2010-2019
L-Ispirtu s-Santu Kif Jista’ Jgħinek?
April 2017


L-Ispirtu s-Santu Kif Jista’ Jgħinek?

L-Ispirtu s-Santu jwiddeb, l-Ispirtu s-Santu jfarraġ u l-Ispirtu s-Santu jixhed.

M’ilux, it-Tnejn filgħaxija, jiena u marti, Lesa, morna nżuru familja żagħżugħa fl-inħawi fejn noqogħdu. Waqt li konna ninsabu għand din il-familja, huma stednuna biex nibqgħu magħhom għal lejla d-dar mal-familja, fejn qalulna li binhom ta’ disa’ snin kien ħejja l-lezzjoni. Ovvjamnet, aħna bqajna hemm magħhom!

Wara l-għanja u t-talba tal-ftuħ u d-diskussjoni dwar l-affarijiet amministrattivi tal-familja, it-tifel ta’ disa’ snin beda biex jaqra mistoqsija mill-aktar intuwittiva li kienet inkluża fil-lezzjoni li kellu preparata fuq il-karta tiegħu: “L-Ispirtu s-Santu kif jista’ jgħinek?” Din il-mistoqsija tat bidu għal diskussjoni tal-familja mill-aktar sinifikattiva hekk kif kulħadd qasam flimkien għadd ta’ ideat u ħsibijiet. Jiena kont verament impressjonat b’ kemm l-għalliem kien ħejja għal din il-lezzjoni u bil-mistoqsija vera tajba tiegħu, mistoqsija li domt ħafna naħseb dwarha.

Lezzjoni għal lejla d-dar mal-familja miktuba bl-idejn

Minn dak inhar, jiena komplejt nistaqsi lili nnifsi, “L-Ispirtu s-Santu kif jista’ jgħinek?”—mistoqsija mill-aktar relevanti speċjalment għat-tfal tal-Primarja li waslu biex jagħlqu tmien snin u li qed jitħejjew għall-magħmudija kif ukoll għal dawk it-tfal li tgħammdu riċentiment u li rċevew id-don tal-Ispirtu s-Santu. Hija relevanti wkoll għall-eluf ta’ membri ġodda.

Jiena nistieden lil kull wieħed u waħda minna, speċjalment lit-tfal tal-Primarja, biex jikkunsidraw, “L-Ispirtu s-Santu kif jista’ jgħinek?” Hekk kif jiena bdejt nixtarr din il-mistoqsija, immedjatament jiena bdejt nirrifletti dwar esperjenza li jiena kelli meta kont għadni żagħżugħ. Din hija storja li jiena rrakkontajt lill-Presbiteru Robert D. Hales ftit wara li jien ġejt imsejjaħ fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu u li huwa inkluda f’ artiklu għal rivista tal-Knisja li huwa kiteb dwar ħajti. Jista’ jkun li xi wħud minnkom diġà smajtu din l-istorja qabel, iżda hemm oħrajn fostkom li tafu ma smajtuhiex.

Meta jien kelli madwar 11-il sena, jiena u missieri morna mixja flimkien f’ jum mill-aktar sħun u sajfi qalb il-muntanji ta’ fejn konna noqogħdu. Hekk kif missieri beda miexi t-trejqa mill-aktar wieqfa, jiena bdejt naqbeż minn fuq blata għall-oħra li kien hemm mal-ġenb tat-trejqa. Jiena bdejt nipprova nixxabbat għal fuq waħda mill-blat il-kbir, bl-intenzjoni li nitla’ sal-quċċata tagħha. Hekk kif bdejt nipprova nagħmel dan, jiena ħassejtni verament sorpriż hekk kif missieri ħatafni miċ-ċintorin tiegħi u b’ ħeffa ġibidni ‘l isfel u qalli, “Titlax fuq dik il-blata. Ejja nibqgħu mixjin tul it-trejqa.”

Ftit tal-minuti wara, hekk kif konna wasalna f’ post fil-għoli mhux ħażin tul dik it-trejqa, aħna ħarisna ‘l isfel u xxokkjajna ruħna hekk kif rajna serp velenuż jilgħaq ix-xemx fuq l-istess blata li ħin qabel kont qed nipprova nitla’ fuqha.

Aktar tard, hekk kif konna qed insuqu lura lejn id-dar, jiena kont naf li Missieri kien qed jistennieni nistaqsih, “Kif kont taf li hemmhekk kien hemm serp?” Għalhekk jiena għamilt il-mistoqsija tiegħi u din il-mistoqsija wasslitna għal diskussjoni dwar l-Ispirtu s-Santu u kif l-Ispirtu s-Santu jista’ verament jgħinna. Jiena qatt ma nsejt dak li tgħallimt dak inhar.

Qed taraw kif kien għenni l-Ispirtu s-Santu? Jiena eternament grat li missieri kien sema’ mil-leħen sieket u ċkejken tal-Ispirtu s-Santu, li x’ aktarx kien salvali ħajti.

X’ Nafu Aħna dwar l-Ispirtu s-Santu

Qabel ma nkomplu nikkunsidraw il-mistoqsija “L-Ispirtu s-Santu kif jista’ jgħinek?” ejjew nagħtu ħarsa lejn dak li żvelalna l-Mulej dwar l-Ispirtu s-Santu. Hemm bosta veritajiet eterni li nistgħu nħarsu lejhom, iżda llum se nagħmel biss enfażi fuq tlieta minnhom.

L-ewwel, l-Ispirtu s-Santu huwa t-tielet membru tad-Divinità. Aħna nitgħallmu dwar din il-verità fl-ewwel artiklu tal-fidi: “Aħna nemmnu f’ Alla, il-Missier Etern, u f’ Ibnu, Ġesù Kristu u fl-Ispirtu s-Santu.”

It-tieni, l-Ispirtu s-Santu huwa personaġġ ta’ spirtu, kif deskritt fi skrittura ta’ żmienna: “Il-Missier għandu ġisem tad-demm u l-għadam, tanġibbli daqs tal-bniedem; l-Iben l-istess; iżda l-Ispirtu s-Santu m’għandux ġisem tad-demm u l-għadam, iżda huwa personaġġ ta’ Spirtu. Kieku ma kienx hekk, l-Ispirtu s-Santu ma jkunx jista’ jgħammar fina.” Dan ifisser li l-Ispirtu s-Santu għandu ġisem ta’ spirtu, b’ differenza għal Alla l-Missier u Ġesù Kristu, li għandhom ġisem fiżiku. Din il-verità tikkjarifika xi ismijiet oħra li huma mogħtija lill-Ispirtu s-Santu u aħna familjari magħhom, fosthom l-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu s-Santu tal-Wegħda u l-Farràġ.

It-tielet, id-don tal-Ispirtu s-Santu niksbuh permezz tat-tqegħid tal-idejn. Din l-ordinanza, li sseħħ wara l-magħmudija, tikkwalifikana għas-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu. Biex titwettaq din l-ordinanza, irġiel denji li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku jpoġġu jdejhom fuq ras il-persuna, isejħulha b’ isimha, jiddikjaraw l-awtorità saċerdotali tagħhom, u f’ isem Ġesù Kristu, jikkonfermawha bħala membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, u jlissnu l-frażi importanti “Irċievi l-Ispirtu s-Santu.”

L-Ispirtu s-Santu Kif Jista’ Jgħinek?

Issa li tajna ħarsa lejn it-tliet veritajiet ewlenin dwar l-Ispirtu s-Santu, ejjew immorru lura lejn l-ewwel mistoqsija tagħna: “L-Ispirtu s-Santu kif jista’ jgħinek?”

L-Ispirtu s-Santu Jwiddeb

Bħalma ddeskrivejt fl-esperjenza tat-tfulija tiegħi, l-Ispirtu s-Santu jista’ jgħinkom billi jwiddibkom minn qabel dwar xi periklu fiżiku u spiritwali. Għal darb’oħra jien tgħallimt dwar l-irwol importanti tal-Ispirtu s-Santu meta kont qed inservi fil-Presidenza Reġjonali ġewwa l-Ġappun.

Dak iż-żmien, jiena ħdimt mill-viċin mal-President Reid Tateoka tal-Missjoni ta’ Sendai, il-Ġappun. Bħala parti mir-rutina tas-soltu tiegħu fil-missjoni, il-President Tateoka ppjana laqgħa għall-mexxejja missjunarji fin-naħa tan-nofsinhar tal-missjoni tiegħu. Ftit jiem qabel din il-laqgħa, il-President Tateoka ħass sentiment f’ qalbu li wasslu biex jistieden lill-missjunarji kollha ta’ dik iz-zona għal-laqgħa tat-tmexxija, minflok in-numru ferm iżgħar tas-soltu ta’ mexxejja presbiteri u sisters.

Meta huwa ħabbar x’ kienet l-intenzjoni tiegħu, huwa ġie mfakkar li din il-laqgħa ma kenitx imfassla għall-missjunarji kollha iżda kienet biss għall-mexxejja tal-missjoni. Madankollu, filwaqt li ma tax kas x’ jiġri s-soltu sabiex jimxi mas-suġġerimenti li huwa kien irċieva, huwa stieden għal-laqgħa lill-missjunarji kollha li kienu qed iservu fid-diversi bliet ta’ madwar il-kosta, fosthom dawk mill-belt ta’ Fukuxima. Fil-11 ta’ Marzu, il-jum li fih kellha ssir il-laqgħa, il-missjunarji nġabru flimkien għal-laqgħa estiża għall-missjoni kollha fil-belt ta’ Korijama li kienet tinsab ‘il bogħod mhux ħażin mill-kosta.

Hekk kif kienet għaddejja din il-laqgħa terremot forza 9 flimkien ma’ tsunami laqtu r-reġjun tal-Ġappun fejn tinsab il-Missjoni ta’ Sendai, il-Ġappun. B’ mod traġiku, bosta bliet li kienu mal-kosta—fosthom dawk li minnhom kienu telqu l-missjunarji—spiċċaw biex inqerdu u tilfu ħajjithom ħafna nies li kienu joqogħdu fihom. U sussegwentement fil-belt ta’ Fukuxima seħħ inċident f’ impjant nukleari.

Għalkemm id-dar tal-laqgħat fejn kienu qed jiltaqgħu dak inhar sofriet xi ħsara minħabba t-terremot, minħabba d-deċiżjoni li l-President Tateoka ħa li jimxi wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu, Hu u Sister Tateoka flimkien mal-missjunarji kollha ħelsuha mill-periklu. Huma kienu jinsabu mili ‘l bogħod mill-qerda sħiħa li ħalla warajh it-tsunami u l-kontaminazzjoni nukleari.

Hekk kif intom timxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu—li ħafna drabi jkunu sentimenti siekta u ċkejkna—jista’ jkun li intom tispiċċaw biex titbiegħdu, mingħajr lanqas biss tkunu tafu, mill-periklu spiritwali u temporali.

Ħuti, l-Ispirtu s-Santu jgħinkom billi jwiddibkom, kif widdeb lil missieri u lill-President Tateoka.

L-Ispirtu s-Santu Jfarraġ

Biex inkompli nwieġeb il-mistoqsija “L-Ispirtu s-Santu kif jista’ jgħinek?” ejjew nesploraw l-irwol Tiegħu bħala Farràġ. Ċerta avvenimenti li jseħħu bla mistenni f’ ħajjitna jikkawżawlna ċertu niket, uġigħ u diżappunt. Madankollu, qalb dawn l-isfidi kollha, l-Ispirtu s-Santu jaqdina f’ wieħed mill-aktar irwoli importanti Tiegħu—bħala Farràġ, li fil-fatt huwa wieħed mill-ismijiet Tiegħu. Dan il-kliem trankwill u konfortanti minn Ġesù Kristu jiddeskrivi dan l-irwol mill-aktar sagru: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Farràġ ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem.”

Biex nispjega aħjar dan il-prinċipju, se naqsam magħkom ir-rakkont vera ta’ familja b’ ħamest itfal li xi snin ilu telqu mill-belt ta’ Los Angeles, fl-Istati Uniti tal-Amerika biex marru joqogħdu f’ komunità żgħira. Iż-żewġ uliedhom il-kbar bdew jieħdu sehem fl-isports tal-iskola sekondarja tagħhom u bdew jagħmluha ma’ ħbieb, mexxejja u kowċis—li ħafna minnhom kienu membri fidili tal-Knisja. Dawn ir-relazzjonijiet għenu biex wasslu għall-magħmudija ta’ Fernando, il-kbir fost it-tfal, u ta’ ħuh ta’ warajh.

Aktar tard Fernando ma baqax joqgħod aktar fid-dar tal-ġenituri tiegħu, fejn huwa kompla jistudja u jilgħab il-futbol fl-università. Huwa żżewweġ fit-tempju lill-maħbuba tiegħu Barley, li kien iltaqa’ magħha fl-iskola sekondarja. Hekk kif Fernando u Bayley temmew l-istudju tagħhom, huma bdew jistennew bil-ħerqa t-twelid tal-ewwel tarbija tagħhom—li kellha tkun tifla. Iżda tul il-proċess li fih il-familji tagħhom kien qed jgħinu lil Fernando u lil Bayley biex jerġgħu lura d-dar, Bayley u oħtha kienu qed isuqu fl-awtostrada u kienu involuti f’ aċċident traġiku li fih ħabtu bosta vetturi. Bayley u bintha, li kienet għadha ma twelditx, spiċċaw biex tilfu ħajjithom.

Fernando u Bayley

Madankollu kbir kemm kien kbir l-uġigħ li ħass Fernando, u li ħassew il-ġenituri ta’ Bayley u ħutha, daqstant ieħor kien profond is-sliem u l-faraġ li niżel fuqhom kważi immedjatament wara din it-traġedja. L-Ispirtu s-Santu, fl-irwol Tiegħu bħala Farràġ, verament spiċċa biex sostna lil Fernando waqt din is-sofferenza inkomprensibbli. L-Ispirtu wasal biex ikkomunika paċi dejjiema li wasslet biex Fernando inħakem minn attitudni ta’ maħfra u mħabba lejn dawk kollha involuti fl-inċident traġiku.

Il-ġenituri ta’ Bayley ċemplu lil ħuha li kien qed iservi bħala missjunarju fiż-żmien li fih seħħ l-aċċident. Huwa ddeskriva f’ ittra dak li huwa ħass meta sema’ l-aħbar diffiċli dwar oħtu l-għażiża: “Kienet ħaġa mill-aktar meraviljuża nisma’ leħinkom daqstant kalm f’ nofs din it-tempesta. Ma kontx naf x’ se naqbad ngħid. … L-unika ħaġa li bdejt naħseb dwarha kienet li ma kontx se nara aktar lil oħti meta nerġa’ lura d-dar. … Ħassejtni nitfarraġ permezz tat-testimonjanzi infallibbli tagħkom dwar is-Salvatur u l-pjan Tiegħu. L-istess spirtu ħelu li kważi jwassalni biex innissel xi demgħa hekk kif jien nistudja u ngħallem l-evanġelju wasal biex verament imlieli ruħi. F’ dak il-mument jiena ħassejtni nitfarraġ u niftakar dawk il-ħwejjeġ li jien kont naf.”

L-Ispirtu s-Santu jgħinkom billi jfarraġkom, kif farraġ lill-familja ta’ Fernando u Bayley.

L-Ispirtu s-Santu Jixhed

L-Ispirtu s-Santu jixhed ukoll dwar il-Missier u l-Iben u dwar il-verità kollha. Il-Mulej, meta kien qed ikellem lid-dixxipli Tiegħu, qal, “Meta jiġi l-Farràġ, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, … huwa jixhed għalija.”

Sabiex niddeskrivi l-irwol importanti tal-Ispirtu s-Santu bħala xhud, jiena se nkompli bl-istorja ta’ Fernando u Bayley. Jekk tiftakru, jiena semmejt li Fernando u ħuh kienu tgħammdu, iżda l-ġenituri tiegħu u t-tliet ħutu iżgħar minnu ma kinux tgħammdu. U, minkejja li tul is-snin huma rċevew għadd ta’ stediniet biex huma jiltaqgħu mal-missjunarji, il-membri tal-familja qatt ma waslu biex laqgħu l-istedina.

Mal-mewt diffiċli ta’ Bayley u tat-tarbija tagħha, il-membri tal-familja ta’ Fernando bdew isibuha diffiċli isibu l-paċi. B’ differenza għal Fernando u l-familja ta’ Bayley, huma ma setgħu jsibu l-ebda faraġ jew paċi. Huma ma setgħux jifhmu kif binhom, flimkien mal-familja ta’ Bayley, setgħu jibqgħu għaddejin b’ daqstant kuraġġ qalb din it-traġedja.

Eventwalment, huma waslu fil-konklużjoni li dak li kien jippossedi binhom, u li huma ma kellhomx f’ ħajjithom, kien l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u ma kienx hemm dubju li dan kien il veru sors ta’ paċi u faraġ. Wara li huma rrealizzaw dan, huma stiednu lill-missjunarji biex imorru jgħallmu l-evanġelju lill-familja tagħhom. B’ riżultat ta’ dan, huma rċevew x-xhieda u t-testimonjanza tagħhom dwar il-pjan kbir ta’ ferħ, u dan wasslilhom f’ ħajjithom il-paċi tant ħelwa u l-faraġ kollu kalma li huma tant kienu qed ifittxu.

Il-magħmudija tal-familja ta’ Fernando

Xahrejn wara t-telfa ta’ Bayley u n-neputija tagħhom, li kienet għadha ma twelditx, il-ġenituri ta’ Fernando kif ukoll tnejn minn ħutu iżgħar minnu spiċċaw biex tgħammdu u ġew ikkonfermati u rċevew id-don tal-Ispirtu s-Santu. Ħu Fernando ż-żgħir jinsab iħares bil-quddiem għall-magħmudija tiegħu meta huwa jagħlaq tmien snin. Ilkoll kemm huma jixhdu li l-Ispirtu s-Santu xehed magħhom dwar il-verità tal-evanġelju, li wassalhom biex iħossu fihom ix-xewqa li jitgħammdu u jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu.

Ħuti, l-Ispirtu s-Santu jgħinkom billi jixhed magħkom, bl-istess mod kif xehed mal-familja ta’ Fernando.

Summarju

Issa ejjew niġbru fil-qosor dak li jiena tkellimt dwaru. Aħna identifikajna tliet veritajiet żvelati li jwassluna biex ikollna għarfien tal-Ispirtu s-Santu. Dawn huma li l-Ispirtu s-Santu huwa t-tielet membru tad-Divinità, l-Ispirtu s-Santu huwa personaġġ ta’ spirtu u d-don tal-Ispirtu s-Santu nirċevuh permezz tat-tqegħid tal-idejn. Aħna identifikajna wkoll tliet tweġibiet għall-mistoqsija “L-Ispirtu s-Santu kif jista’ jgħinek?” L-Ispirtu s-Santu jwiddeb, l-Ispirtu s-Santu jfarraġ u l-Ispirtu s-Santu jixhed.

Inkunu Denji li Niksbu d-Don

Għal dawk fostkom li qed titħejjew biex titgħammdu u tiġu kkonfermati, għal dawk fostkom li riċentiment għamiltu dan jew saħansitra għal dawk li ilkom żmien li għamiltu dan il-pass, hija ħaġa mill-aktar importanti għas-sigurtà fiżika u spiritwali tagħna li aħna nżommu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Nibdew biex nagħmlu dan billi nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-kmandamenti, nitolbu kemm bħala individwi kif ukoll bħala familja, naqraw l-iskrittura u nfittxu li jkollna relazzjoni ta’ mħabba u ta’ maħfra mal-familja tagħna u mal-maħbubin tagħna. Għandna naraw li tkun il-virtù li tikkaratterizza ħsibijietna, għemilna u diskorsna. Aħna għandna nqimu lil Missierna tas-Smewwiet fi djarna, fil-knisja, u, kull meta jkun possibbli, ġewwa t-tempju mqaddes. Ibqgħu viċin l-Ispirtu, u l-Ispirtu jibqa’ dejjem viċin tagħkom.

Testimonjanza

Issa se nagħlaq b’ stedina u bit-testimonjanza ċerta tiegħi. Jiena nistedinkom sabiex tgħixu b’ mod sħiħ il-kliem li spiss jiġi kantat mit-tfal tagħna tal-Primarja, kliem li żgur li intom se tagħrfu: “Isimgħu, isimgħu. Ifessfilna l-Ispirtu s-Santu. Isimgħu, isimgħu l-leħen sieket u ċkejken.”

Għeżież ħuti, kbar u żgħar, jiena noffri x-xhieda tiegħi dwar l-eżistenza glorjuża tal-esseri divini li flimkien jiffurmaw id-Divinità: Alla l-Missier, Ġesù l-Kristu u l-Ispirtu s-Santu. Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi li wieħed mill-privileġġi li aħna ngawdu bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem li qed ngħixu fil-milja taż-żminijiet huwa d-don tal-Ispirtu s-Santu. Jiena naf li l-Ispirtu s-Santu żgur li jgħinkom. Jiena nżid ukoll ix-xhieda speċjali tiegħi ta’ Ġesù Kristu u l-irwol Tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna u ta’ Alla bħala Missierna tas-Smewwiet. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Robert D. Hales, “Elder Gary E. Stevenson: An Understanding Heart,”Liahona, Ġunju 2015, 14.

  2. Artikli tal-Fidi 1:1.

  3. Doctrine and Covenants 130:22.

  4. Ara Mosiah 18:13; Alma 5:46; 9:21; Doctrine and Covenants 88:3.

  5. Ara 1 Nephi 13:37; 2 Nephi 31:12; Doctrine and Covenants 121:46.

  6. Ara Doctrine and Covenants 138:33.

  7. Ġwanni 14:16.

  8. Korrispondenza personali, 18 ta’ Marzu, 2016.

  9. Ara Lhud 10:15; 2 Nephi 31:18; Jacob 4:13.

  10. Ġwanni 15:26.

  11. “The Still Small Voice,” Children’s Songbook, 107.