Agħmlu Kull Ma Jgħidilkom Hu
Meta aħna niddeċiedu li nagħmlu “kull ma jgħidilna Alla”, aħna nikkommettu ruħna b’ ħerqa biex naraw li l-imġieba tagħna ta’ kuljum tkun f’ armonija mar-rieda ta’ Alla.
Is-Salvatur wettaq l-ewwel miraklu Tiegħu li nafu bih fil-festa tat-tieġ ġewwa Kana tal-Galilija. Marija, ommu u d-dixxipli Tiegħu kienu hemm ukoll. Apparentament Marija ħassitha responsabbiltà xi ftit li l-festa tirnexxi. Matul iċ-ċelebrazzjoni, feġġet problema—il-padruni tat-tieġ kien spiċċalhom l-inbid. Marija nkwetat u marret fuq Ġesù. Huwa tkellmu għal ftit ħin; imbagħad Marija daret fuq il-qaddejja u qalet:
“Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.
“Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar. … [Dawn il-ġarar ma kinux jintużaw biex jaħżnu fihom l-ilma iżda kienu jintużaw għaċ-ċerimonji tal-ħasil skont il-liġi ta’ Mosè.]
“Ġesù qal lill-qaddejja, Imlew il-ġarar bl-ilma. U dawk imlewhom sax-xifer.
“Imbagħad qalilhom, Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda. U huma marru jagħtuhulu.
Imbagħad dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda … daq l-ilma mibdul fi nbid” u esprima s-sorpriża tiegħu li l-aqwa nbid tħalli għal ħin daqshekk tard fil-festa.
Normalment din il-ġrajja aħna niftakruha l-aktar minħabba li tittrasforma l-ilma f’ inbid kienet demostrazzjoni tal-qawwa ta’ Alla—kien miraklu. Dan hu messaġġ importanti, iżda hemm messaġġ importanti ieħor fir-rakkont ta’ Ġwanni. Marija kienet għamara magħżula u prezzjuża,” imsejħa minn Alla biex twelled, tieħu ħsieb u trabbi sewwasew lil Iben Alla. Hija kienet taf dwaru aktar minn kull bniedem ieħor fid-dinja. Hija kienet taf il-verità dwar it-twelid mirakoluż Tiegħu. Hija kienet taf li Huwa kien mingħajr dnub u li Hu “ma kienx jitkellem bħal irġiel oħra, lanqas ma seta’ jiġi mgħallem; għaliex huwa ma kellu bżonn l-ebda bniedem biex jgħallmu.” Marija kienet taf dwar il-kapaċità straordinarja Tiegħu li jsolvi l-problemi, fosthom waħda daqstant personali bħalma kienet li jipprovdi l-inbid fil-festa tat-tieġ. Hija kellha kunfidenza sħiħa fih u fil-qawwa divina Tiegħu. L-istruzzjoni mill-aktar sempliċi u diretta tagħha lill-qaddejja ma kellha l-ebda oppożizzjoni legali, l-ebda kwalifiċi, l-ebda limitazzjoni: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.”
Marija kienet għadha tfajla żagħżugħa meta dehrilha l-anġlu Gabrijel. Għall-ewwel hija “tħawdet” meta huwa sejħilha “mimlija bil-grazzja” u “mbierka … fost in-nisa … u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.” Gabrijel serrħilha moħħha li ma kellhiex għalfejn tibża’— huwa kien wasslilha aħbar tajba. Hija kienet se “tnissel f’ ġufha …lil Bin l-Għoli” u “jkollha iben … jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb.”
Marija staqsietu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”
L-anġlu spjegalha fil-qosor, fejn iddikjaralha li “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”
Marija wieġbet bl-umiltà kollha li hija kienet lesta tagħmel dak kollu li jitlobha Alla, mingħajr ma toqgħod tistaqsi biex tkun taf kull dettall u minkejja, bla dubju, il-ħafna mistoqsijiet li kellha dwar x’ implikazzjonijiet dan kien se jħalli f’ ħajjitha. Hija kkommettiet ruħha mingħajr ma kienet fehmet eżattament għalfejn Huwa kien qed jitlob dan minnha jew x’ kien se jiġri minnha. Hija aċċettat il-kelma ta’ Alla mingħajr kundizzjoni u mill-ewwel, minkejja li ftit li xejn kienet taf x’ kien se jiġri. B’ fiduċja sempliċi f’ Alla, Marija qalet, “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek.”
Meta aħna niddeċiedu li nagħmlu “kull ma jgħidilna Alla”, aħna nikkommettu ruħna b’ ħerqa biex naraw li l-imġieba tagħna ta’ kuljum tkun f’ armonija mar-rieda ta’ Alla. Dawn l-atti sempliċi ta’ fidi bħal li nistudjaw l-iskrittura kuljum, insumu regolarment, u nitolbu b’ intenzjoni ġenwina, iħaffru aktar fil-fond il-bir tagħna, mimli bil-kapaċità spiritwali li jlaħħaq mad-domandi tal-ħajja mortali. Maż-żmien, ċerti drawwiet ta’ twemmin sempliċi jwasslu għal riżultati mirakolużi. Jaslu biex lill-fidi tagħna, minn żerriegħa ċkejkna, jittrasformawha f’ qawwa mill-aktar dinamika għat-tajjeb f’ ħajjitna. Imbagħad, meta aħna niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja, l-għeruq tagħna fi Kristu jipprovdulna l-qawwa f’ ruħna. Alla jsaħħaħ id-dgħjufijiet tagħna, ikabbar il-ferħ tagħna u jwassal biex “kollox iseħħ għall-aħjar tagħna.”
Ftit tas-snin ilu, jiena tkellimt ma’ wieħed isqof żagħżugħ li kien qed iqatta’ sigħat sħaħ kull ġimgħa jikkunsilja mal-membri tal-qasam tiegħu. Huwa għamel osservazzjoni mill-aktar interessanti. Huwa qalli li l-problemi li kienu qed jiffaċċjaw il-membri tal-qasam tiegħu kienu dawk li kienu qed jiffaċċjaw il-membri tal-Knisja madwar id-dinja kollha—affarijiet bħal kif huma jista’ jkollhom żwieġ hieni; kif qed jippruvaw jibbilanċjaw id-dmirijiet tagħhom fuq ix-xogħol, fil-familja u fil-Knisja; ċerti sfidi li għandhom bil-Kelma tal-Għerf, bl-impjieg jew bil-pornografija; jew inkella li qed isibuha diffiċli jkollhom il-paċi fil-kuxjenza minħabba xi polisi tal-Knisja jew xi mistoqsijiet storiċi li forsi għadhom ma jistgħux jifhmu sew.
Il-kunsill tiegħu lill-membri tal-qasam ħafna drabi jinkludi li huma jmorru lura għad-drawwiet sempliċi tal-fidi, bħal li jistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon—kif ġejna mitlubin nagħmlu mill-President Thomas S. Monson—inħallsu d-dieċmi u naqdu fil-Knisja b’ devozzjoni. Ħafna drabi, madankollu, it-tweġiba li kienu jagħtuh kienet tkun waħda ta’ xettiċiżmu: “Jien ma naqbilx miegħek, O Isqof. Aħna lkoll nafu li dawk huma ħwejjeġ tajbin li għandna nagħmluhom. Aħna nitkellmu dwar dawk il-ħwejjeġ il-ħin kollu fil-Knisja. Iżda jiena mhux ċert jekk intix qed tifhimni. X’ għandu x’ jaqsam li jien nagħmel dawk il-ħwejjeġ mal-problemi li bħalissa jien qed niffaċċja?”
Għandhom punt. Maż-żmien, dak l-isqof żagħżugħ u jien osservajna li dawk li qed jiddeliberaw dwar li jwettqu “l-ħwejjeġ żgħar u sempliċi”—li jobdu fi ħwejjeġ li jidhru verament żgħar”—jiġu mberkin bil-fidi u bil-qawwa li jmorru lil hinn mill-istess atti ta’ ubbidjenza u, fil-fatt, jaf jidhru li mhuma xejn relatati magħhom. Jaf ikun diffiċli li naraw konnessjoni bejn l-għemejjel ta’ kuljum bażiċi ta’ ubbidjenza u s-soluzzjonijiet għall-problemi kbar u kkumplikati li nħabbtu wiċċna magħhom. Iżda fil-fatt huma relatati. Mill-esperjenza tiegħi, li jirnexxilna nwettqu d-drawwiet sempliċi tagħna ta’ kuljum hija l-aqwa mod kif aħna nistgħu nsaħħu lilna nfusna kontra l-inkwiet tal-ħajja, jiġi meta jiġi. L-għemejjel żgħar ta’ fidi, anke meta jkunu jidhru li mhumiex daqstant sinifikanti jew inkella li m’għandhomx x’ jaqsmu mal-problemi speċifiċi li qed jinkwetawna, jispiċċaw biex iberkuna f’ dak kollu li nagħmlu.
Aħsbu ftit dwar Nagħam, “kmandant tal-eżerċtu ta’ … Aram, … raġel, li kien suldat qalbieni,” u imġiddem. Waħda tifla qaddejja semmiet wieħed profeta ġewwa Iżrael li seta’ jfejjaq lil Nagħam, u għalhekk huwa vjaġġa flimkien ma’ skorta magħmula minn qaddejja, suldati u rigali fi triqthom lejn Iżrael, fejn eventwalment huma waslu fid-dar ta’ Eliżew. Il-qaddej ta’ Eliżew, mhux Eliżew innifsu, infurmaw lil Nagħam li dak li ried minnu l-Mulej kien li “jmur jinħasel seba’ darbiet fix-xmara Ġordan.” Ħaġa sempliċi. Jista’ jkun li din il-preskrizzjoni sempliċi għal gwerrier mill-aktar setgħan dehret bħala ħaġa verament illoġika, banali jew redikola, tant li spiċċa biex huwa ħares lejn dan id-daqsxejn ta’ suġġeriment bħala offiża. Li kien żgur kien li l-istruzzjoni ta’ Eliżew ma kenitx tagħmel sens għal Nagħam, “U dar u telaq b’saħna.”
Iżda l-qaddejja ta’ Nagħam marru jkellmuh bil-ħlewwa u osservaw li huwa kien jasal jagħmel “xi ħaġa kbira” li kieku Eliżew talbu jagħmel dan. Huma nnutaw li peress li huwa kien mitlub jagħmel xi ħaġa daqstant sempliċi, ma kienx jaqbillu jagħmel dan, saħansitra anke jekk ma kienx jista’ jifhem sew ir-raġuni ta’ dan? Nagħam reġa’ kkunsidra r-reazzjoni tiegħu u forsi b’ mod daqsxejn xettiku, iżda b’ mod ubbidjenti, “huwa … niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet” u fieq b’ mod mirakoluż.
Kultant naraw ir-riżultat tal-ubbidjenza tagħna b’ mod immedjat; drabi oħra naraw ir-riżultat wara li aħna niġu ppruvati. Fil-Ġawhra ta’ Valur Kbir, naqraw dwar id-diliġenza kontinwa ta’ Adam biex iżomm il-kmandament li joffri s-sagrifiċċju tiegħu. Meta l-anġlu staqsa lil Adam għalfejn huwa kien qed joffri s-sagrifiċċji, huwa wieġeb, “Jien ma nafx, ħlief li għax il-Mulej talabni nagħmel dan.” L-anġlu spjegalu li s-sagrifiċċji tiegħu kienu “xbieha tas-sagrifiċċju tal-Imnissel Waħdieni tal-Missier.” Iżda dik it-tifsira waslet biss wara li Adam kien wera l-impenn tiegħu li jobdi lill-Mulej għal “żmien twil” mingħajr ma kien jaf għalfejn huwa kien mitlub joffri dawk is-sagrifiċċji.
Alla dejjem iberikna għall-ubbidjenza kontinwa tagħna għall-evanġelju Tiegħu u għal-lealtà tagħna lejn il-Knisja Tiegħu, iżda Huwa rari ħafna jurina minn qabel meta jkollu f’ moħħu li jberikkna. Huwa ma juriniex l-istampa sħiħa mill-ewwel. Huwa sewwasew hawn fejn ikollna bżonn il-fidi, it-tama u l-fiduċja fil-Mulej.
Alla jitlobna nistabru ftit Miegħu—nafdawh u nimxu warajh. Huwa jitlobna bil-ħerqa biex “ma nargumentawx għaliex ma narawx.” Huwa jwissina li m’għandniex nistennew risposti faċli jew soluzzjonijiet ta’ malajr mis-smewwiet. L-affarijiet iseħħu meta aħna nieqfu sodi waqt il-prova tal-fidi tagħna,” tkun kemm tkun diffiċli l-isfida li jkollna niffaċċjaw jew ikun kemm ikun twil iż-żmien li ndumu nistennew tweġiba għal talbna. Jiena mhux qed nitkellem dwar “ubbidjenza għamja” iżda dwar kunfidenza sħiħa fl-imħabba perfetta u l-ħin perfett tal-Mulej.
Il-prova tal-fidi tagħna dejjem tinvolvi fiha li aħna nibqgħu leali lejn id-drawwiet sempliċi ta’ fidi li aħna nwettqu ta’ kuljum. Jekk nagħmlu dan, u hu biss jekk nagħmlu dan, li Huwa jwegħidna li aħna nirċievu dik it-tweġiba divina li nkunu ilna nistennew. Huwa biss meta aħna nkunu ttestjajna r-rieda tagħna li nagħmlu dak li Huwa jitlob minna mingħajr ma noqogħdu nistaqsu meta, għalfejn u kif aħna “ingawdu mill-barkiet tal-fidi tagħna, tad-diliġenza tagħna u tal-paċenzja u s-sabar tagħna.” Il-vera ubbidjenza taċċetta l-kmandamenti ta’ Alla mingħajr kundizzjoni u minn qabel.
Kuljum, kemm jekk kuxjenzjożament kemm jekk le, aħna lkoll nagħżlu “lil min se naqdu.” Aħna nuru d-determinazzjon tagħna li nservu lill-Mulej billi b’ fedeltà nwettqu kuljum għemejjel ta’ devozzjoni. Il-Mulej iwiegħed li jiggwidana fit-triq li nimxu fiha, iżda biex Huwa jagħmel dan, jeħtieġ li aħna nimxu waqt li nafdaw li Huwa jaf it-triq għaliex Hu huwa “it-triq.” Jeħtieġ li aħna nimlew il- ġarar tagħna sax-xifer. Meta aħna nafdaw fih u nimxu warajh, ħajjitna tinbidel kif inbidel l-ilma f’ inbid. Aħna nsiru xi ħaġa aktar u aħjar milli kieku aħna qatt nistgħu nsiru. Afdaw fil-Mulej, u “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.” F’ isem Ġesù Kristu, amen.