Il-Fidi: Relazzjoni ta’ Fiduċja u Lealtà
Il-fidi tikber hekk kif aħna nafdaw f’Ġesù Kristu u tiffjorixxi hekk kif nkunu fidili u leali lejh.
Meta kelli 17, wegħidt lil sieħbi José Luis li jien kont se ngħallmu kif jgħum. Għalhekk għodwa waħda aħna qattajna ftit ħin nipprattikaw. Fi tmiem il-lezzjoni tagħna waqt li jiena kont ħiereġ mill-pixxina, smajt lil sieħbi jgħajjat għall-għajnuna. Huwa kien qed jegħreq fin-naħa fonda tal-pixxina.
Jiena nxħedt fl-ilma u għomt lejn fejn kien jinsab waqt li kien qed jitlob l-għajnuna. Hekk kif qbatlu idu biex niġbdu lejn il-wiċċ, il-ħabib mifxul tiegħi tela’ fuq dahari u ggranfani minn għonqi. Issa bdejna negħrqu t-tnejn li aħna. Waqt li ppruvajt nagħmel li stajt biex nitilgħu fil-wiċċ, jien bdejt nitlob bil-qawwa tiegħi kollha għal xi miraklu minn Alla. Imbagħad, bilmod iżda b’ċerta konsistenza, jien stajt naraw il-qawwa ta’ Alla hekk kif ħassejt id tiġbidni lejn in-naħa baxxa tal-pixxina li resqitna ’l bogħod mill-periklu.
Din l-esperjenza kkonfermat miegħi lezzjoni profonda li darba għallem il-President Russell M. Nelson: “Meta intom tippruvaw taċċessaw il-qawwa tal-Mulej f’ħajjitkom bl-istess intensità li bniedem li jkun qed jegħreq jara x’jagħmel biex ikun jista’ jieħu l-arja u jitlob għall-għajnuna, imbagħad intom verament tkunu tistgħu tirċievu din il-qawwa mingħand Ġesù Kristu.”
Għeżież tfal u żgħażagħ, illum nixtieq inkellimkom dwar il-prinċipju essenzjali tal-fidi f’Ġesù Kristu.
Il-Fidi fi Kristu Tfisser li Nafdaw Fih
Xi tfisser li jkollok il-fidi fi Kristu? Tfisser li nemmnu fih jew li jkollna testimonjanza li Huwa reali? Dan jaf ikun bidu tajjeb, iżda tfisser aktar minn hekk. Il-fidi ġieli ħaristu lejna li tfisser fiduċja? Aħsbu ftit dwar l-aktar persuna li tafdaw—forsi xi membru tal-familja jew xi ħabib. Għalfejn tafdawhom? Jista’ jkun għax intom esperjenzajtu b’mod kostanti l-imħabba u l-għajnunatagħhom.
Meta jkollna l-fidi fi Kristu, aħna nagħrfu barkietu u niżviluppaw relazzjoni ta’ fiduċja miegħu.
Kif Tistgħu Tkabbru l-Fiduċja Tagħkom fi Kristu?
Waqt devozzjonali riċenti għaż-żgħażagħ, intom ġejtu mistiedna sabiex timmeditaw fuq xi żmien meta intom irċevejtu raġġ ta’ dawl divin f’ħajjitkom. Ippruvaw ftit dan l-eżerċizzju!
Ibdew billi timmeditaw dwar Kristu u l-ferħ li l-Espjazzjoni u l-evanġelju tiegħu jġibu f’ħajjitkom. Agħmlu wkoll lista ta’ “memorji li jiddefinixxukom spiritwalment” fejn Alla kien hemm għalikom, għall-maħbubin tagħkom, u għan-nies fl-iskrittura. Issa, dawn it-testimonjanzi mhuma se jġibulkom l-ebda qawwa f’ħajjitkom qabel ma l-Ispirtu jnaqqaxhom fuq “it-twavel tal-laħam” ta’ qalbkom. Għalhekk xtarru u żommu rendikont tal-pjanijiet li Alla fassal u wettaq għalikom biex dawn il-mirakli ġew fis-seħħ fil-ħin opportun.
Imbagħad, użaw dan l-eżerċizzju bħala opportunità biex tersqu aktar qrib Alla. Itolbu lil Missierkom fis-Smewwiet qiskom qed titolbuh għall-ewwel darba. Esprimu l-imħabba u l-gratitudni tagħkom għal barkietu. Staqsuh ukoll kif Huwa jħossu dwarkom u dwar id-direzzjoni li sejra fiha ħajjitkom.
Jekk tagħmlu dan b’sinċerità u b’umiltà, intom tisimgħuh iweġibkom u tibdew relazzjoni personali u dejjiema mal-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. Mhux hekk biss, iżda d-drawwiet reliġjużi tagħkom jibdew jagħmlu sens! Per eżempju, intom tibdew tħarsu ’l quddiem għal ħin it-talb, għall-istudju personali, u għall-qima fit-tempju tagħkom bħala opportunitajiet li ssiru tafuhom u tqattgħu ħin magħhom.
Il-Fidi Tiffjorixxi permezz tal-Lealtà
Innutaw li l-fidi tikber hekk kif aħna nafdaw f’Ġesù Kristu u tiffjorixxi hekk kif nkunu fidili u leali lejh. Jekk tridu li jkollkom relazzjoni vera ma’ Kristu, uruh dan billi tagħmlu l-patti u tonorawhom permezz tal-fedeltà u l-lealtà. Li nagħmlu l-patti ma’ Ġesù Kristu jgħinna nibnu t-tama. Li nonorawhom jgħinna nibnu l-fidi.
Ippermettuli nużaw eżempju personali: Darba waħda meta kont għadni tifel, kont sibt lil ommi tibki weħidha. Meta staqsejtha għaliex, bil-ħlewwa qaltli, “Irridek li tkun tifel tajjeb.” Minkejja li kont naf li jien ma kontx ir-raġuni għaliex bdiet tħossha daqstant imnikkta, jien kont inħobb u nafda lil ommi aktar minn kulħadd u ridt nagħmel ħajjitha anqas diffiċli. Għalhekk, bid-dmugħ f’għajnejja u bis-solennità kollha li kapaċi juri tifel ta’ disa’ snin, jiena dakinhar wegħidtha li jien dejjem kont se nagħmel li nista’ biex inkun l-aqwa iben u li hi tkun kburija bija.
Tistgħu timmaġinaw il-qawwa li dik il-wegħda kellha—u għad għandha—fuqi?
Dik il-wegħda li għamilt magħha kienet se tkun il-gwida ta’ ħajti. Qabel nieħu xi deċiżjoni, jien nikkunsidra jekk l-għemejjel tiegħi humiex se jogħġbuha. Ir-rabta li hemm bejn din il-wegħda u r-relazzjoni ma’ ommi kienu l-ankri għall-imġiba tiegħi tul ħajti.
Snin wara, hekk kif sirt naf lil Ġesù Kristu aħjar, stajt nagħraf diġà kif kelli nibbaża l-fidi tiegħi fih. Jien għamilt ċerti patti mal-Mulej, u hekk kif ippruvajt nonorahom, Huwa ħafirli dnubieti, kien ta’ gwida għal ħajti, u “mlieni b’imħabbtu” fil-fond ta’ qalbi. Kristu rawwem fija mħabba, rispett, u lealtà mill-aktar profondi lejh.
Tifhmu għalfejn “il-fidi hija prinċipju ta’ għemil” u li “mingħajr il-fidi impossibbli li nogħġbu ’l Alla”?
Hekk kif tippruvaw tagħmlu dak li jogħġob lilu, intom tgħidu bħal Ġużeppi fl-Eġittu meta ġie mġarrab mill-mara ta’ Putifar, “Kif nista’ nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” U meta tħabbtu wiċċkom mal-oppożizzjoni, intom tgħidu bħaż-żagħżugħ Profeta Joseph, “Jien kont naf dan, u kont naf li Alla kien jaf dan, u jien dan ma stajtx niċħdu; … kont naf li jekk nagħmel dan jiena noffendi ’l Alla.”
Għalhekk il-fidi f’Ġesù Kristu hija relazzjoni ta’ fiduċja msawra fil-lealtà u l-imħabba. Fi kliem ieħor, meta nuru l-gratitudni għall-imħabba ħanina ta’ Alla (hesed), aħna nuru l-imħabba leali tagħna (emunah) billi nħarsu l-kmandamenti tiegħu.
Kristu jwiegħed, “Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jħarishom … lilu l-Missier sejjer iħobb, u lilu jiena nħobb u nuri lili nnifsi lilu.” Jekk intom lesti li tkunu leali lejh, Huwa juru mħabbtu lejkom.
Il-Fidi Quddiem l-Avversità
Iżda kif għandkom taġixxu quddiem ċerti sitwazzjonijiet diffiċli li jeħtieġu l-mirakli tiegħu? Filwaqt li ċerti sfidi huma inevitabbli u xi kultant tal-biża’, jeħtieġ li tkomplu timxu b’kuraġġ lejh, kif tistedinkom tagħmlu t-tema tal-konferenza tal-GħSŻ 2025: “Ħarsu lejja f’kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.”
Kif Tistgħu Timxu b’Kuraġġ Lejh?
Immaġinaw li intom xi esploratur f’xi territorju li qatt ma ġie esplorat qabel. Biex tegħlbu l-ostakli li hemm quddiemkom, teħtieġu sors ta’ dawl. Il-fedeltà tagħkom lejn Alla u l-interazzjoni kostanti tagħkom miegħu huma ż-żejt għall-fanali tagħkom. Għalhekk meta intom issibu ma’ wiċċkom sitwazzjoni mudlama u perikoluża, minflok m’għandkom timxu lejha bl-għama, jeħtieġ li li taqbdu f’idejkom il-musbieħ mimli biż-żejt tal-fidi fi Kristu li jurikom xaqq ta’ tama fi triq mill-aktar inċerta. L-esperjenzi li diġà għaddejtu minnhom ikabbru t-tama tagħkom li l-Mulej sejjer isostnikom fil-vjaġġ tagħkom.
Kemm Tistgħu Timxu ’l Quddiem bit-Tama u l-Fidi Tagħkom fi Kristu?
Tiftakruha l-istorja tiegħi fil-pixxina? F’dak il-mument ta’ disprament, il-miraklu seħħ kif jien kont stennejt, iżda Alla mhux dejjem jiggarantixxi li dejjem se jseħħ skont ir-rieda tagħna. Il-fidi tagħna jeħtieġ li tkun iċċentrata fuq Kristu u fuq it-tama tagħna f’barkietu, kif Huwa jogħġbu li jibgħathomna. “Stennew il-mirakli,” iżda “ħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna.”
Il-Wegħdiet ta’ Alla lill-Poplu Fidil Tiegħu
Intom il-ħbieb tiegħi żgħażagħ, aħna tassew inħobbukom u nafdawkom! Intom tagħmlu parti mill-familja ta’ Alla u intom ulied il-patt. Emmnu u uru l-fiduċja tagħkom f’Ġesù Kristu. Huwa jwassalkom biex issiru verament id-dixxipli tiegħu.
Nistedinkom biex tibdew mil-lum trawmu r-relazzjoni tagħkom ma’ Ġesù Kristu. Ħudu deċiżżjoni li qatt ma intom se tabbandunawh.
Il-lealtà, l-imħabba, u l-fiduċja tagħkom fi Kristu sejrin ifasslu l-karattru u l-identità tagħkom fuq tiegħu. Intom tiksbu l-kunfidenza u l-qawwa biex tegħlbu l-attakki ta’ Satana. U meta tiżbaljaw, turu fikom xewqa kbira li tiksbu l-maħfra tiegħu. Finalment, it-tama tagħkom għall-ġejjieni se tkun waħda qawwija. Huwa sejjer jafdakom bil-qawwa tiegħu li twettqu dak kollu li Huwa jistenna minnkom, anke l-qawwa li terġgħu lura fil-preżenza tiegħu.
Nixhed magħkom dwar l-hena li tħossu meta nkantaw “l-għanja tal-imħabba feddejja” u meta nkunu “ninsabu mdawwar għal dejjem f’dirgħajn imħabbtu.” Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.