Insiru Dixxipli ta’ Sidna Ġesù Kristu
Il-varjetà sħiħa ta’ karatteristiċi li aħna niksbu permezz tal-fidi tagħna fi Kristu huma kollha neċessarji biex aħna nibqgħu sodi f’ dawn l-aħħar jiem.
Xi jfisser tkun dixxiplu ta’ Sidna Ġesù Kristu? Dixxiplu huwa wieħed li tgħammed u hu lest li jieħu fuqu l-isem tas-Salvatur u jimxi warajh. Dixxiplu jagħmel l-almu tiegħu biex isir jixbhu billi jżomm il-kmandamenti Tiegħu f’ din il-ħajja mortali, l-istess kif apprentist jagħmel li jista’ biex isir jixbah lill-Imgħallem tiegħu.
Ħafna nies meta jisimgħu l-kelma dixxiplu jaħsbu li tfisser biss “wieħed li jimxi fuq il-passi ta’ xi ħadd.” Iżda li tkun ġenwinament dixxiplu huwa dak kollu li lilek jagħmlek dak li int. Dan ifisser ferm aktar milli nistudjaw u napplikaw lista ta’ kwalitajiet individwali. Id-dixxipli jgħixu b’ tali mod li l-karatteristiċi ta’ Kristu letteralment jibdew jagħmlu parti importanti mill-identità tagħhom, bħallikieku huma arazzi spiritwali.
Isimgħu ftit l-istedina li għamlilna l-Appostlu Pietru biex insiru dixxipli tas-Salvatur.
“Kunu ħerqana biex iżżidu mal-fidi l-virtù, mal-virtù l-għerf;
“U mal-għerf ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tjieba;
“U mat-tjieba l-ħbiberija tal-aħwa; mal-ħbiberija tal-aħwa l-imħabba.”
Kif qed taraw, biex bħala dixxipli nħitu fina l-arazzi spiritwali jeħtieġ li jkollna aktar minn sempliċiment ħajta waħda. Fi żmien is-Salvatur, kien hemm ħafna li ddikjaraw li huma nies ġusti f’ xi aspett jew ieħor ta’ ħajjithom. Huma kienu jipprattikaw dik li jien insejħilha ubbidjenza selettiva. Per eżempju, huma kienu jżommu l-kmandament li ma jaħdmux f’ Jum is-Sabbath imma fl-istess ħin jikkritikaw lis-Salvatur talli jfejjaq f’ dak il-jum qaddis. Huma kienu jagħmlu opri ta’ karità mal-foqra iżda kienu joffru biss miż-żejjed li kellhom—dak li ma kinux jeħtieġu għalihom infushom. Huma kienu jsumu iżda dan kienu jagħmluh b’wiċċ laskri. Huma kienu jitolbu b’ mod li jarawhom in-nies. Ġesù qal, “Huma b’ fommhom jersqu lejja, iżda qalbhom hi ferm ’il bogħod minni.” Jista’ jkun veru li dawn it-tip ta’ nies jiffokaw kif jistgħu jgħixu aħjar f’ ħajjithom ċerta kwalità jew għemil partikolari, iżda mhux neċessarjament li f’ qalbhom Huma jsiru kif inhu Hu.
Dwar dan, Ġesù ddikjara:
“F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’
“Imbagħad jien ngħidilhom, Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen.”
Il-kwalitajiet tas-Salvatur, kif narawhom aħna, mhumiex xi skritt li rridu nimxu miegħu jew xi lista li fiha nimmarkaw kull ħaġa li nkunu wettaqna. Huma karatteristiċi essenzjali, li jeħtieġ inħalltuhom flimkien, li jiżviluppaw fina b’ mod interattiv. Fi kliem ieħor, aħna ma nistgħux niksbu xi karatteristika bħal ta’ Kristu mingħajr ma niksbu u ninfluwenzaw ukoll oħrajn magħha. Hekk kif waħda minn dawn il-karatteristiċi tissaħħaħ, jissaħħu wkoll ħafna oħrajn.
Fi 2 Pietru u f’ Duttrina u Patti sezzjoni 4, aħna nitgħallmu li s-sisien ta’ kollox hija l-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu. Aħna nkejlu l-fidi tagħna b’ dak li hi twassalna biex nagħmlu—skont l-ubbidjenza tagħna. “Jekk intom ikollkom il-fidi fija,” wiegħed il-Mulej, “intom ikollkom il-qawwa li tagħmlu dak kollu li jien irrid li jseħħ.” Il-fidi hija l-aktar ħaġa neċessarja. Mingħajr l-għemejjel tagħna, mingħajr ma ngħixu ħajja virtuża, il-fidi tagħna ma jkollhiex il-qawwa li tagħmilna dixxipli vera. Fil-fatt, il-fidi tkun mejta.
U għalhekk, Pietru spjega, “żidu mal-fidi l-virtù.” Dan il-virtù huwa ferm aktar minn sempliċi safa sesswali. Huwa l-indafa u l-qdusija fil-moħħ u l-ġisem. Il-virtù huwa wkoll qawwa. Hekk kif aħna ngħixu l-evanġelju b’ fedeltà, aħna jkollna l-qawwa li nkunu virtużi f’ kull ħsieb, sentiment u għemil. Moħħna jsir aktar sensittiv għas-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu u għad-Dawl ta’ Kristu. Aħna nsiru nixbhu lil Kristu mhux biss f’ dak li ngħidu u nagħmlu iżda wkoll f’ dak li jagħmilna dak li aħna.
Pietru kompla, “Żidu mal-virtù l-għerf.” Hekk kif aħna ngħixu ħajja virtuża, aħna nsiru nafu lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ibnu b’ mod mill-aktar speċjali. “Min irid jagħmel ir-rieda tal-Missier, isir jaf dan it-tagħlim.” Dan l-għarfien huwa testimonjanza personali, riżultat ta’ esperjenza personali. Huwa l-għarfien li jittrasformana sabiex “id-dawl tagħna jinġibed lejn id-dawl Tiegħu” u “l-virtù tagħna ssir tħobb il-virtù Tiegħu.” Permezz tal-ħajja virtuża tagħna, aħna nitilqu fuq il-vjaġġ tagħna minn “jien nemmen” u naslu fid-destinazzjoni glorjuża ta’ “jien naf.”
Pietru b’ ħerqa jitlobna biex inżidu “mal-għerf ir-rażna; u mar-rażna s-sabar.” Bħala dixxipli moderati, aħna ngħixu l-evanġelju b’ mod ibbilanċjat u konsistenti. Aħna ma “niġrux aktar milli nifilħu.” Jum wara jum aħna nimxu ‘l quddiem, minkejja l-isfidi kbar tal-mortalità.
Jekk aħna nagħmlu dan b’ moderazzjoni, aħna niżviluppaw il-paċenzja u l-fiduċja fil-Mulej. Aħna nkunu kapaċi nafdaw fuq il-pjanijiet li Hu fassal għal ħajjitna, minkejja li ma nkunux nistgħu narawhom bl-istess għajnejn naturali tagħna. Għalhekk, aħna nistgħu “nisktu u nkunu nafu li Hu Alla.” Meta nħabbtu wiċċna mal-isfidi diffiċli tal-ħajja, aħna nistaqsu, “Inti xi tridni nitgħallem minn din l-esperjenza?” Bil-pjan u l-għanijiet Tiegħu f’ qalbna, aħna nistgħu nimxu ‘l quddiem mhux biss biex inkunu nistgħu niffaċċjaw affarijiet ħżiena f’ ħajjitna iżda wkoll biex inkunu nistgħu niffaċċjawhom bis-sabar u b’ mod xieraq.
Dan is-sabar, jgħallem Pietru, iwassalna għall-qdusija. Kif Missierna juri s-sabar magħna, uliedu, aħna wkoll għandna nuru s-sabar bejnietna kif ukoll magħna nfusna. Aħna nitgħaxxqu fl-għażla ħielsa ta’ ħaddieħor u fl-opportunità li hi tagħtihom biex huma jikbru “linja wara linja,” “jibqgħu jikbru fid-dija tagħhom sa dak il-jum perfett.”
Mir-rażna għas-sabar, u mis-sabar għall-qdusija, in-natura tagħna tasal biex tinbidel. Aħna nispiċċaw niksbu t-tjubija ta’ bejn l-aħwa li hija l-marka li tiddistingwi lil dawk li huma vera dixxipli. Bħas-Samaritan it-Tajjeb, aħna naqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq biex ngħinu li kull min hu fil-bżonn, anke jekk ma jkunx jagħmel parti miċ-ċirku ta’ ħbieb tagħna. Aħna għandna nberkuhom lill-għedewwa tagħna. Aħna npattu bit-tajjeb lil dawk li jżebilħuna. Hemm xi kwalità li tixbah aktar lil Alla u lil Kristu minn din?
Jiena nixhed li l-isforzi kollha li aħna nagħmlu biex insiru dixxipli tas-Salvatur tagħna jkomplu dejjem jingħaddu ma’ dawk li diġa’ għandna sakemm nispiċċaw biex aħna “nippossedu ruħna” bl-imħabba Tiegħu. Din l-imħabba hija l-aktar karatteristika sinifikanti ta’ wieħed li hu dixxiplu ta’ Kristu:
“Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.
“U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn.”
Hija l-fidi, it-tama u l-karità li jikkwalifikawna għall-ħidma ta’ Alla. “Issa hawn … dawn it-tlieta li jibqgħu; iżda l-kbira fosthom hi l-imħabba.”
Ħuti, illum aktar minn qatt qabel, aħna ma nistgħux inkunu “dixxipli part-time”! Ma nistgħux inkunu dixxipli biss ta’ xi duttrina partikolari jew oħra. Il-varjetà sħiħa ta’ karatteristiċi li aħna niksbu permezz tal-fidi tagħna fi Kristu—fosthom dawk li tkellimna dwarhom illum—huma kollha neċessarji biex aħna nibqgħu sodi f’ dawn l-aħħar jiem.
Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu, dawn il-karatteristiċi jsiru jagħmlu parti integrali minn dak li verament aħna, jiżdiedu ma’ dawk li diġà għandna u b’ mod interattiv jaslu biex iqawwuna. Ma jkun hemm l-ebda disparità bejn it-tjubija li aħna nuru lill-għedewwa tagħna u t-tjubija li nuru lill-ħbieb tagħna. Aħna nkunu onesti mhux biss meta jkunu qed jarawna n-nies iżda wkoll meta ħadd ma jkun qed jarana. Aħna nkunu devoti lejn Alla ġo pjazza pubblika bl-istess mod li nuru d-devozzjoni tagħna fil-kamra privata tagħna.
Jiena nixhed li kulħadd jista’ jkun dixxiplu tas-Salvatur. Biex tkun dixxiplu mhemmx età, sess jew razza jew sejħa. Permezz tal-ħajja tagħna bħala dixxipli, aħna, bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, nibnu ċerta qawwa kollettiva li permezz tagħha naslu biex imbierku lil ħutna madwar id-dinja. Issa huwa ż-żmien biex aħna nirrikommettu ruħna biex b’ diliġenza sħiħa aħna verament inkunu dixxipli vera Tiegħu.
Ħuti, aħna kollha ġejna msejħin biex inkunu dixxipli tas-Salvatur tagħna. Ejjew nħallu lil din il-konferenza tkun għalina opportunità biex “nagħmlu dan bħaż-żmien tal-qedem, u nersqu lejh b’ qalbna kollha.” Din hi l-Knisja Tiegħu. Jiena nagħti x-xhieda speċjali tiegħi li Huwa jgħix. Jalla Huwa jberikna fil-ħidma eterna tagħna biex insiru verament dixxipli devoti u qalbiena Tiegħu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.