Imsejħin għall-Ħidma
L-essajnment biex wieħed jaħdem f’ post speċifiku huwa xi ħaġa mill-aktar essenzjali u importanti iżda hu sekondarju għas-sejħa tal-ħidma.
President Monson, aħna verament inħossuna kuntenti li smajna leħnek u li rċevejna l-istruzzjonijiet li rċevejna mingħandek. Aħna nħobbuk, aħna nsostnuk u dejjem nitolbu għalik.
Jiena nitlob għall-assistenza tal-Ispirtu s-Santu hekk kif flimkien aħna nikkunsidraw il-prinċipji relatati mal-ħidma importanti li nippridkaw l-evanġelju lil kull ġens, razza, ilsien u poplu.
Imsejħin biex Inservu u Assenjati biex Naħdmu
Kull sena għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ u ħafna koppji anzjani jantiċipaw bil-ħerqa li huma jirċievu ittra speċjali mil-Belt ta’ Salt Lake. Il-kontenut tal-ittra jħalli effett dejjiem fuq il-persuna li għaliha l-ittra hi indirizzata, kif ukoll fuq il-membri tal-familja u fuq għadd kbir ta’ nies oħra. Meta jasal, l-envelops jaf jinfetaħ bir-reqqa u l-paċenzja kollha, jew jaf ikollu jitqatta’ biċċiet bl-eċċitament u b’ għaġġla kbira. Il-qari ta’ din l-ittra speċjali hija esperjenza li ma tintesa qatt.
L-ittra tkun iffirmata mill-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, u l-ewwel żewġ sentenzi ikunu kif ġej: “Inti hawnhekk ġejt imsejjaħ biex isservi bħala missjunarju tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Inti ġejt assenjat biex taħdem fil-Missjoni ta’ ______.”
Jekk jogħġobkom innutaw li l-ewwel sentenza hija sejħa biex inti sservi bħala missjunarju full-time fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej. It-tieni sentenza tindika essajnment biex taħdem f’ post speċifiku u missjoni speċifika. Id-distinzjoni importanti li hemm f’ dawn iż-żewġ sentenzi hija essenzjali u importanti li aħna lkoll nifhmuha sew.
Fil-kultura tal-Knisja, aħna spiss ngħidu li wieħed ġie msejjaħ biex iservi f’ pajjiż bħall-Arġentina, il-Polonja, il-Korea jew l-Istati Uniti. Iżda missjunarju ma jkunx imsejjaħ għal xi post partikolari; hu jew hi jkunu msejħin biex iservu. Kif il-Mulej iddikjara permezz tal-profeta Joseph Smith fl-1829, “Jekk intom għandkom ix-xewqa li sservu lil Alla intom imsejħin għall-ħidma.”
Kull sejħa u essajnment għall-missjoni, jew riessajnment li jaf ikun hemm wara, huma riżultat ta’ rivelazzjoni permezz tal-qaddejja tal-Mulej. Is-sejħa għall-ħidma tasal mingħand Alla permezz tal-President tal-Knisja. L-essajnment lejn waħda minn aktar minn 400 missjoni li bħalissa qed joperaw madwar id-dinja jasal mingħand Alla permezz ta’ membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, li jkun qed jaġixxi bl-awtorizzazzjoni tal-profeta ħaj tal-Mulej. Id-doni spiritwali tal-profezija u r-rivelazzjoni jakkumpanjaw kull sejħa u essajnment għall-missjoni.
Sezzjoni 80 tad-Duttrina u Patti hija reġistru ta’ sejħa għall-missjoni lil Stephen Burnett li ġiet estiża lilu permezz tal-Profeta Joseph Smith fl-1832. Li aħna nistudjaw din is-sejħa lil Brother Burnett tista’ tgħinna (1) nifhmu aktar ċar id-distinzjoni bejn li tkun “imsejjaħ għall-ħidma” bħala missjunarju u “assenjat biex taħdem” f’ post partikolari u (2) napprezzaw ferm aktar ir-responsabbiltà individwali tagħna, maħtura b’ mod divin, biex inxandru l-evanġelju.
Vers 1 ta’ din is-sezzjoni huwa sejħa biex inservu: “Fis-sewwa, dan jgħid il-Mulej lilek O qaddej tiegħi Stephen Burnett: Mur, mur fid-dinja u ppriedka l-evanġelju lil kull kreatura li jkollha l-opportunità li tisma’ dak li għandek xi tgħid.”
Interessanti l-fatt li, vers 2 jinforma lil Brother Burnett dwar is-sieħeb missjunarju assenjat lilu: “U minħabba x-xewqa li għandek li jkollok sieħeb, jiena nagħtik lill-qaddej tiegħi Eden Smith.”
Vers 3 jindika fejn kellhom jaħdmu dawn iż-żewġ missjunarji: “Għalhekk, morru ppridkaw l-evanġelju tiegħi, ma tagħmilx differenza jekk hux fin-naħa tat-tramuntana jew fin-nofsinhar, fil-lvant jew fil-punent, ikun fejn ikun, m’għandkomx tfallu.”
Jiena ma nemminx li l-frażi “ma tagħmlix differenza” kif użata mill-Mulej f’ din l-iskrittura tissuġġerixxi li Huwa ma jimpurtahx fejn se jkunu qed jaħdmu l-qaddejja Tiegħu. Fil-fatt, Huwa verament jimpurtah. Iżda peress li l-ħidma li nippridkaw l-evanġelju hija l-ħidma tal-Mulej, Huwa jispira, jiggwida u jidderieġi lill-qaddejja awtorizzati Tiegħu. Hekk kif il-missjunarji jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu dejjem strumenti denji u kapaċi f’ idejn il-Mulej u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwettqu b’ fedeltà d-dmirijiet tagħhom, imbagħad bl-għajnuna Tiegħu huma “m’għandhomx ifallu”—iservu fejn iservu. Jista’ jkun li waħda mil-lezzjonijiet li s-Salvatur qed jgħallimna f’ din ir-rivelazzjoni hi li l-essajnment biex wieħed jaħdem f’ post speċifiku huwa xi ħaġa mill-aktar essenzjali u importanti iżda hu sekondarju għas-sejħa tal-ħidma.
Il-vers li jiġi wara jenfasizza ċerti kwalifiċi importanti għall-missjunarji kollha: “Għalhekk, iddikjara l-ħwejjeġ kollha li inti smajt, u li verament temmen, u taf li huma vera.”
L-aħħar vers ifakkar lil Brother Burnett u lilna lkoll mingħand min ġejja verament is-sejħa biex aħna nservu. “Ara, din hija r-rieda ta’ dak li sejjaħlek, il-Feddej tiegħek, sewwasew Ġesù Kristu. Amen.”
Negħlbu n-Nuqqas ta’ Ftehim
Xi wħud minnkom tafu qed tgħidu bejnkom u bejn ruħkom għalfejn jiena għażilt li niddiskuti f’ sezzjoni tas-saċerdozju tal-konferenza ġenerali din id-distinzjoni li tidher xi ftit ovvja ta’ bejn li tissejjaħ għall-ħidma u li tiġi assenjat biex taħdem. It-tweġiba tiegħi għal din il-mistoqsija hija waħda mill-aktar ċara: l-esperjenza tiegħi għallmitni li ħafna membri tal-Knisja għadhom ma jifhmux sewwa dawn il-prinċipji.
L-akbar raġuni għalfejn jiena qed nindirizza dan is-suġġett hi minħabba dak li jien ħassejt maż-żmien dwar it-tħassib, l-inkwiet u saħansitra il-ħtija li esperjenzaw bosta missjunarji li għal raġunijiet varji ġew riassenjati għal xi post ta’ ħidma differenti tul iż-żmien tagħhom fis-servizz missjunarju. Dawn ir-riessajnments ħafna drabi jkunu neċessarji minħabba ċerti avvenimenti u ċirkustanzi bħal aċċidenti u korrimenti fiżiċi, dewmien u diffikultajiet biex tinkiseb visa, minħabba xi instabbiltà politika, ħolqien u bini ta’ missjonijiet ġodda jew minħabba l-bżonnijiet dejjem jevolvu u jinbidlu madwar id-dinja fil-ħidma tagħna li nxandru l-evanġelju.
Meta xi missjunarju jiġi riassenjat biex jaħdem f’ xi post differenti, il-proċess huwa preċiżament l-istess kif kien fl-ewwel essajnment li kellu. Il-membri tal-Kworum tat-Tnax ifittxu l-ispirazzjoni u l-gwida meta huma jiġu biex jagħmlu dawn ir-riessajnments.
Riċentiment jiena tkellimt ma’ raġel fidil li qasam miegħi s-sentimenti mill-aktar profondi li huwa kellu f’ qalbu. Waqt laqgħa, jiena kont għadni kif spjegajt id-differenza li hemm bejn li wieħed jiġi msejjaħ għall-ħidma u li jiġi assenjat biex jaħdem. Dan ir-raġel twajjeb ħadli b’ idi u bid-dmugħ f’ għajnejh qalli, “Il-ħwejjeġ li llum inti għintni nkun naf neħħewli piż minn fuqi li ili nġorr għal aktar minn 30 sena. Meta kont għadni missjunarju żagħżugħ, jien għall-ewwel kont ġejt assenjat biex naħdem f’ post ġewwa l-Amerka t’ Isfel. Iżda jien sibt diffikultà biex nikseb visa, għalhekk ġejt assenjat biex inservi fl-Istati Uniti. Dawn is-snin kollha jiena bqajt nistaqsi lili nnifsi kif jien ma kienx irnexxieli nservi fil-post li fih kont ġejt imsejjaħ biex inservi. Illum naf li jiena kont ġejt imsejjaħ għall-ħidma u mhux għall-post. M’għandix kliem biżżejjed biex ngħidlek kemm dan l-għarfien kien ta’ għajnuna għalija.”
Ħassejt qalbi titqanqal għal dan ir-raġel twajjeb. Hekk kif jiena dort id-dinja ngħallem dawn il-prinċipji bażiċi, għadd kbir ta’ individwi esprimew miegħi b’ mod privat l-istess sentiment li ddeskriva dan ir-raġel. Illum jiena qed nindirizza dan is-suġġett għaliex l-ebda membru ta’ din il-Knisja m’għandu jġorr tagħbija bla bżonn ta’ nuqqas ta’ ftehim, inċertezza, diqa ta’ qalb jew ħtija minħabba xi essajnment biex jaħdem fil-missjoni.
“Għalhekk, mur u ppridka l-evanġelju tiegħi, ma tagħmilx differenza jekk hux fin-naħa tat-tramuntana jew fin-nofsinhar, fil-lvant jew fil-punent, ikun fejn ikun, m’għandekx tfalli.” Hekk kif intom tixtarru l-kliem ta’ din l-iskrittura u tiftħu qalbkom, jiena nittama u nitlobkom biex tistiednu l-Ispirtu s-Santu biex iwassal fil-fond ta’ ruħkom l-għarfien, il-fejqan u t-tibdil li tistgħu teħtieġu.
Raġuni oħra għalfejn jiena ħassejt il-bżonn li niddiskuti dan is-suġġett hu minħabba l-esperjenza personali tiegħi fejn għamilt numru ta’ snin nassenja lill-missjunarji. Għalina t-Tnax, xejn ma jaffirma r-realtà tar-rivelazzjoni kontinwa tal-aħħar jiem b’ aktar qawwa milli meta aħna nfittxu biex insiru nafu r-rieda tal-Mulej hekk kif aħna nwettqu r-responsabbiltà tagħna li nassenjaw lill-missjunarji għall-postijiet rispettivi fejn huma jintbagħtu biex jaħdmu. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li s-Salvatur jaf lil kull wieħed u waħda minna u jimpurtah minna lkoll, wieħed wieħed u isem isem.
Nitħejjew għas-Sejħa għall-Ħidma
Irridkom tiddiskutu fil-qosor aspett fundamentali iżda li ħafna drabi ma tantx nagħtuh importanza dwar it-tħejjija għas-sejħa għall-ħidma.
Tliet kelmiet interrelatati jiddefinixxu mudell ta’ tħejjija u progress għal ulied Alla: saċerdozju, tempju, missjoni. Xi kultant bħala ġenituri, ħbieb u membri tal-Knisja, aħna tant niffokaw fuq il-ħidma missjunarja għal dawn il-ġuvintur li jista’ jkun nispiċċaw ninjoraw xi ftit il-passi importanti l-oħra li hemm tul it-triq tal-patt li għandhom jitwettqu qabel huma jibdew is-servizz missjunarju full-time tagħhom. Li wieħed jaħdem bħala missjunarju hija ċertament waħda mill-pilastri importanti tal-bini, iżda mhijiex l-uniku pilastru biex dak li jkun joħloq pedament sod għal ħajja ta’ tkabbir u servizz spiritwali. Il-barkiet tas-saċerdozju u t-tempju, li t-tnejn li huma jiġu qabel ma wieħed jasal biex jibda l-ħidma tiegħu fil-post assenjat lilu, huma wkoll neċessarji biex jiffortifikawna u jsaħħuna spiritwalment tul il-ħajja kollha tagħna.
Intom il-ġuvintur, hekk kif intom twettqu d-dmirijiet tagħkom fis-Saċerdozju Aroniku jew fis-saċerdozju minuri u tonoraw dan l-istess saċerdozju, intom tkunu qed titħejjew biex tirċievu u tkabbru l-ġurament u l-patt tas-Saċerdozju Melkisedeku jew l-ogħla saċerdozju. Li tkunu personalment denji hija l-aktar ħtieġa importanti biex tirċievu l-ogħla saċerdozju. Quddiemkom għandkom ħajja ta’ servizz saċerdotali mill-aktar altruwista. Tħejjew issa billi toffru b’ mod frekwenti servizz sinifikattiv. Jekk jogħġobkom tgħallmu tkunu nies li tħobbu tkunu denji u tibqgħu denji. Kunu nies denji. Ibqgħu nies denji.
Wara li jirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku u s-sejħa biex iservi, wieħed żagħżugħ jista’ jkun armat bill-qawwa permezz tal-patti u l-ordinanzi tat-tempju mqaddes. Qabel ma intom tibdew is-servizz tagħkom bħala missjunarju full-time għandkom l-ewwel tmorru t-tempju biex ikollkom l-ispirtu tat-tempju jgħaddi fikom . Li tkunu personalment denji hija l-aktar ħtieġa importanti biex intom tirċievu l-barkiet tat-tempju, u din tapplika kemm għalikom il-ġuvintur kif ukoll għall-membri kollha tal-Knisja. Hekk kif intom tgħixu skont l-istandards tal-evanġelju, intom tkunu tistgħu tidħlu fid-dar tal-Mulej u tieħdu sehem fl-ordinanzi sagri tul is-snin taż-żogħżija tagħkom. L-imħabba tagħkom għall-ordinanzi tat-tempju u l-għarfien tagħkom għal dawn l-istess ordinanzi jsaħħukom u jberkukom tul ħajjitkom. Jekk jogħġobkom tgħallmu tkunu nies li tħobbu tkunu denji u tibqgħu denji. Kunu nies denji. Ibqgħu nies denji.
Ħafna żgħażagħ diġà jħaddnu rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti ta’ użu limitat. Bħala rġiel li tħaddnu s-Saċerdozju Aroniku, intom tinsabu tfittxu l-ismijiet tal-familja tagħkom u twettqi l-magħmudijiet u l-konfermi għall-membri tal-familja tagħkom fit-tempju. Li intom dejjem ikollkom rakkomandazzjoni tat-tempju hija turija li intom denji, u li sservu lil ħaddieħor ġewwa t-tempju hija parti importanti fit-tħejjija tagħkom għas-Saċerdozju Melkisedeku.
O Ġuvintur, issa intom ilkoll missjunarji. Madwarkom, kuljum, għandkom ħbieb u ġirien “li r-raġuni għaliex m’għandhomx il-verità hi għaliex ma jafux fejn jistgħu jsibuha.” Kif tiġu mmexxija mill-Ispirtu, intom tistgħu taqsmu magħhom xi ħsieb, xi stedina, jew xi messaġġ, u dawn kollha jistgħu jintroduċu lill-ħbieb tagħkom mal-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat. Intom m’għandkomx għalfejn tistennew is-sejħa uffiċjali tagħkom biex tkunu okkupati b’ ħerqa fil-ħidma missjunarja.
Hekk kif il-barkiet tas-saċerdozju, tat-tempju u tal-missjoni jingħaqdu “bħala ħaġa waħda … fi Kristu” u b’ mod sinerġetiku jaħdmu flimkien fil-qalb, fil-moħħ u fir-ruħ ta’ missjoni żagħżugħ, huwa jkun jista’ jikkwalifika għall-ħidma. Il-kapaċità tiegħu tikber biex huwa jkun jista’ jwettaq ir-responsabbiltà li jirrappreżenta b’ awtorità lill-Mulej Ġesù Kristu. Il-kumbinazzjoni spiritwali potenti li jonora l-patti tas-saċerdozju u tat-tempju, li jirċievi “l-qawwa tad-divinità” permezz tal-ordinanzi tas-saċerdozju, li b’ mod altruwista jservi u jiddikjara l-evanġelju etern lil ulied Alla jwassal lil wieħed żagħżugħ biex huwa jsir “ferm u sod fil-fidi” u “b’għeruq b’ saħħithom fi [Kristu].”
Fi djarna u fil-knisja, aħna għandna nagħmlu enfażi bbilanċjata fuq it-tliet elementi tal-mudell tal-Mulej għat-tħejjija u l-progress tal-ulied fidili ta’ Alla: saċerdozju, tempju, missjoni. It-tlieta li huma jeħtieġu li aħna nkunu nies li nħobbu nkunu denji u nibqgħu denji. Kunu nies denji. Ibqgħu nies denji.
Wegħda u Testimonjanza
Għeżież ħuti, jiena nwiegħed li d-doni spiritwali tar-rivelazzjoni jkun magħkom fis-sejħa tagħkom għall-ħidma li tippridkaw l-evanġelju u għall-essajnment tagħkom għal xi post speċifiku biex taħdmu fih. Hekk kif issa b’ diliġenza intom titħejjew permezz tas-servizz altruwista tagħkom tas-saċerdozju u tat-tempju, ix-xhieda tagħkom tar-realtà ħajja tal-Mulej tissaħħaħ. L-imħabba għalih u għall-ħidma Tiegħu twassal biex timla qalbkom. Hekk kif intom titgħallmu ssiru nies li verament tħobbu tkunu denji, intom issiru strument setgħan f’ idejn il-Mulej biex ibierek u jaqdi bosta nies.
Bil-ferħ, jiena nixhed li Missierna tas-Smewwiet u l-Iben il-Maħbub Tiegħu, Ġesù Kristu, jgħixu. Li aħna nkunu ngaġġati fis-servizz Tagħhom hija waħda mill-akbar barkiet li aħna qatt nistgħu nirċievu. Dwar dan jiena nixhed fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, amen.