Nisa Ċerti
In-nisa ċerti huma dawk id-dixxipli li jinsabu ċċentrati fuq is-Salvatur, Ġesù Kristu, u għandhom it-tama permezz tas-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu.
Għeżież ħuti, kemm inħobbukom u nirringrazzjawkom għar-rispons ġeneruż u entużjastiku tagħkom għall-istedina tal-Ewwel Presidenza u l-isforz tagħkom f’ #KontBarrani. Jekk jogħġobkom komplu itolbu, isimgħu l-leħen sieket tal-Ispirtu u aġixxu skont is-suġġerimenti li intom tirċievu.
Kemm meta jiena nivvjaġġa f’ dan il-pajjiż jew madwar id-dinja, mhijiex xi ħaġa rari li xi ħadd jistaqsini, “Tiftakarni?” Peress li jiena verament imperfetta, nammetti li ħafna drabi ma nkunx nista’ niftakar isimhom. Madankollu, ħaġa li qatt ma ninsa hi l-imħabba mill-aktar reali li Missierna tas-Smewwiet jippermettili li nħoss kull meta jiena niltaqa’ ma’ wliedu l-prezzjużi.
Riċentiment jiena kelli l-opportunità li nżur xi nisa għeżież li jinsabu ġewwa l-ħabs. Hekk kif b’imħabba konna qed insellmu lil xulxin qabel ma tlaqt minn ħdejhom, waħda mara għażiża talbitni bil-ħerqa, “Sister Burton, jekk jogħġbok, tinsiniex.” Nittama li kemm hi kif ukoll oħrajn li xtaqu li niftakar fihom iħossu li lilhom ma nsejthomx hekk kif jiena se naqsam magħkom xi ftit ħsibijiet.
Nisa Ċerti f’ Jum is-Salvatur: Iċċentrati fuq is-Salvatur, Ġesù Kristu
Ħutna n-nisa tul iż-żminijiet kienu verament eżempju mill-aktar fidil tat-tip ta’ dixxipli li aħna nippruvaw inkunu. “Fit-Testment il-Ġdid naqraw rakkonti dwar xi nisa, uħud nafu isimhom u oħrajn le, li eżerċitaw il-fidi tagħhom f’ Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu, li tgħallmu u għexu t-tagħlim Tiegħu u li taw xhieda tal-ministeru, tal-mirakli u l-majestà Tiegħu. Dawn in-nisa saru dixxipli eżemplari u xhieda importanti fil-ħidma tas-salvazzjoni.”
Ikkunsidraw dawn ir-rakkonti fil-ktieb ta’ Luqa. L-ewwel, tul il-ministeru tas-Salvatur:
“U ġara … li Ġesù qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-evanġelju tas-saltna ta’ Alla: u kellu miegħu t-tnax,
“U ċerti nisa, … Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, … u Ġwanna … , u Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduh.”
Imbagħad, wara l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet:
“U ċerti nisa … marru kmieni ħdejn il-qabar;
“… u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li … dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.”
Jiena qrajt din il-frażi “ċerti nisa” ħafna drabi qabel iżda qatt ma qgħadt attenta biżżejjed għall-karattru tan-nisa li hemm f’ dan ir-rakkont. Ikkunsidraw ftit dawn is-sinonimi ta’ tifsira waħda tal-kelma ċerti b’ relazzjoni ma’ nisa ċertiu fidili: “konvinti,” “pożittivi,” “kunfidenti,” “sodi,” “definiti,” “żguri,” u “ta’ min jafdahom.”
Hekk kif jiena bdejt nixtarr dawn id-deskrizzjonijiet mill-aktar sinifikanti, jiena ftakart fi tnejn minn dawn in- nisa ċerti li nsibu fit-Testment il-Ġdid li taw xhieda pożittiva, kunfidenti, soda u żgura tas-Salvatur. Għalkemm huma, bħalna, kienu nisa imperfetti, ix-xhieda tagħhom hija waħda li tispirana.
Tiftakru fil-mara li ma nafux isimha li kien hemm ħdejn il-bir li stiednet oħrajn biex imorru u jaraw x’ kienet tgħallmet mis-Salvatur? Hija qasmet ix-xhieda ċerta tagħha permezz ta’ mistoqsija: “Tgħid, dan il-Messija?” It-testimonjanza u l-istedina tagħha tant kienu kompulsivi li “kienu ħafna … li emmnu fih.”
Wara l-mewt ta’ ħuha, Lazzru, Marta, l-għażiża dixxiplu u ħabiba tal-Mulej, iddikjarat b’ emozzjoni mill-aktar profonda, “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.” Ikkunsidraw ftit kemm kienet tħossha ċerta meta hija kompliet tgħid, “Imma wkoll issa,jiena naf, li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” “Imbagħad kompliet bix-xhieda tagħha, “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”
Aħna nitgħallmu minn dawn ħutna nisa li nisa ċerti huma dawk id-dixxipli li jinsabu ċċentrati fuq is-Salvatur, Ġesù Kristu u għandhom it-tama permezz tas-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu.
Nisa Ċerti u li Jżommu l-Patti tar-Restawrazzjoni: Lesti Jissagrifikaw
Fi żmien il-qedem, ċerti nisa issagrifikaw ħafna hekk kif huma taw xhieda u għexu t-tagħlim ta’ Ġesù. Ċerti nisa fiż-żminijiet bikrin tar-Restawrazzjoni għamlu l-istess. Drusilla Hendricks u l-familja tagħha kienu fost dawk li, bħala membri ġodda, sofrew ħafna fi żmien ta’ persekuzzjoni għall-Qaddisin ġewwa l-Kontea ta’ Clay, f’ Missouri. Żewġha kien spiċċa pparalizzat b’ mod permanenti waqt il-Battalja tax-Xmara Crooked. Hija spiċċat iddur bih kif ukoll taħdem għall-familja tagħha.
“Fi żmien distressanti mill-aktar partikolari, meta l-membri tal-familja tagħha ma kienx baqgħalhom aktar x’ jieklu, hija tiftakar li semgħet leħen jgħidilha, “Staporti ftit ieħor, għax il-Mulej żgur jipprovdi.’”
Meta binha kien hemm bżonnu biex imur iservi bħala voluntier fil-Battaljun Mormon, għall-ewwel Drusilla rreżistiet dan u anke spiċċat titqabad ma’ Missierna tas-Smewwiet fit-talb tagħha sakemm “kien bħallikieku leħen kellimha, ‘Inti ma tridx li tikseb l-ogħla glorja?’ Mingħajr dubju hija wieġbet, ‘Iva,’ u l-leħen kompla, ‘Kif taħseb li tista’ tikseb dan jekk mhux permezz tal-akbar sagrifiċċji?’”
Aħna nitgħallmu minn din il- mara ċerta li biex aħna nkunu dixxipli li jżommu l-patt tagħna jeħtieġ li aħna jkollna r-rieda li nissagrifikaw.
Nisa Ċerti fi Żmienna: Niftakru u Nitħejjew biex Niċċelebraw ir-Ritorn Tiegħu
Jiena tkellimt dwar nisa ċerti li kienu jgħixu fi żmien is-Salvatur u fiż-żminijiet bikrin tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju, iżda xi ngħidu dwar l-eżempji ta’ dixxipli u ta’ testimonjanzi li nsibu fin- nisa ċerti ta’ żmienna?
Fl-aħħar essajnment li jiena kelli ġewwa l-Asja, jiena ġejt għal darb’oħra spirata mill-ħafna nisa ċerti li ltqajt magħhom. B’ mod partikolari jiena impressjonajt ruħi ferm b’ aħwa li huma membri tal-ewwel ġenerazzjoni ġewwa l-Indja, il-Malasja u l-Indonesja li jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħixu l-kultura tal-evanġelju fi djarhom, ħafna drabi b’ sagrifiċċju kbir, hekk kif il-ħajja tal-evanġelju ġieli tmur kontra l-kultura tal-familja u tal-pajjiż tagħhom. In- nisa ċerti li ltqajt magħhom ġewwa Hong Kong u fit-Tajwan, li ilhom membri għal ġenerazzjonijiet sħaħ, qed ikomplu jbierku l-ħajja tal-familji tagħhom, tal-membri tal-Knisja u tal-komunitajiet tagħhom billi huma jibqgħu dejjem iċċentrati fuq is-Salvatur u peress li huma lesti li jissagrifikaw biex ikunu jistgħu jżommu l-patti tagħhom. Ħafna nisa ċerti oħra bħalhom nistgħu nsibuhom kull fejn insibu l-membri tal-Knisja.
Waħda mara ċerta li ilha għexieren ta’ snin tberikli ħajti għaddiet dawn l-aħħar 15-il sena tiġġieled marda mill-aktar diffiċli li aktar ma tmur aktar qed iddgħajfilha lill-muskoli tagħha. Għalkemm hija spiċċat tgħix f’ siġġu tar-roti, hija tagħmel l-almu tagħha biex tkun grata għal dak li għandha u saħansitra dejjem tieħu ħsieb “il-Lista Nista’” tagħha: lista ta’ affarijiet li hija tista’ tagħmel, bħal nista’ nieħu nifs, nista’ nibla’, nista’ nitlob u nista’ nħoss l-imħabba tas-Salvatur tiegħi. Kważi kuljum hija taqsam ix-xhieda ċerta tagħha, ċċentrata fuq Kristu, mal-membri tal-familja tagħha u ma’ sħabha.
M’ilux jiena smajt l-istorja ta’ Jenny. Hija tfajla li serviet missjoni u li l-ġenituri tagħha ddivorzjaw waqt li hija kienet qed isservi missjoni. Hija tkellmet dwar kemm l-idea biss li kienet se terġa’ lura d-dar “bdiet tbeżżagħha.” Iżda fi tmiem il-missjoni tagħha fl-Italja, hekk kif hija waqfet għal ftit ħin ġewwa d-dar tal-missjoni fi triqitha lejn l-Istati Uniti, waħda mara ċerta, il-mara tal-president tal-missjoni, bdiet bil-ħlewwa kollha tamministra magħha sempliċiment billi qagħdet tagħmillha xagħarha.
Snin wara, waħda mara ċerta, oħra, Terry—li kienet president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-wited u dixxiplu ta’ Ġesù Kristu—bierket il-ħajja ta’ Jenny meta Jenny ġiet imsejħa bħala president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-qasam. Dak iż-żmien, Jenny kienet qed taħdem fuq it-teżi għad-dottorat tagħha. Terry mhux biss serviet bħala gwida ta’ fiduċja għal Jenny fis-sejħa tagħha ta’ mexxejja, iżda hija wkoll poġġiet bilqiegħda magħha għal 10 siegħat fl-isptar meta Jenny rċeviet l-aħbar allarmanti li kienet mardet bil-lewkimja. Terry kienet tmur magħha l-isptar u kienet ukoll twassal lil Jenny bil-karozza għall-appuntamenti. Jenny stqarret, “Ma nafx kemm-il darba rremettejt fil-karozza tagħha.”
Minkejja l-marda tagħha, Jenny kompliet sservi b’ kuraġġ bħala l-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-qasam tagħha. Anke meta kienet għaddejja minn ġranet mill-aktar diffiċli, hija xorta waħda kienet iċċempel u tibgħat messaġġi u ijmejls minn ġos-sodda tagħha u kienet tistieden lis-sisters biex imorru jarawha. Hija kienet timposta għadd ta’ kartolini u noti lin-nies, biex turi mħabbitha anke mill-bogħod. Meta l-qasam tagħha xtaqu li jkollhom ritratt tal-presidenza tagħha għall-istorja tal-qasam tagħhom, hi bagħtitilhom dan. Peress li Jenny stess hi mara ċerta , hija stiednet lil kulħadd biex jerfa’ t-toqol ta’ ħaddieħor, inkluż it-toqol tagħha.
Bħala mara ċerta, Jenny xehdet: “Aħna mhux biss qegħdin hawn biex insalvaw lil ħaddieħor iżda wkoll biex insalvaw lilna nfusna. U din is-salvazzjoni tasal meta aħna nidħlu bi sħab ma’ Ġesù Kristu, tasal mill-għarfien li aħna għandna tal-grazzja Tiegħu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu u s-sentimenti Tiegħu lejn in-nisa tal-Knisja. Dan iseħħ permezz ta’ ħwejjeġ mill-aktar sempliċi bħal meta aħna nagħmlu xagħar xi ħadd; meta nibagħtu xi nota b’ messaġġ ċar, rivelatorju u ispirat ta’ tama u grazzja; jew meta nħallu nisa oħra jiġu jaqduna.”
Ħuti, meta aħna nħossuna aljenati, inċerti, midinbin, imnikktin jew mitlufin, jalla aħna naċċettaw l-istedina tal-Mulej biex nixorbu lill-ilma ħaj Tiegħu, kif għamlet waħda mara ċerta ħdejn il-bir, fejn aħna wkoll nistiednu lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess hekk kif aħna naqsmu magħhom ix-xhieda ċerta tagħna: “Tgħid, dan il-Messija?”
Meta l-ħajja tkun tidher verament inġusta, kif dehret għal Marta meta miet ħuha—meta aħna nesperjenzaw uġigħ il-qalb minħabba s-solitudni, l-infertilità, il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalina, minħabba xi opportunitajiet li tlifna fejn jidħol iż-żwieġ u l-familja, minħabba familji li tfarrku, minħabba xi dipressjoni li żżommna milli ngħixu ħajjitna, minħabba mard fiżiku u mentali, minħabba stress kbir jew anzjetà, minħabba xi vizzju, xi diffikultajiet finanzjarji jew għadd kbir ta’ raġunijiet oħra—jalla aħna niftakru f’ Marta u bħalha niddikjaraw ix-xhieda ċerta tagħna: “Iżda jiena naf … [u] nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”
Jalla aħna niftakru fil-ħafna nisa ċerti li rrifjutaw li jabbandunaw lis-Salvatur tagħna tul l-esperjenza mill-aktar diffiċli li Huwa esperjenza fuq is-salib u li sigħat wara kellhom il-privileġġ li jkunu fost ix-xhieda ċerti tar-Reżurrezzjoni glorjuża Tiegħu. Ejjew aħna dejjem nibqgħu viċin tiegħu fit-talb u l-istudju tagħna tal-iskrittura. Ejjew nersqu aktar lejh billi kull ġimgħa aħna nitħejjew u nieħdu sehem fl-emblemi sagri tas-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu waqt l-ordinanza tas-sagrament u hekk kif aħna nżommu l-patti tagħna billi naqdu lill-oħrajn meta huma jiġu bżonna. Forsi mbagħad aħna nkunu nistgħu nagħmlu parti min- nisa ċerti, dixxipli ta’ Ġesù Kristu, li se jiċċelebraw ir-ritorn glorjuż Tiegħu meta Huwa jerġa’ jiġi.
Ħuti, jiena nixhed dwar il-Ġenituri tas-Smewwiet li tant iħobbuna; dwar is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu; u dwar l-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu f’ isimna. Jiena naf li l-Profeta Joseph Smith kien ġie ordnat minn qabel it-twelid bħala l-profeta tar-Restawrazzjoni. Jiena naf li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru u li ġie tradott bil-qawwa ta’ Alla. Fi żmienna aħna ġejna mberkin permezz ta’ profeta ħaj, il-President Thomas S. Monson. Dwar dawn il-veritajiet jiena ninsab ċerta! F’ isem Ġesù Kristu, amen.
Nota: Fl-1 ta’ April, 2017, Sister Burton ġiet eżonerata minn President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna.