Ittama fil-Mulej u Tixxaqlibx
Aħna nistgħu niċċentraw ħajjitna fuq is-Salvatur billi nsiru nafuh, u Huwa jidderiiġi triqatna.
Darba waħda meta kont qed nivvjaġġa fl-Asja ġiet fuqi waħda oħt għażiża. Hija għannqitni u staqsietni, “Int temmen verament li dan l-evanġelju huwa veru?” Għażiża oħti, jiena naf li hu veru. Jiena nafda fil-Mulej.
Fil- Proverbji 3:5–6, naqraw dan il-kunsill:
“Ittama fil-Mulej b’ qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.
“Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”
F’ din l-iskrittura nsibu żewġ kunsilli, twiddiba u wegħda glorjuża. Iż-żewġ kunsilli: “Ittama fil-Mulej b’ qalbek kollha” u “fih aħseb f’kull ma tagħmel.” It-twissija: “Tafdax fl-għaqal tiegħek.” U l-wegħda glorjuża: “Hu jwittilek triqatek.”
Ejjew l-ewwel niddiskutu t-twissija. Ippermettuli biex minflok tafdax nuża l-frażi xxaqlibx għax tispjega aħjar il-kelma bil-lingwa Ingliża. It-twissija qiegħda fil-kelma “tafdax” jew kif inhi tradotta mill-Ingliż “ixxaqlibx”—“ixxaqlibx lejn l-għaqal tiegħek.” Bl-Ingliż il-kelma ixxaqleb għandha konnotazzjoni ta’ timjila fiżika jew li tinxteħet fuq naħa waħda. Meta aħna fiżikament inxaqilbu lejn naħa jew oħra, aħna nitbiegħdu miċ-ċentru, aħna nitilfu l-bilanċ u nispiċċaw naqgħu lejn naħa waħda. Meta aħna spiritwalment inxaqilbu lejn l-għaqal tagħna, aħna nkunu qed nitbiegħdu mis-Salvatur tagħna. Jekk aħna nkunu qed nixxaqilbu, aħna ma nkunux ninsabu ċċentrati sewwa; aħna ma nkunux ibbilanċjati; aħna ma nkunux qed niffokaw fuq Kristu.
Ħuti, ftakru li fil-ħajja primortali tagħna aħna appoġġjajna lis-Salvatur. Aħna afdajnieh. Aħna semmajna leħinna biex nuru s-sapport, l-entużjażmu u l-ferħ tagħna għall-pjan ta’ ferħ li fassal għalina Missierna tas-Smewwiet. Aħna ma xxaqlibniex. Aħna ġġilidna permezz tat-testimonjanza tagħna, l-arma tagħna, u “ngħaqadna mal-forzi ta’ Alla, u dawk il-forzi ħarġu rebbieħa.” Din il-battalja bejn it-tajjeb u l-ħażin kompliet hawn fid-dinja. Għal darb’oħra aħna għandna r-responsabbiltà sagra li nieqfu bħala xhieda u nafdaw fil-Mulej.
Aħna għandna nistaqsu lilna nfusna: Kif jien nista’ nżomm ruħu ċċentrat u ma nxaqlibx lejn l-għaqal tiegħi? Kif nista’ nagħraf leħen is-Salvatur u nimxi warajh meta l-ilħna tad-dinja huma daqstant kompulsivi? Kif nista’ nikkultiva l-fiduċja fis-Salvatur?
Ippermettuli nissuġġerixxi tliet modi kif nistgħu nkabbru l-għarfien u l-fiduċja tagħna fis-Salvatur. Intom tindunaw li dawn il-prinċipji mhumiex xi ħaġa ġdida iżda huma s-sisien tagħna. Kull klassi tal-Primarja jkantaw dwarhom, jiġu mgħallmin fil-lezzjonijiet tat-Tfajliet u huma r-risposta għal ħafna mistoqsijiet fil-klassi tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Huma prinċipji ċċentrati—u mhux imxaqilbin.
L-ewwel, aħna nistgħu nsiru nafu l-Mulej u nafdaw fih hekk kif aħna “niffestiġġjaw fuq kliem Kristu; għax araw, kliem Kristu jgħidilkom dak kollu li għandkom tagħmlu.”
Ftit tax-xhur ilu aħna konna qed nistudjaw l-iskrittura bħala familja. In-neputi tiegħi ta’ sentejn kien jinsab bilqiegħda fuq riġlejja hekk kif konna qed naqraw flimkien. Jiena kont ninsab verament ingawdi l-irwol tiegħi bħala nanna, ngħożż iż-żjara li għamluli l-familja ta’ ibni.
Meta temmejna l-istudju tal-iskrittura tagħna, jiena għalaqt il-ktieb tiegħi. In-neputi tiegħi kien jaf li dalwaqt kien wassallu l-ħin biex imur jorqod. Huwa ħares ‘il fuq lejja bl-għajnejn żoroq u ħerqana tiegħu u qalli din il-verità eterna: “Aktar skrittura, Nanna.”
Ibni, ġenitur twajjeb u konsistenti, widdibni, “Ma, tismax minnu. Huwa sempliċiment qed jipprova jdum ma jmur fis-sodda.”
Iżda meta n-neputi tiegħi talabni biex naqraw aktar skrittura, aħna qrajna aktar skrittura! Aktar skrittura ddawwal l-imħuħ, issostni l-ispirti tagħna, twieġeb il-mistoqsijiet li jkollna, tkabbar il-fiduċja tagħna fil-Mulej u tgħinna niċċentraw ħajjitna fuq il-Mulej. “Ftakru biex tfittxu fihom b’ diliġenza, ħalli jkun jiswielkom.”
It-tieni, aħna nsiru nafu lill-Mulej u nafdawh permezz tat-talb. X’ barka li nkunu kapaċi nitolbu lil Alla tagħna! “Itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom.”
Għandi memorja ħelwa ta’ talba li ngħożż ħafna. Darba waħda meta konna waqafna mill-università minħabba l-vaganzi tas-sajf, jiena aċċettajt impjieg ġewwa Texas. Kelli nsuq mijiet ta’ mili minn Idaho sa Texas fil-karozza qadima tiegħi, karozza li b’ affezzjoni kont semmejtha Vern. Vern kienet mimlija sa ruħ ommha u jien kont lest għall-avventura l-ġdida tiegħi.
Jien u ħierġa mill-bieb, għannaqt lill-għażiża ommi u hi qaltli, “Ejjew ngħidu talba qabel titlaq.”
Aħna nżilna għarkubbtejna u ommi bdiet titlob. Hija talbet bil-ħerqa lil Missierna tas-Smewwiet biex iżommni ‘l bogħod mill-periklu. Hija talbet ukoll għall-karozza tiegħi mingħar arja kkundizzjonata, fejn talbet li l-karozza tibqa’ taħdem kif suppost. Hija talbet sabiex l-anġli jkunu miegħi matul is-sajf. Hija talbet u talbet u talbet.
Il-paċi li ħassejt wara dik it-talba tatni l-kuraġġ biex nafda fil-Mulej u ma nxaqlibx lejn l-għaqal tiegħi. Il-Mulej idderieġa l-passi tiegħi fil-ħafna deċiżjonijiet li jiena kelli nieħu matul dak is-sajf.
Hekk kif aħna nibdew id-drawwa li nduru lejn Missierna tas-Smewwiet fit-talb tagħna, aħna nsiru nafu aħjar lis-Salvatur. Nibdew nafdawh. Ix-xewqat tagħna jsiru jixbhu aktar lil Tiegħu. Aħna nkunu kapaċi niksbu għalina u għal ħaddieħor barkiet li Missierna tas-Smewwiet jinsab lest li jagħtina jekk aħna nitolbuh bil-fidi.
It-tielet, aħna nsiru nafu u nafdaw lill-Mulej hekk kif aħna naqdu lil ħaddieħor. Jiena se naqsam magħkom l-istorja li ġejja bil-permess ta’ Amy Wright, li tgħallmet tifhem il-prinċipju li sservi sewwasew anki fi żmien meta hija kienet qed tbati minn marda terribli li setgħet switilha ħajjitha. Amy kitbet:
“Fid-29 ta’ Ottubru, 2015, Jiena sibt li kelli l-marda tal-kanċer. Il-kanċer li qabadni, ir-rata li wieħed jibqa’ ħaj hija ta’ 17 fil-mija. Iċ-ċans li nibqa’ ħajja kien wieħed żgħir. Kont naf li kont se nħabbat wiċċi mal-battalja ta’ ħajti. Kont determinata li nagħmel dan b’ kuraġġ kbir mhux biss għalija nnifsi iżda, aktar importanti, għall-familja tiegħi. F’ Diċembru bdejt il-kimo. Jiena kont familjari mal-effett xejn sabiħ li tħalli l-mediċina li tiġġieled il-kanċer, iżda ma kontx naf jekk kienx possibbli li xi ħadd ikun daqshekk marid u jibqa’ ħaj.
“Kien hemm mument meta jiena ddikjarajt li l-kimoterapija kienet ksur tad-drittijiet umani. Għedt lil żewġi li ma ridtx inkompli. Kont qtajt qalbi! Ma kontx sejra aktar l-isptar. Fl-għerf kollu tiegħu, il-maħbub tiegħi baqa’ jismagħni bil-paċenzja kollha u mbagħad weġibni, ‘Sewwa, mela jeħtieġ li nsibu lil xi ħadd lest li jservi.’”
X’inhu? Mhux qed jinduna li martu kienet marida bil-kanċer u ma tiflaħx attakk ieħor ta’ dardir fl-istonku jew mument ieħor ta’ wġigħ enormi?
Amy tkompli biex tispjega: “Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar is-sintomi tiegħi bdew jeħżienu fejn f’ xahar kien ikollu forsi ġurnata jew tnejn li fihom kont inkun mhux ħażin meta b’xi mod kont inkun nista’ niffunzjona bħala mara ħajja li għadha tieħu n-nifs. Kien f’ dawk il-jiem meta bħala familja konna flimkien insibu modi kif nistgħu nservu.”
F’ waħda minn dawk il-ġranet, il-familja ta’ Amy bdew iqassmu pakketti ta’ faraġ lil pazjenti li kienu għaddejjin bil-kimo, pakketti mimlijin b’ affarijiet li setgħu jferrħuhom u jgħinuhom inaqqsu s-sintomi diffiċli li kienu qed jersperjenzaw. Meta Amy bdiet issibha diffiċli biex torqod, hija kienet tgħaddi l-ħin taħseb dwar modi kif hija setgħet tferraħ lil xi ħadd ieħor. Kultant kien jiġiha f’ moħħha xi ħaġa kbira, iżda bosta drabi kienu jkunu affarijiet żgħar bħal xi ftit kelmiet żgħar miktuba fuq biċċa karta jew inkella xi messaġġ bil-mowbajl ta’ inkuraġġiment u mħabba. F’ dawk l-iljieli meta l-uġigħ tagħha kien ikun kbir wisq biex torqod, hija kienet tinxteħet fis-sodda tagħha bl-ajped tagħha u tfittex biex tara jekk kienx jirnexxilha ssib xi ordinanzi li kien hemm bżonn jimtlew biex jitwettqu f’ isem l-antenati mejtin tagħha. B’ mod mirakoluż, l-uġigħ tagħha beda jonqos u beda jirnexxilha tissaportih.
“Is-servizz,” qalet Amy, “salvali ħajti. Fejn jiena ultimament sibt is-saħħa biex nibqa’ għaddejja b’ dak li kont qed nagħmel, jiena ħassejt fija ferħ kbir li ksibt hekk kif kont qed nipprova nnaqqas is-sofferenza ta’ dawk ta’ madwari. Jiena kont bdejt inħares ‘il quddiem għall-proġetti tagħna ta’ servizz b’ ferħ kbir u antiċipazzjoni. Sal-lum il-ġurnata din il-ħaġa għadni nħares lejha bħala paradoss mill-aktar stramb. Timmaġinaw li taslu biex tiġġustifikaw lil xi ħadd li hu bla xagħar, ivvalenat u jiġġieled mal-mewt li jgħid bejnu u bejn ruħu li ‘bħalissa qed nikkonċentra fuqi nnifsi.’ Madankollu, meta kont nibda naħseb fuqi nnifsi, fuq is-sitwazzjoni tiegħi, fuq is-sofferenza u l-uġigħ tiegħi, kont nispiċċa nara quddiemi dlam biss u nibda nħossni mdejqa ħafna. Meta kont niffoka fuq ħaddieħor, kont nimtela bid-dawl, bit-tama, bil-qawwa, bil-kuraġġ u bil-ferħ. Jiena naf li dan hu possibbli biss minħabba l-qawwa li ssaħħaħna, li ssostnina u tfejjaqna tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.
Amy waslet biex bdiet tafda fil-Mulej hekk kif saret tafu aħjar. Jekk hija bdiet ixxaqleb imqar ftit lejn l-għaqal tagħha, jista’ jkun li hija kienet tasal biex tinjora għal kollox l-idea li sservi. Is-servizz wassalha biex tissaporti l-uġigħ u s-sofferenza tagħha u tgħix dak li hemm miktub f’ din l-iskrittura: “Meta tkun ta’ servizz għal għajrek inti tkun ta’ servizz għal Alla tiegħek.”
Ġesù Kristu għeleb id-dinja. U minħabba fih, minħabba l-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu, aħna lkoll għandna verament raġuni biex nimtlew bil-fiduċja, għax nafu li ultimament kollox se jkun sew.
Ħuti, kollha kemm aħna nistgħu nafdaw fil-Mulej u ma nixxaqilbux. Aħna nistgħu niċċentraw ħajjitna fuq is-Salvatur billi nsiru nafuh, u Huwa jidderieġi triqatna.
Aħna ninsabu hawn fid-dinja biex nuru li aħna kapaċi jkollna l-istess fiduċja f’ Dak li tana ċ-ċans li nissapportjaw lil Ġesù Kristu meta Huwa ddikjara, “Hawn jien, ibgħat lili.”
Għeżież ħuti, il-President Thomas S. Monson xehed magħna li “il-barkiet imwiegħda tagħna huma kbar wisq biex nagħrfu l-milja sħiħa tagħhom. Għalkemm is-sħab tal-maltempati jaf jinġabar fuqna, għalkemm l-ilmijiet tax-xita jafu jinżlu fuqna, l-għarfien tal-evanġelju u l-imħabba tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn is-Salvatur tagħna jaslu biex ifarrġuna u jsotnuna … hekk kif aħna nimxu skont is-sewwa. … Ma jkun hemm xejn fid-dinja li jista’ jegħlibna.”
Ningħaqad jien ukoll mat-testimonjanza tal-għażiż profeta tagħna. Jekk aħna nafdaw f’ Missierna tas-Smewwiet u fis-Salvatur tagħna u ma nxaqilbux lejn l-għaqal tagħna, Huma jidderieġu lil triqatna u juruna d-driegħ kollu ħniena tagħhom. F’ isem Ġesù Kristu, amen.
Nota: Fl-1 ta’ April, Sister Cordon ġiet eżonerata minn Tieni Kunsillier fil-Presidenza Ġenerali tal-Primarja u ġiet imsejħa bħala l-Ewwel Kunsillier.