2010-2019
Tħarisx Madwarek, Ħares ‘il Fuq!
April 2017


Tħarisx Madwarek, Ħares ‘il Fuq!

L-għan tagħna hu li nistiednu lil ħaddieħor jersaq lejn Kristu, u aħna nistgħu nwettqu dan l-għan billi nħarsu ‘l fuq lejn Ġesù Kristu.

L-għan tiegħi hu li “nistieden oħrajn sabiex jersqu lejn Kristu.” Dan huwa l-għan tagħkom ukoll. Aħna nistgħu nwettqu dan l-għan billi nħarsu ‘l fuq lejn Ġesù Kristu.

Il-familja tal-Presbiteru Choi

Jiena tgħammidt flimkien mal-ġenituri tiegħi meta jien kelli 16-il sena. Ħija ż-żgħir, Kyung-Hwan, li kellu 14-il sena, ingħaqad mal-Knisja bl-għajnuna taz-ziju tiegħi, Young Jik Lee, u huwa stedinna biex nattendu l-knisja tiegħu. Kull wieħed u waħda mill-10 membri tal-familja tagħna konna nagħmlu parti minn xi knisja differenti, għalhekk aħna konna ferħanin ħafna li konna sibna l-verità u ridna naqsmu ma’ ħaddieħor dak il-ferħ li aħna konna sibna fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu wara li aħna tgħammidna.

Missier il-Presbiteru Choi ma’ oħrajn

Missieri kien l-aktar wieħed fostna li kien wera ħeġġa li jitgħallem u jaqsam il-verità ma’ ħaddieħor. Huwa kien iqum filgħodu kmieni biex jistudja l-iskrittura għal madwar sagħtejn kuljum. Kważi kull ġurnata wara x-xogħol huwa kien imur mal-missjunarji jżur il-familja, il-ħbieb u l-ġirien tagħna. Seba’ xhur wara li aħna tgħammidna, 23 membri tal-familja tiegħi jew qraba tiegħi saru wkoll membri tal-Knisja. Wara dan aħna rajna miraklu jseħħ quddiem għajnejna meta rajna 130 ruħ jitgħammdu riżultat tal-ħidma ta’ missieri bħala membru missjunarju.

Il-bidu tal-ħidma missjunarja
Il-ħidma missjunarja tespandi

L-istorja tal-familja wkoll kienet importanti għalih, u huwa lesta tmien ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ antenati tagħna. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem, il-frott tal-konverżjoni tal-familja tagħna, li rat il-bidu tagħha f’ ħija ż-żgħir ta’ 14-il sena, kiber f’ diversi modi mhux biss fost il-ħajjin iżda wkoll fost il-mejtin. Minħabba li komplejna nibnu fuq il-ħidma ta’ missieri, illum l-arblu tar-razza tagħna jibqa’ sejjer sa 32 ġenerazzjoni, u issa aħna qed inwettqu wkoll il-ħidma tat-tempju għal bosta friegħi. Illum inħossni nimmeravilja ruħi u nħoss fija ferħ kbir fil-ħidma biex l-antenati tagħna jingħaqdu mad-dixxendenti tagħna.

L-istorja tal-familja tespandi

Il-President Gordon B. Hinckley irrakkonta esperjenza simili li huwa għadda minnha fit-Tempju ta’ Columbus, f’ Ohio.

“Waqt li kont bilqiegħda fit-tempju nirrifletti fuq il-ħajja tal-bużnannu tiegħi, tan-nannu tiegħu u ta’ missieri, jiena ħarist lejn binti, lejn bintha, … u lejn uliedha, it-tfal tan-neputijiet tiegħi. F’ daqqa waħda jiena rrealizzajt li jien kont ninsab wieqaf f’ nofs dawn is-seba’ ġenerazzjonijiet—tlieta qabli u tlieta warajja.

“F’ dik id-dar sagra u qaddisa għadda minn moħħi sens ta’ obbligu tremend li ħassejt li jiena kelli li dak kollu li jiena rċevejt bħala wirt mingħand l-antenati tiegħi jien ngħaddih lill-ġenerazzjonijiet li issa ġew warajja.”

F’ nofs il-ġenerazzjonijiet tagħna

Ilkoll kemm aħna ninsabu f’ nofs familja eterna. L-irwol tagħna jista’ jkun li aħna nwasslu biex iseħħ ċertu tibdil sinifikanti kemm fil-pożittiv kif ukoll fin-negattiv. Il-President Hinckley kompla, “Qatt tippermettu lilkom infuskom li tkunu r-rabta dgħajfa tal-ġenerazzjonijiet tagħkom.” Il-fedeltà tagħkom fl-evanġelju ssaħħaħ il-familja tagħkom. Kif nistgħu niżguraw li aħna nkunu r-rabta b’ saħħitha fil-familja eterna tagħna?

Darba waħda, ftit xhur biss wara li jien tgħammidt, jiena smajt xi membri jikkritikaw lil xulxin fil-knisja. Jien ħassejtni verament iddiżappuntat. Mort id-dar u għedt lil missieri li kont qed naħsibha mmurx aktar knisja. Kien diffiċli għalija nara lill-membri jikkritikaw lil xulxin b’ dak il-mod. Wara li huwa semagħni nitkellem, missieri għallimni li l-evanġelju kien ġie rrestawrat u huwa perfett iżda l-membri mhumiex perfetti, u la hu u lanqas jiena ma konna. Huwa qalli b’ qawwa, “Titlifx il-fidi tiegħek minħabba n-nies ta’ madwarek, iżda ibni relazzjoni b’ saħħitha ma’ Ġesù Kristu. Tħarisx madwarek, ħares ‘il fuq!”

Ħares ‘il fuq lejn Ġesù Kristu—il-parir għaqli ta’ missieri—iqawwi l-fidi tiegħi kull meta jiena nħabbat wiċċi mal-isfidi tal-ħajja. Huwa għallimni kif jien għandi napplika t-tagħlim ta’ Kristu, bħall-kliem li ġej: “Ħarsu lejja f’ kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.”

Missjunarji fit-Tempju ta’ Seattle Washington

Meta jiena kont qed nippresedi fuq il-Missjoni ta’ Seattle, f’ Washington, ħafna mill-ġranet matul is-sena kienu jkunu bix-xita. Madankollu, il-missjunarji xorta waħda kienu mitlubin joħorġu u jmorru jxandru l-evanġelju fix-xita. Jiena kont ngħidilhom, “Morru fix-xita, ħarsu lejn is-smewwiet, iftħu ħalqkom u ixorbu! Meta tħarsu ‘l fuq, intom tiġikom saħħa li tiftħu ħalqkom ma’ kulħadd mingħajr ebda biża’. Għalihom kienet lezzjoni simbolika li huma jħarsu ‘l fuq meta jħabbtu wiċċhom ma’ ċerti diffikultajiet, anke wara l-missjoni tagħhom. Jekk jogħġobkom tippruvawx tagħmlu dan f’ dawk l-inħawi fejn hemm arja mniġġsa.

Meta kont għadni qed inservi fil-missjoni ta’ Seattle, jiena rċevejt telefonata mingħand it-tifel il-kbir tiegħi, Sunbeam, li huwa pjanist. Huwa qalli li hu kien se jkollu l-privileġġ li jdoqq f’ Carnegie Hall ġo New York peress li kien rebaħ kompetizzjoni internazzjonali. Aħna konna mimlijin entużjażmu u kunteni ħafna għalih. Madankollu, dik il-lejla, waqt li marti kienet qed titlob bi gratitudni, hija esprimiet il-fatt li aħna ma stajniex ningħaqdu miegħu fil-preżentazzjoni tiegħu u lil Missierna tas-Smewwiet qaltlu xi ħaġa hekk: “Missierna tas-Smewwiet, jiena grata għal barka li inti tajt lil Sunbeam. Però, jiddispjeċini li ma nistax inkun hemmhekk. Żgur li kont inkun preżenti kieku inti tajtni din il-barka jew qabel jew inkella wara din il-missjoni. Taħsibx li qed ingerger, iżda jkolli ngħid li nħossni xi ftit iddispjaċuta.”

Hekk kif hija temmet tgħid din it-talba, hija semgħet leħen mill-aktar ċar: “Peress li inti ma tistax tmur, ibnek ġie mogħti dan il-privileġġ. Tixtieq li minflok tkun qiegħda miegħu?”

Marti ħassitha verament sorpriża. Hija kienet taf li l-ulied kienu se jiġu mberkin minħabba l-ħidma fidila tal-ġenituri tagħhom fis-saltna tal-Mulej, iżda din kienet l-ewwel darba li hija fehmet verament l-irwol tagħha b’ daqstant ċarezza. Hija fil-pront weġbitu: “Le, le, mhux problema għalija li ma mmurx. Ħallih igawdi dak l-unur.”

Għeżież ħuti, mhux faċli għalina li aħna nagħrfu l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet meta aħna nħarsu madwarna bl-għajnejn temporali tagħna u quddiemna ħlief inkonvenjenza, telfien, problemi jew solitudni ma narawx. Mill-banda l-oħra, meta nħarsu ‘l fuq aħna nkunu nistgħu naraw kemm aħna verament ġejna mberkin. Il-Mulej żvela, “Meta aħna niksbu xi barka mingħand Alla, din niksbuha għaliex aħna nkunu obdejna dik il-liġi li hi marbuta magħha.” Lilkom kollha li tinsabu twettqu kwalunkwe servizz f’ isem Alla, kunu afu li intom konnessjoni soda biex dawk ta’ qabilkom kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajkom jiksbu barkiet mill-aktar qawwija.

Illum, jiena grat li qed nara ħafna mill-membri tal-familja tagħna mexjin b’ mod fidil fit-triq tal-patt iżda nħossni wkoll nitnikket meta nimmaġina li ħdejn is-siġġijiet tagħna hemm ukoll numru ta’ siġġijiet vojta. Il-presbiteru M. Russell Ballard qal: “Jekk intom tagħżlu li ma tibqgħux attivi jew titilqu mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, għiduli fejn se tmorru? X’ se tagħmlu? Id-deċiżjoni li “ma tibqgħux timxu aktar” mal-membri tal-Knisja u mal-mexxejja magħżula tal-Mulej se jkollha impatt fit-tul li mhux dejjem tkunu tistgħu tarawh bħalissa.” Il-President Thomas S. Monson iħeġġiġna, “Jalla aħna dejjem nagħżlu s-sewwa, li xi kultant jaf ikun aktar diffiċli, milli nagħżlu dak li hu eħfef, li jaf ikun aktar faċli.”

Qatt mhu tard wisq biex tħarsu ‘l fuq lejn Ġesù Kristu. Dirgħajh dejjem jinsabu miftuħin biex jilqgħukom. Hemm ġenerazzjonijiet sħaħ qabilna u ġenerazzjonijiet oħra warajna li jiddependu fuqna biex huma jimxu wara Kristu ħalli aħna nkunu nistgħu nkunu familja eterna ta’ Alla.

Meta jiena ġejt eżonerat mis-sejħa tiegħi bħala president tal-wited, uliedi s-subien ferħu ħafna li huma kienu se jkunu jistgħu jqattgħu ferm aktar ħin miegħi. Tliet ġimgħat wara jiena ġejt imsejjaħ bħala Sebgħin. Għall-ewwel jiena ħsibt li huma kienu se jiddiżappuntaw ruħhom, iżda t-tifel iż-żgħir tiegħi wieġeb bl-umiltà kollha, “Missier, tinkwetax. Aħna familja eterna.” Kemm kienet verità sempliċi u mill-aktar ċara! Inkwetajt xi ftit peress li jien l-ewwel kont ħarist f’ din il-ħajja mortali ta’ madwari, iżda ibni ħassu daqshekk kuntent għaliex huwa ma kienx ħares madwaru iżda kien ħares ‘il fuq b’ għajnejh lejn l-eternità u lejn l-għan tal-Mulej.

Mhux dejjem faċli li intom tħarsu ‘l fuq meta l-ġenituri tagħkom ikunu qed jopponu l-evanġelju, meta intom membri ta’ unit żgħira fil-Knisja, meta l-mara jew ir-raġel tagħkom mhumiex membri, meta intom għadkom single minkejja li għamiltu dak kollu li tistgħu biex tiżżewġu, meta xi ħadd minn uliedkom qabad triq ħażina, meta intom issibu lilkom infuskom trabbu lil uliedkom weħidkom, meta intom tħabbtu wiċċkom ma’ xi sfida fiżika jew emozzjonali, meta intom vittmi ta’ xi diżastru, eċċ. Żommu sod mal-fidi tagħkom f’ dawk iż-żminijiet diffiċli. Ħarsu ‘l fuq lejn Kristu għall-qawwa, għall-bilanċ u l-fejqan. Permezz tal-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, “kull ħaġa tiġi fis-seħħ għall-aħjar tagħkom.”

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Meta aħna nimxu wara l-profeta ħaj tagħna, il-President Thomas S. Monson, aħna nkunu qed inħarsu ‘l fuq lejn Ġesù Kristu. Hekk kif aħna nitlobu u nistudjaw l-iskrittura kuljum, u kull ġimgħa nieħdu sehem b’ sinċerità fis-sagrament, aħna niksbu l-qawwa li tgħinna inħarsu dejjem ‘il fuq lejh. Jiena kuntent ħafna li jien membru ta’ din il-Knisja u li jiena parti minn familja eterna. Jiena nħobb ħafna naqsam dan l-evanġelju meraviljuż ma’ ħaddieħor. L-għan tagħna hu li aħna nistiednu lil ħaddieħor jersaq lejn Kristu, u aħna nistgħu nwettqu dan l-għan billi nħarsu ‘l fuq lejn Ġesù Kristu. Jiena nixhed b’ umiltà kollha dwar dawn il-ħwejjeġ f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2004), 1.

  2. Teachings of Presidents of the Church: Gordon B. Hinckley (2016), 82.

  3. Gordon B. Hinckley, “Keep the Chain Unbroken” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 30 ta’ Nov., 1999), 3, speeches.byu.edu; emphasis added.

  4. Doctrine and Covenants 06:36.

  5. Doctrine and covenants 130:21.

  6. M. Russell Ballard, “To Whom Shall We Go? Liahona, Nov. 2016, 91.

  7. Thomas S. Monson, “Choices,” Liahona, Mejju 2016, 86.

  8. Doctrine and covenants 100:15.