tal-knisja permezz tar-rieda ta’ Alla l-Missier, u bil-grazzja tal-Mulej tagħkom Ġesù Kristu.”

Jiena tlabt bil-ħerqa għall-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu hekk kif aħna bdejna nikkunsidraw l-importanza u l-impatt kontinwu ta’ dan l-avveniment uniku fl-istorja tad-dinja.

L-Ewwel Dehra

L-organizzazzjoni formali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien kienet il-kulminu ta’ segwenza ta’ esperjenzi mirakolużi. L-ewwel fost dawn l-esperjenzi seħħet 10 snin qabel fit-tramuntana ta’ New York.

Fir-rebbiegħa tal-1820, tfajjel jismu Joseph Smith mar fil-masġar li kien hemm qrib id-dar tiegħu biex jitlob. Huwa kellu ċerti mistoqsijiet dwar is-salvazzjoni ta’ ruħu, u huwa xtaq ikun jaf “liema fost il-knejjes kollha kienet it-tajba, ħalli jkun jista’ jingħaqad magħha.” Joseph ittama li l-Mulej kien se jisma’ talbu u jidderiġih.

Jekk jogħġobkom innutaw li Joseph ma talabx sempliċiment biex ikun jaf x’kien dak li hu sewwa. Pjuttost, huwa talab biex ikun jaf x’inhu sewwa ħalli jkun jista’ jagħmel dak li hu sewwa. Joseph talab b’fidi u kien determinat li jaġixxi skont it-tweġiba li jirċievi.

“B’risposta għat-talba tiegħu, Alla l-Missier u ibnu, Ġesù Kristu, dehru lil Joseph u inawguraw ‘it-tiġdid kollu’ (Atti 3:21) kif kien imbassar fil-Bibbja. F’din il-viżjoni, huwa tgħallem li wara l-mewt tal-Appostli oriġinali, il-Knisja ta’ Kristu tat-Testment il-Ġdid kienet osfrot mid-dinja.” Joseph Smith kien se jkun strumentali biex jiġu rrestawrati għal darb’oħra d-duttrina, l-awtorità, u l-patti u l-ordinanzi tal-knisja tal-qedem tas-Salvatur.

L-Ewwel Dehra.

Joseph qal “Jiena rajt żewġ Personaġġi weqfin fuqi fl-arja, li d-dija u l-glorja tagħhom diffiċli tiddeskriviha. Wieħed minnhom kellimni, sejjaħli b’ismi u, filwaqt li wera b’idu lill-ieħor, qal—Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!

Permezz ta’ din id-dehra u l-esperjenzi divini li ġew wara, Joseph Smith seta’ jagħraf li Alla u Ġesù Kristu kienu jafuh bħala individwu, kien jimpurtahom mis-salvazzjoni ta’ dejjem tiegħu, u kellhom missjoni għalih xi jwettaq. Huwa tgħallem ukoll lezzjonijiet importanti dwar il-kwalitajiet, il-karattru, u l-perfezzjoni tad-Divinità— u li l-Missier u l-Iben huma Esseri separati u distinti. Ġesù Kristu huwa l-Iben litterali ta’ Alla fl-ispirtu u fil-ġisem.

Joseph Smith iddikjara li l-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu huma esseri korporali. Huwa qal, “Il-Missier għandu ġisem tad-demm u l-għadam, tanġibbli daqs tal-bniedem; l-Iben l-istess; iżda l-Ispirtu s-Santu m’għandux ġisem tad-demm u l-għadam, iżda huwa personaġġ ta’ Spirtu.”

Jiena nixhed li ż-żjara tal-Missier u l-Iben lil Joseph Smith kienet il-ġrajja tal-bidu fil-kbir “tiġdid kollu li tkellmu dwaru l-profeti qaddisa tiegħu sa mill-bidu tad-dinja.”

Il-Ktieb ta’ Mormon

It-tieni fis-segwenza ta’ esperjenzi mirakolużi li wasslu għall-organizzazzjoni formali tal-Knisja rrestawrata tas-Salvatur kienet it-traduzzjoni u l-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon.

Il-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu.

“Aħna nixhdu wkoll li Joseph Smith ingħata d-don u l-qawwa ta’ Alla biex jittraduċi annali antiki: il-Ktieb ta’ Mormon—Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu. … Dan it-test sagru jinkludi rakkont tal-ministeru personali ta’ Ġesù Kristu fost nies fl-Emisfera tal-Punent ftit wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet. [Il-Ktieb ta’ Mormon] jgħallem dwar l-għan tal-ħajja u jispjega d-duttrina ta’ Kristu, li hi fil-qofol ta’ dak l-għan. Bħala skrittura li takkumpanja l-Bibbja, il-Ktieb ta’ Mormon jixhed li l-bnedmin kollha huma wlied Missier fis-Smewwiet kollu mħabba, li Hu għandu pjan divin għal ħajjitna, u li ibnu, Ġesù Kristu, jitkellem illum ukoll kif għamel fi żmien il-qedem.”

Bħala membri tal-Knisja rrestawrata tas-Salvatur, “Aħna nemmnu li l-Bibbja hija l-kelma ta’ Alla sakemm hija tradotta b’mod korrett; nemmnu wkoll li l-Ktieb ta’ Mormon huwa il-kelma ta’ Alla.” Il-Ktieb ta’ Mormon huwa testment ieħor ta’ Ġesù Kristu, li jikkonferma l-verità tal-Bibbja, u jirrestawra l-veritajiet sempliċi u prezzjużi li kienu ntilfu mill-Bibbja.

Saċerdozju Rrestawrat

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tgħallem li l-Knisja oriġinali mwaqqfa mis-Salvatur, bl-awtorità divina, bid-duttrina u bil-patti u l-ordinanzi, ma baqgħetx aktar fuq l-art. Bħala parti mir-restawrazzjoni mbassra ta’ kull ħaġa fl-aħħar żminijiet, profeti u appostli tal-qedem taw l-awtorità tas-saċerdozju lil Joseph Smith u għaddewlu ċerti mfietaħ tas-saċerdozju. Din kienet it-tielet fis-segwenza fost l-esperjenzi mirakolużi li wasslu għall-organizzazzjoni formali tal-Knisja rrestawrata tas-Salvatur.

L-awtorità tas-saċerdozju tagħti ċ-ċans li l-qaddejja ta’ Alla “jirrappreżentawh u jaġixxu f’ismu.” “L-imfietaħ tas-saċerdozju huma l-awtorità li wieħed jidderieġi l-użu tas-saċerdozju f’isem ulied Alla.”

Restawrazzjoni tas-saċerdozju.

Taħt id-direzzjoni tal-Missier u l-Iben, Ġwanni l-Battista mqajjem mill-imwiet irrestawra l-awtorità li tgħammed b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet fl-1829. F’dik l-istess sena, tlieta mit-tnax-il Appostlu oriġinali—Pietru, Ġakbu u Ġwanni—irrestawraw l-appostolat u l-imfietaħ tal-awtorità tas-saċerdozju.

Sitt snin wara l-organizzazzjoni formali tal-Knisja, fit-Tempju ta’ Kirtland, Mosè, Elijas, u Elija fdaw f’idejn Joseph l-awtorità neċessarja oħra biex tiġi mwettqa l-ħidma ta’ Alla fl-aħħar żminijiet.

Mosè ta l-imfietaħ tal-ġabra f’Iżrael.

Elijas ta l-imfietaħ tad-dispensazzjoni tal-evanġelju ta’ Abraham, li tinkludi fiha r-restawrazzjoni tal-patt ta’ Abraham.

Elija ta l-imfietaħ tal-qawwa tas-siġill, ipprovda l-awtorità li twassal biex ordinanzi li jitwettqu fuq l-art jibqgħu jgħoddu fl-eternità, bħall-għaqda tal-familji flimkien f’relazzjonijiet eterni li jmorru lilhinn mill-mewt.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu Ġiet Organizzata

Hekk kif Joseph Smith ittraduċa l-Ktieb ta’ Mormon, huwa rċieva rivelazzjonijiet li ndikaw li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu kienet se terġa’ titwaqqaf mill-ġdid. Iżda l-Mulej qal lil Joseph biex ma jorganizzax il-Knisja tiegħu b’mod immedjat. Minflok, “ permezz tal-ispirtu tal-profezija u r-rivelazzjoni” il-Mulej żvela lil Joseph “il-jum preċiż … li huwa kellu jorganizza l-Knisja tiegħu għal darb’oħra fuq l-art.”

Il-Knisja ġiet organizzata f’segwenza xierqa biss wara r-restawrazzjoni tas-saċerdozju u l-pubblikazzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon. L-ewwel kopji tal-Ktieb ta’ Mormon kienu disponibbli nhar is-26 ta’ Marzu, 1830, u l-Knisja ġiet organizzata b’mod formali nhar is-6 ta’ April.

Is-Salvatur Ġesù Kristu.

“Il-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Zmien … hija l-Knisja rrestawrata ta’ Kristu tat-Testment il-Ġdid. Din il-Knisja hi ankrata mal-ħajja perfetta tal-ġebla tax-xewka tagħha, Ġesù Kristu, u mal-Espjazzjoni infinita u l-Qawmien mill-Imwiet letterali tiegħu. Ġesù Kristu għal darb’oħra reġa’ sejjaħ Appostli u tahom l-awtorità tas-saċerdozju. Hu jistieden lilna lkoll biex nersqu lejh u lejn il-Knisja tiegħu, biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu, l-ordinanzi tas-salvazzjoni, u niksbu l-hena li tibqa’ għal dejjem.”

Id-Dispensazzjoni tal-Milja taż-Żminijiet

Id-dehra tal-Missier u l-Iben lil Joseph Smith, it-traduzzjoni u l-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon, u r-restawrazzjoni tal-awtorità u l-imfietaħ tas-saċerdozju kienu prerekwiżiti neċessarji għall-organizzazzjoni tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej bħal-lum 195 sena.

Fit-Testment il-Qadim, il-profeta Danjel interpreta ħolma dwar ġebla li nqatgħet minn muntanja bla ma messha ħadd, li se timla d-dinja kollha. Sena wara l-organizzazzjoni tal-Knisja, il-Mulej qal lil Joseph Smith li l-imfietaħ tas-saltna ta’ Alla kienu reġgħu ġew “mogħtija lill-bniedem fuq l-art” u “l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kien se jinfirex sat-truf id-dinja bħall-ġebla li nqatgħet bla ma messha ħadd.”

Jiena nixhed: Il-Mulej qed iġib fis-seħħ il-wegħda tiegħu. Il-Knisja rrestawrata tas-Salvatur qed tiġi mwaqqfa madwar id-dinja u hija l-istrument li bih Alla sejjer “jara li kollox jinġabar taħt ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art.”

Il-ħidma tal-Mulej fl-aħħar żmien “hija kawża li interessat lill-poplu ta’ Alla f’kull żmien; hija tema li bi pjaċir tkellmu dwarha profeti, qassisin u slaten; huma ħarsu ’l quddiem b’ferħ u antiċipazzjoni lejn il-jum li fih qed ngħixu; u mimlija b’antiċipazzjoni divina u ferrieħa huma kantaw u kitbu u bassru dwar dawn iż-żminijiet tagħna.”

F’din l-akbar u l-aħħar dispensazzjoni fost id-dispensazzjonijiet kollha tal-evanġelju, “se sseħħ għaqda sħiħa, kompluta u perfetta, li se ġġib flimkien id-dispensazzjonijiet, l-imfietaħ, il-qawwiet, u l-glorji kollha, u se tkun żvelata minn żmien Adam sewwasew sa żmienna. U mhux hekk biss, iżda dawk il-ħwejjeġ li qatt ma ġew żvelati sa mill-ħolqien tad-dinja … sejrin jiġu żvelati … f’din, id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.”

Il-Profeta Joseph spjega f’aktar dettall, “L-ordinanzi u d-dmirijiet kollha li qatt kienu meħtieġa mis-Saċerdozju, taħt id-direzzjoni u l-kmandamenti ta’ Dak li Jista’ Kollox f’kull dispensazzjoni, sejrin jingħaqdu flimkien fl-aħħar dispensazzjoni … u se jġibu fis-seħħ ir-restawrazzjoni li tkellmu dwarha l-Profeti qaddisa kollha.”

Wegħda u Testimonjanza

Jiena ppruvajt nsemmi fil-qosor l-elementi bażiċi tal-aktar “aħbar tajba” imprtanti u glorjuża” li xi persuna madwar id-dinja kollha qatt jista’ jirċievi—il-messaġġ li l-Mulej Ġesù Kristu rrestawra l-evanġelju u l-Knisja tiegħu fl-aħħar żminijiet.

Nistedinkom ilkoll biex titgħallmu dwar dan il-messaġġ u taraw li huwa veru. Inwegħidkom li l-individwi “li bl-għajnuna tat-talb jistudjaw il-messaġġ tar-Restawrazzjoni u jaġixxu b’fidi, ikunu mberkin bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jiksbu x-xhieda personali tagħhom tad-divinità tiegħu u tal-għan tiegħu li jħejji d-dinja għall-imwiegħda Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.” Hekk kif intom titolbu bil-ħerqa bl-istennija li tirċievu u taġixxu skont it-tweġiba li tirċievu mingħand Alla, kif għamel it-tfajjel Joseph Smith, il-kapaċità tagħkom li tagħrfu u twieġbu għal dik ix-xhieda divina tikber.

Jiena nagħti xhieda li Alla l-Missier Etern hu Missierna. Nixhed li Ġesù Kristu huwa l-Iben il-Maħbub tal-Missier u l-Iben il-Waħdieni tiegħu fil-ġisem. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna.

U jien nixhed b’ferħ li l-Missier u l-Iben dehru lit-tfajjel Joseph Smith, u b’hekk taw bidu għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fl-aħħar żminijiet. Il-Ktieb ta’ Mormon hu testment ieħor ta’ Ġesù Kristu u fih insibu l-kelma ta’ Alla. L-awtorità tas-saċerdozju biex wieħed jirrappreżenta lis-Salvatur u jaġixxi f’ismu reġgħet tinsab fuq l-art. U l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija l-Knisja rrestawrata ta’ Kristu tat-Testment il-Ġdid. Jiena niddikjara ix-xhieda ċerta tiegħi li dawn il-ħwejjeġ kollha huma vera fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, ammen.