Leħen ta’ Twiddiba
Filwaqt li l-profeti huma l-aktar nies li speċjalment iħossu li għandhom d-dmir li jwiddbu lil ħaddieħor, nies oħra wkoll għandhom dan l-istess dmir.
Il-profeta Eżekjel twieled madwar għoxrin sena qabel Leħi u l-familja tiegħu telqet minn Ġerusalemm. Fis-sena 597 QK, fl-età ta’ 25 sena, Eżekjel kien wieħed mill-ħafna li kienu ttieħdu fil-jasar fil-Babilonja minn Nabukodonosor, u minn dak li nafu jidher li huwa qatta’ l-kumplament ta’ ħajtu hemmhekk. Huwa kien min-nisel tas-Saċerdozju ta’ Aaron, u meta kellu 30 sena, huwa sar profeta.
Meta kkummissjona lil Eżekjel, Ġehova uża l-metafora tal-għassies.
“U dan [l-għassies] jara x-xabla riesqa lejn il-pajjiż u jdoqq it-tromba biex javża ‘l poplu;
“Jekk xi ħadd jisma’ d-daqq tat-tromba, u ma jagħtix kas tal-allarm, u tilħqu x-xabla, u taqbdu, demmu jkun fuq rasu.”
Mill-banda l-oħra, “jekk l-għassies jara x-xabla riesqa, u ma jdoqqx it-tromba, u l-poplu ma jkunx avżat; jekk tilħqu x-xabla u tieħu ‘l xi ħadd minnhom, … jiena demmu nfittxu minn id l-għassies.”
Imbagħad hekk kif kien qed ikellem direttament lil Eżekjel, Ġehova ddikjara, “Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi.” It-twiddiba kienet biex iżommu ‘l bogħod mid-dnub.
“Jekk jien ngħid lill-midneb: Int tmut żgur, u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu; imma demmu nfittxu minn idejk.
“Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’ lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek. …
“U meta ngħid lill-ħażin: Int tmut żgur, u hu jerġa’ lura minn ħtijietu u jagħmel il-ħaqq u s-sewwa; …
“Ħtijietu li jkun waqa’ fihom ma niftakarhomlux; għax is-sewwa u d-dritt ikun għamel, għalhekk żgur li jibqa’ ħaj.”
Interessanti l-fatt li din it-twiddiba tapplika wkoll għall-ġusti. “Jekk jien ngħid lill-bniedem ġust li jgħix żgur, u hu jafda fis-sewwa tiegħu u jagħmel il-ħażen, is-sewwa tiegħu ma niftakarhulux, imma jmut minħabba l-ħażen li jkun għamel.”
Biex Huwa jwassal din it-twissija lil uliedu, Alla jgħid lil Eżekjel, “Daqs kemm jien ħaj, jgħid il-Mulej Alla, ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix. Erġgħu, erġgħu lura minn triqatkom il-ħżiena. Għax għandkom tmutu, dar Iżrael?”
Minflok ma jinsabu ħerqanin biex jikkundannawna, Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna jixtiequ jarawna ferħanin u bil-ħerqa jitolbuna biex nindmu, għax jafu tajjeb ħafna li “il-ħażen qatt ma kien [u qatt mhu se jkun] ferħ.” Għalhekk Eżekjel u kull profeta ieħor li ġew qablu jew warajh, tkellmu b’ daqshekk qawwa l-kelma ta’ Alla, widdbu lin-nies kollha biex jiċħdu lil Satana, l-għadu ta’ ruħhom, u “jagħżlu l-ħelsien u l-ħajja eterna, permezz tal-Medjatur il-kbir tal-bnedmin kollha.”
Filwaqt li l-profeti huma l-aktar nies li speċjalment iħossu li għandhom d-dmir li jwiddbu lil ħaddieħor, nies oħra wkoll għandhom dan l-istess dmir. Fil-fatt, “ jeħtieġ li kull bniedem li ġie mwissi jwissi lil ġaru.” Aħna li rċevejna għarfien tal-pjan kbir ta’ ferħ—u l-kmandamenti marbutin miegħu—għandna nħossu fina x-xewqa li naqsmu dan l-għarfien ma’ ħaddieħor għaliex dan jagħmel id-differenza kollha kemm f’ din id-dinja kif ukoll fl-eternità. U jekk aħna nistaqsu, “Min hu l-ġar tiegħi li għandi nwissi?” bla dubju t-tweġiba nsibuha fil-parabbola li tibda, “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin,” eċċetra.
Il-konsiderazzjoni tal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb f’ dan il-kuntest twassalna biex niftakru li l-mistoqsija “Min hu l-ġar tiegħi?” ġiet marbuta maż-żewġ kmandamenti l-kbar: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Il-motivazzjoni biex aħna nsemmgħu l-leħen ta’ twissija tagħna hija l-imħabba—l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn għajrna. Twiddeb għaliex jimpurtak. Il-Mulej għallimna li aħna għandna nagħmlu dan “bil-ħlewwa u l-manswetudni” u “permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza … , u l-imħabba ġenwina.” Dan nistgħu nagħmluh b’ urġenza, bħal meta aħna nwissu lit-tfal biex huma ma jpoġġux idhom fin-nar. Jeħtieġ li nwiddbu b’ mod ċar u xi kultant ferm. Xi kultant, biex twiddbu jkun jeħtieġ li ċċanfru “meta tħossu li għandkom tagħmlu dan permezz tal-Ispirtu s-Santu,” iżda araw li dejjem tagħmlu dan b’ imħabba. Ħarsu, per eżempju, lejn l-imħabba li timmotiva s-servizz u s-sagrifiċċju tal-missjunarji.
M’hemmx dubju li hija l-imħabba li twassal lill-ġenituri biex iwiddbu lill-aktar “ġirien” viċin tagħhom—lill-istess uliedhom. Dan ifisser li huma jgħallmu u jixhdu dwar il-veritajiet tal-evanġelju. Dan ifisser li jgħallmu lil uliedkom id-duttrina ta’ Kristu: il-fidi, l-indiema, il-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej ifakkar lill-ġenituri, “Jiena tlabtkom biex trabbu lil uliedkom fid-dawl u l-verità.”
Element kruċjali tad-dmir li għandhom il-ġenituri li jwiddbu hu li huma m’għandhomx biss ipinġu l-konsegwenzi demoralizzanti tad-dnub iżda wkoll il-ferħ li jħossu meta jimxu f’ ubbidjenza għall-kmandamenti. Tiftakru l-kliem ta’ Enos dwar x’ wasslu lilu biex ifittex lil Alla, jirċievi l-maħfra ta’ dnubietu u jikkonverti:
“Araw, jiena mort nikkaċċja l-bhejjem fil-foresti; u l-kliem li spiss smajt lil missieri jtenni dwar il-ħajja eterna, u l-ferħ tal-qaddisin, għożżejtu fil-fond ta’ qalbi.
“U ruħi xxenqet; u jiena nżilt għarkuptejja quddiem il-Ħallieq tiegħi, u tlabtu b’ ħerqa u qawwa.”
Minħabba l-imħabba inkomparabbli Tiegħu u għaliex jimpurtah mill-oħrajn u mill-ferħ tagħhom, Ġesù ma ħasibhiex darbtejn meta Huwa kellu bżonn iwiddeb. Fil-bidu tal-ministeru Tiegħu, “Ġesù beda jxandar u jgħid: Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet.” Peress li Hu kien jaf li mhux kull triq kienet twassal għas-smewwiet, Huwa talabhom:
“Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha.
“Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha.”
Huwa ddedika ħin għall-midinbin, “Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.”
Rigward il-kittieba u l-Fariżej u s-Sadduċej, Ġesù kkundanna l-ipokresija tagħhom mingħajr ebda kompromess. It-twiddib u l-kmandamenti Tiegħu kienu mill-aktar diretti: “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u l-fidi! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra.” M’hemmx dubju li ħadd ma jista’ jakkuża lis-Salvatur li ma kienx iħobb lil dawn il-kittieba u l-Fariżej—wara kollox, Huwa sofra u miet biex isalva lilhom ukoll. Iżda għax kien iħobbhom, Huwa ma setax iħallihom jibqgħu jgħixu fid-dnub mingħajr ma jikkoreġihom. Wieħed osservatur innota, “Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu dak li għamel hu: li jilqgħu lil kulħadd iżda wkoll li jgħallmuhom dwar id-dnub, għaliex l-imħabba titlob li li huma jwiddbu lin-nies dwar dak li jista’ jkun ta’ ħsara għalihom.”
Xi kultant dawk li jsemmgħu l-leħen ta’ twissija tagħhom jidhru bħala nies li jħobbu jiġġudikaw lil ħaddieħor. Paradossalment, madankollu, dawk li jiddikjaraw li l-verità hija relattiva u li l-istandards morali huma kwistjoni ta’ preferenza personali huma ħafna drabi l-istess nies li jikkritikaw b’ mod aħrax lil dawk kollha li ma jaċċettawx dak li s-soċjetà tħares lejh bħala “il-ħsieb korrett.” Wieħed kittieb irrefera għal dan bħala “il-kultura ta’ għajb”:
“F’ kultura ta’ ħtija inti tkun taf qiegħedx tagħmel it-tajjeb jew il-ħażin b’ dak li tgħidlek il-kuxjenza. F’ kultura ta’ għajb inti tkun taf qiegħedx tagħmel it-tajjeb jew il-ħażin skont dak li tgħid dwarek il-komunità, jekk hi tonorakx jew jeskludikx. F’ kultura tal-għajb, il-ħajja morali ma tiġix mibnija fuq xi sekwenza gradwata ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin; hija mibnija fuq sekwenza gradwata ta’ inklużjoni u esklużjoni. …
“… Kulħadd huwa perpetwalment inċert f’ sistema morali bbażata fuq l-inklużjoni u l-esklużjoni. M’hemmx standards permanenti, hemm sempliċiment il-ġudizzju dejjem jinbidel tal-folla. Hija kultura ta’ suxxettibilità eċċessiva, reazzjoni esaġerata u paniku morali frekwenti, filwaqt li kulħadd iħossu li għandu jimxu mal-merħla. …
“Il-kultura tal-ħtija taf tkun waħda ħarxa, iżda għallinqas fiha inti tista’ tobgħod id-dnub u tħobb lill-midneb. Il-kultura moderna tal-għajb allegatament tivvaluta l-inklużjoni u t-tolleranza, iżda b’ mod stramb taf ma tkun xejn ħanina ma’ dawk li ma jaqblux u ma dawk li ma jħossuhomx komdi f’ din il-kultura.”
Araw ftit x’ kuntrast mal-“blata tal-Feddej tagħna,” pedament stabbli u permanenti ta’ ġustizzja u virtù. Kemm hu aħjar li jkollna il-liġi ma tinbidilx ta’ Alla, li tgħinna naġixxu biex inkunu aħna stess li nagħżlu d-destin tagħna, minflok ma’ nispiċċaw ostaġġi tar-regoli u l-għadab tal-marmalja tal-midja soċjali. Kemm hu aħjar li nkunu nafu l-verità milli nispiċċaw “mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim.” Kemm hu aħjar li nindmu u nqumu għall-istandard tal-evanġelju milli nippretendu li ma jeżisti l-ebda tajjeb jew ħażin u nibqgħu niżlin dejjem ‘l isfel fid-dnub u d-dispjaċir.
Il-Mulej iddikjara, “Il-leħen ta’ twissija għandu jitwassal lin-nies kollha, permezz ta’ fomm id-dixxipli tiegħi, li jiena għażilt f’ dawn l-aħħar jiem.” Bħala għassiesa u dixxipli, aħna ma nistgħux inkunu newtrali dwar dan “l-aqwa mod.” Bħal Eżekjel, aħna ma nistgħux noqogħdu naraw ix-xabla riesqa lejn l-art “u ma ndoqqux it-tromba.” B’ daqshekk m’aħniex ngħidu li għandna nibdew insabbtu fuq il-bieb tal-ġirien tagħna jew nieqfu f’ nofs il-pjazza ngħajtu, “Indmu!” Verament, jekk nieqfu u naħsbu dwar dan, fl-evanġelju rrestawrat aħna għandna dak li n-nies, fil-fond ta’ ruħhom, verament jixtiequ li jkollhom. Għalhekk il-leħen ta’ twissija ġeneralment mhux biss huwa leħen ċivili iżda biex nuża l-frażi li juża s-Salmista, huwa “għajjat ta’ ferħ.”
L-editur u opinjonista ta’Deseret News Hal Boyd semma eżempju wieħed ta’ kif aħna nistgħu nkunu ta’ servizz inerenti u ħażin għal ħaddieħor jekk aħna nibqgħu silenzjużi. Huwa nnota li filwaqt li l-idea ta’ żwieġ għadha każ ta’ “dibattitu intelletwali” fost l-elit tas-soċjetà Amerikana, fil-prattika iż-żwieġ innifsu għalihom mhuwiex kwistjoni ta’ dibattitu. “‘L-elit jiżżewġu u jibqgħu miżżewġin u jaraw li wliedhom igawdu l-benefiċċju ta’ żwieġ stabbli.’ … Il-problema, madankollu, hi li huma għandhom it-tendenza li ma jippridkawx dak li huma stess jipprattikaw.” Huma ma jridux “jimponu” fuq dawk li verament jistgħu jużaw it-tmexxija morali tagħhom, iżda “jista’ jkun li wasal iż-żmien għal dawk ta’ ċerta edukazzjoni u familji b’ saħħithom biex huma jieqfu jilagħbuha li huma newtrali u jibdew jippridkaw dak li huma stess jipprattikaw fejn jidħol iż-żwieġ u l-irwol tagħom bħala ġenituri … u jgħinu lill-Amerikani sħabhom iħaddnu dak li huma jipprattikaw.”
Aħna nemmnu li speċjalment intom tal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, intom iż-żgħażagħ u adulti żgħażagħ li fuqkom il-Mulej jista’ jafda għas-suċċess tal-ħidma Tiegħu fil-ġejjieni, tibqgħu ssostnu t-tagħlim tal-evanġelju u l-istandards tal-Knisja kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat. Tabbandunawx lil dawk li lesti jilqgħu l-verità biex huma jispiċċaw jeżitaw u jaqgħu fl-injoranza. Taqgħux fin-nasba tal-kunċetti foloz tat-tolleranza jew tal-biża’—biża’ mill-inkonvenjenza, mid-disapprovazzjoni jew saħansitra mis-sofferenza. Ftakru fil-wegħda tas-Salvatur:
“Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
“Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.”
Ultimament, aħna lkoll irridu nagħtu kont lil Alla tal-għażliet tagħna u tal-ħajja li ngħixu. “Is-Salvatur iddikjara, “Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is-salib; u wara li nittella’ fuq is-salib, ħalli nressaq il-bnedmin kollha lejja, li kif jiena ġejt imtella’ mill-bnedmin bl-istess mod il-bnedmin se jittellgħu mill-Missier, sabiex jieqfu quddiemi, biex jiġu ġġudikati skont xogħolhom.”
Filwaqt li nagħrfu dan il-fatt dwar is-supremazija tal-Mulej, jiena nitlob bil-ħerqa permezz tal-kliem ta’ Alma:
“U issa, ħuti, nixtieq minn qiegħ qalbi, iva, b’ anzjetà mill-aktar kbira li kkawżatli saħansitra l-uġigħ, li intom … tiċħdu dnubietkom u ma tipprokrastinawx il-jum tal-indiema tagħkom;
“Iżda ċekknu lilkom infuskom quddiem il-Mulej, u sejħu l-isem imqaddes tiegħu, u ishru u itolbu kontinwament, sabiex intom ma tkunux imġarrbin aktar milli tifilħu, u b’hekk tiġu mmexxijin mill-Ispirtu s-Santu … ;
“Billi jkollkom fidi fil-Mulej; ikollkom tama li intom tirċievu l-ħajja eterna; ikollkom l-imħabba ta’ Alla dejjem f’ qalbkom, sabiex intom tkunu tistgħu tiġu mgħollija fl-aħħar jum u tidħlu fil-mistrieħ tiegħu.”
Jalla aħna lkoll inkunu kapaċi flimkien ma’ David ngħidu lill-Mulej: “Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek; il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom: Ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek lill-ġemgħa kbira. Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek.” F’ isem Ġesù Kristu, amen.