2010-2019
Ġenerazzjoni Reżistenti għad-Dnub
April 2017


Ġenerazzjoni Reżistenti għad-Dnub

Hekk kif intom tgħallmu, tmexxu u tħobbu lit-tfal, intom tkunu tistgħu tirċievu r-rivelazzjoni personali li tgħinkom toħolqu u tarmaw tfal qalbenin u reżistenti għad-dnub.

Sena u nofs ilu, il-President Russell M. Nelson tkellem dwar il-ħtieġa li aħna “ngħallmu u ngħinu titla’ ġenerazzjoni reżistenti għad-dnub.” Dik il-frażi—“ġenerazzjoni reżistenti għad-dnub”—għalija għandha tifsira spiritwali mill-aktar profonda.

Aħna nonoraw lil dawk it-tfal li jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħixu ħajja safja u ubbidjenti. Jiena rajt b’ għajnejja il-qawwa li għandhom bosta tfal madwar id-dinja. Huma jieqfu reżistenti, “fermi u sodi” qalb il-ħafna ċirkustanzi u sitwazzjonijiet diffiċli li jkunu jinsabu fihom. Dawn it-tfal jifhmu verament l-identità divina tagħhom, iħossu fihom l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u jfittxu li jobdu r-rieda Tiegħu.

Madankollu, hawn tfal li qed isibuha diffiċli jibqgħu “fermi u sodi” u li l-moħħ delikat tagħhom qed jiġġarrab kontinwament. Huma qed jiġu attakkatti minn kull naħa permezz tal- “vleġeġ kollha nar tal-avversarju” u jinsabu fil-bżonn li jiġu msaħħin u megħjuna. Huma ta’ motivazzjoni enormi għalina sabiex aħna ninvolvu ruħna u niddikjaraw gwerra kontra d-dnub fi sforz li nressqu lit-tfal tagħna lejn Kristu.

Isimgħu l-kliem li qal il-Presbiteru Bruce R. McConkie, kważi 43 sena ilu:

“Bħala membri tal-Knisja, aħna ninsabu ingaġġati f’ kunflitt mill-aktar kbir. Ninsabu fi gwerra. Aħna ninsabu ingaġġati fil-kawża ta’ Kristu biex niġġieldu kontra Luċifru. …

“Il-gwerra kbira li tinsab għaddejja minn kull naħa u li sfortunatament qed twassal biex ħafna jispiċċaw feruti, xi wħud minnhom saħansitra b’ mod fatali, mhijiex xi ħaġa ġdida. …

“Issa la hemm u lanqas jista’ jkun hemm xi ħadd newtrali f’ din il-gwerra.”

Illum il-gwerra tkompli b’ intensità akbar. Il-battalja tolqot lilna lkoll, u t-tfal tagħna jinsabu fuq quddiem jiffaċċjaw il-forzi opposti. Għalhekk, jeħtieġ li aħna nintensifaw ruħna biex insaħħu l-istrateġiji spiritwali tagħna.

Li niffortifikaw lit-tfal biex huma jkunu reżistenti għad-dnub hija responsabbiltà u barka għal kull ġenitur, għal kull nannu u nanna, membru tal-familja, għalliem u mexxej. Ilkoll kemm aħna għandna r-responsabbiltà li ngħinu. Madankollu, il-Mulej talab speċifikament lill- ġenituri biex huma jgħallmu lil uliedhom “jifhmu d-duttrina tal-indiema, tal-fidi fi Kristu Iben Alla l-ħaj, u tal-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu” u “biex jitolbu u jieqfu b’ mod xieraq quddiem il-Mulej.”

Kif aħna għandna “inrabbu lit-tfal tagħna fid-dawl u l-verità” taf hi mistoqsija xi ftit diffiċli peress li ma tapplikax l-istess għal kull familja u għal kull tifel u tifla, iżda Missierna tas-Smewwiet tana linjigwida universali li qegħdin hemm biex jgħinuna. L-Ispirtu jispirana bl-aktar modi effettivi kif aħna nistgħu ngħinu nsaħħu spiritwalment lit-tfal tagħna.

Biex nibdew minn x’imkien, li jkollna viżjoni dwar l-importanza ta’ din ir-responsabbiltà hija ħaġa mill-aktar essenzjali. Jeħtieġ li aħna nifhmu l-identità divina u l-għan divin tagħna—u tagħhom—qabel ma aħna nkunu nistgħu ngħinu lit-tfal tagħna jaraw min huma u għalfejn jinsabu hawn. Jeħtieġ li aħna ngħinuhom isiru jafu b’ ċertezza li huma wlied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u li Huwa għandu aspetattivi divini għalihom.

It-tieni, li nifhmu d-duttrina tal-indiema hija ħaġa mill-aktar essenzjali biex aħna nsiru reżistenti għad-dnub. Li tkun reżistenti għad-dnub ma jfissirx li tkun mingħajr dnub, iżda jfisser li tkun kontinwament viġilanti u qalbieni u tfittex li tindem. Jista’ jkun li wieħed jikseb il-qawwa li jirreżisti d-dnub bħala barka talli huwa baqa’ jipprova ripetutament jirreżistih. Kif qal Ġakbu, “Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom.”

Il-gwerriera żgħażagħ “kienu verament qalbenin u mimlijin kuraġġ … ; iżda araw, dan mhux kollox—huma kienu … fidili f’ kull ħin u f’ kull ħaġa li kienu ġew fdati biha. Iva, … huma ġew mgħallmin sabiex iżommu l-kmandamenti ta’ Alla u jimxu b’ mod xieraq quddiemu.” Dawn il-ġuvintur marru għall-gwerra u l-armamenti li huma ġarrew magħhom kontra l-avversarji tagħhom kienu l-virtujiet tagħhom li jixbhu lil Kristu. Il-President Thomas S. Monson ifakkarna li “ilkoll kemm aħna għandna bżonn il-kuraġġ kontinwament. Aħna għandna bżonn il-kuraġġ f’ kull jum ta’ ħajjitna—mhux biss f’ mumenti sinifikanti iżda b’ mod partikolari hekk kif aħna jkollna niddeċiedu jew nirrispondu għaċ-ċirkustanzi ta’ madwarna.”

It-tfal tagħna jilbsu fuqhom il-korazza spiritwali hekk kif huma jfasslu mudell li jimxu fuqu kuljum b’ mod personali bħala dixxipli. Jista’ jkun li aħna ma napprezzawx għal kollox l-abbiltà li t-tfal għandhom li jitgħallmu l-kunċett li jgħixu ħajjithom kuljum bħala dixxipli. Il-President Henry B. Eyring wissiena sabiex “nibdew kmieni u nkunu fermi.” Għalhekk it-tielet pass biex ngħinu lit-tfal isiru reżistenti għad-dnub hu li meta huma jkunu ta’ età żgħira aħna nibdew ngħallmuhom b’imħabba d-duttrina u l-prinċipji bażiċi tal-evanġelju—mill-iskrittura, mill-Artikli tal-Fidi, mill-ktejjeb Għall-Qawwa taż-Żgħażagħ , mill-għanjiet tal-Primarja, mill-innijiet u mit-testimonjanzi personali tagħna—li jressqu lil uliedna lejn is-Salvatur.

Li b’ mod konsistenti aħna nrawmu fihom id-drawwa tat-talb, tal-istudju tal-iskrittura, tal-lejla d-dar mal-familja u tal-qima tas-Sabbath, twassal lil uliedna biex huma jrawmu fihom sens ta’ sħuħija, konsistenza interna u valuri morali b’ saħħithom—fi kliem ieħor, integrità spiritwali. Fid-dinja tal-lum, fejn l-integrità kważi għebet għal kollox, it-tfal tagħna jistħoqqilhom jifhmu x’ inhi l-vera integrità u għaliex hija daqstant importanti—speċjalment hekk kif aħna nħejjuhom jagħmlu u jżommu ċerti patti sagri fil-magħmudija u fit-tempju. Kif nitgħallmu f’ Ippriedka l-Evanġelju Tiegħi , “Li jkunu leali lejn il-wegħdiet tagħhom iħejji lin-nies, fosthom lil dawk ta’ età żgħira, biex huma jagħmlu u jżommu l-patti sagri tagħhom.”

Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland għallem, “Meta aħna nitkellmu dwar li nżommu l-patti tagħna, aħna nkunu qed nitkellmu dwar il-qalb u r-ruħ tal-għan tagħna fil-mortalità.” Hemm qawwa mhux tas-soltu f’li aħna nagħmlu u nżommu l-patti tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet. L-avversarju jaf dan, għalhekk iħawwad f’ moħħ in-nies il-kunċett li wieħed iżomm il-patti. Li aħna ngħinu lit-tfal jifhmu, jagħmlu u jżommu l-patti sagri tagħhom, huwa element ieħor kif aħna nistgħu noħolqu ġenerazzjoni reżistenti għad-dnub.

Aħna kif nistgħu lit-tfal tagħna ngħinuhom jagħmlu u jżommu l-patti sagri tagħhom hekk kif huma jidħlu fit-triq tagħhom tal-patt u jibqgħu mexjin tul din it-triq? Li aħna ngħallmu lit-tfal meta huma jkunu għadhom żgħar iżommu l-wegħdiet sempliċi tagħhom jimla lil dawn it-tfal bil-qawwa li huma jeħtieġu biex huma jżommu l-patti qaddisa tagħhom aktar tard f’ ħajjithom.

Ippermettuli naqsam magħkom dan l-eżempju sempliċi: Waqt lejla d-dar mal-familja, wieħed missier staqsa, “Bħala familja intom kif taħsbu li sejrin?” Lizzie li kellha ħames snin gergret ma’ ħuha l-kbir, Kevin, li huwa kien qed jaqbad magħha wisq u kien qed iweġġa’ s-sentimenti tagħha. Kontra qalbu, Kevin ammetta li Lizzie kellha raġun. Omm Kevin staqsietu x’ seta’ jagħmel biex hu jibda jingwalaha aħjar ma’ oħtu. Kevin ħaseb ftit u ddeċieda li hu kellu jwiegħed lil Lizzie li kien se jgħaddi jum sħiħ mingħajr ma jaqbad magħha.

L-għada filgħaxija, kif kulħadd kien jinsab miġbur għat-talba tal-familja, missier Kevin staqsa lil Kevin jekk kienx irnexxielu. It-tweġiba ta’ Kevin kienet “Pa, jien żammejt il-wegħda tiegħi!” Lizzie dehret kuntenta u qablet li hekk hu, u kulħadd fil-familja feraħlu lil Kevin.

Omm Kevin imbagħad issuġġeriet li jekk huwairnexxielu jżomm il-wegħda tiegħu għal ġurnata waħda, għalfejn ma setax jipprova jagħmel hekk għal jumejn? Kevin qabel li kien se jipprova jerġa’ jagħmel dan. Wara jumejn Kevin kien irnexxielu jżomm il-wegħda tiegħu u Lizzie ħassitha saħansitra aktar grata! Meta missieru staqsieh għalfejn huwa kien qed iżomm il-wegħdiet tiegħu daqstant tajjeb, Kevin qal, “Jiena żammejt il-wegħda tiegħi għaliex jien wegħidt li hekk kont se nagħmel.”

Suċċessjoni ta’ wegħdiet żgħar li jirnexxilna nżommuhom iwasslu għall-integrità. Id-drawwa konsistenti li t-tfal tagħna jibdew iżommu l-patti tagħhom hija tħejjija spiritwali għalihom biex huma jirċievu l-ewwel patt tagħhom tal-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu, li permezz tagħhom huma jagħmlu patt li jaqdu lil Alla u li jżommu l-kmandamenti Tiegħu. Il-wegħdiet u l-patti huwa inseparabbli minn xulxin.

Fil-ktieb ta’ Danjel, aħna naqraw dwar Sidrak, Mesak u Għabednegu li rrifjutaw li jqimu lill-alla falz tas-Sultan Nabukodonosor. Is-Sultan wissiehom li huma setgħu jintefgħu fil-forn tan-nar iħeġġeġ jekk huma ma jagħmlux dak li kien qed jitlobhom. Huma rrifjutaw u qalu:

“Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jista’ jeħlisna mill-forn tan-nar iħeġġeġ. …

“U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom.”

“U mqar jekk le.” Ikkunsidraw it-tifsira ta’ dawn it-tliet kelmiet u kif jirrelataw ma’ li aħna nżommu l-patti. L-ubbidjenza ta’ dawn it-tliet ġuvintur ma kenitx tiddependi minn jekk huma jinħelsux min-nar jew le. Anke jekk huma ma kenux se jeħilsuha mill-mewt, huma kienu se jżommu l-wegħda tagħhom lill-Mulej għaliex huma hekk kienu qalu li kienu se jagħmlu. Li nżommu l-patti tagħna ma jiddependix mis-sitwazzjoni li nkunu fiha. Dawn it-tliet ġuvintur, l-istess bħall-gwerriera żgħażagħ, huma eżempji mill-aqwa ta’ kif it-tfal tagħna jistgħu jkunu ġenerazzjoni reżistenti għad-dnub.

Aħna kif nistgħu napplikaw dawn l-eżempji fi djarna u fil-familji tagħna? “Linja wara linja, preċett wara preċett,” aħna ngħinu lit-tfal iduqu s-suċċess f’ dożi żgħar. Hekk kif huma jżommu l-wegħdiet tagħhom, huma jħossu l-Ispirtu f’ ħajjithom. Il-Presbiteru Joseph B. Wirthlin għallem li “il-premju suprem tal-integrità huwa s-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu.” Imbagħad it-tfal tagħna “jimtlew b’kunfidenza kbira quddiem Alla.” Mill-ġiebja tal-integrità toħroġ ġenerazzjoni b’ saħħitha, reżistenti għad-dnub.

Ħuti, żommu liċ-ċkejknin tagħkom viċin—tant viċin li huma jkunu jistgħu jaraw l-imġieba reliġjuża tagħkom ta’ kuljum u jarawkom iżżommu l-wegħdiet u l-patti tagħkom. “It-tfal verament jafu jimitaw, għalhekk agħtuhom xi ħaġa tajba x’ jimitaw.” Aħna verament qed ngħinu ngħallmu u nrabbu għall-Mulej ġenerazzjoni reżistenti għad-dnub, wegħda wara wegħda u patt wara patt.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu jmexxi din il-Knisja. Hekk kif intom tgħallmu, tmexxu u tħobbu lit-tfal kif irid is-Salvatur, intom tkunu tistgħu tirċievu r-rivelazzjoni personali li tgħinkom toħolqu u tarmaw tfal qalbenin u reżistenti għad-dnub. It-talba tiegħi hi li t-tfal tagħna jtennu l-kliem ta’ Nefi: “Tgħinni biex jiena nkun bniedem li nasal li nitriegħed hekk kif nara quddiemi d-dnub?” Jiena nixhed li s-Salvatur tagħna patta għad-dnubiet tad-dinja—għaliex Huwa hekk qal li kien se jagħmel—u li Huwa jħobbna aktar milli aħna n-nies mortali qatt nistgħu nimmaġinaw—għaliex Huwa qal li hekk kien se jagħmel. F’ isem Ġesù Kristu, amen.