Sabiex id-Dawl Tagħna Ikun Standard għall-Ġnus
L-evanġelju tas-Salvatur u l-Knisja rrestawrata Tiegħu jagħtuna bosta opportunitajiet biex id-dawl tagħna jkun parti mill-istandard kbir għall-ġnus.
Snin ilu, waqt li jien kont qed inservi bħala għalliem tas-seminarju, kont smajt wieħed mill-kollegi tiegħi tax-xogħol jitlob lill-istudenti tiegħu biex jirriflettu fuq il-mistoqsija li ġejja: Kieku intom kontu tgħixu fi żmien is-Salvatur, għaliex taħsbu li intom kontu tkunu fost id-dixxipli Tiegħu li mxew warajh? Huma waslu fil-konklużjoni li dawk li llum jinsabu jimxu wara s-Salvatur u jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu dixxipli Tiegħu kienu probabbilment jagħmlu l-istess ħaġa fi żmienu.
Minn dak inhar, jiena bqajt nirrifletti fuq dik il-mistoqsija u fuq il-konklużjoni tagħhom. Mhux l-ewwel darba li għaddieli l-ħsieb kif stajt ħassejtni jien kieku jiena stess smajt lis-Salvatur Innifsu jgħid dan li ġej waqt id-Diskors fuq il-Muntanja:
“Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba.
“Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.
“Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mattew 5:14–16).
Tistgħu timmaġinaw kif stajtu ħassejtukom kieku intom smajtu leħen is-Salvatur? Fil-fatt, m’għandniex għalfejn nimmaġinaw. Saret għalina esperjenza kostanti li aħna nisimgħu leħen il-Mulej għaliex kull meta aħna nisimgħu leħen il-qaddejja Tiegħu, qisna qed nisimgħu lilu.
Fl-1838, f’ messaġġ simili għal dak mogħti fid-Diskors fuq il-Muntanja, il-Mulej iddikjara, permezz tal-Profeta Joseph Smith, dan il-kliem:
“Għax hekk għandkom issejħulha l-Knisja Tiegħi fl-aħħar jiem, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.
“Tassew, ngħidilkom ilkoll: Qumu u iddu, sabiex id-dawl tagħkom ikun standard għall-ġnus” (D&C 115:4–5).
Żmienna tant huwa żmien straordinarju li saħansitra ġie muri f’ viżjoni lill-profeta Isaija; huwa wkoll ra u bassar dwar dan iż-żmien tar-Restawrazzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu u l-għan tagħha, meta qal, “U jgħolli sinjal lill-ġnus, u jiġbor il-mormijin ta’ Iżrael, u jiġbor l-imxerrdin ta’ Ġuda mill-erbat itruf tal-art” (Isaija 11:12).
F’ kuntest skritturali dan is-sinjal, li huwa wkoll standard, huwa dik il-bandiera li n-nies jinġabru madwarha f’ unità waħda. Fiż-żminijiet tal-qedem, l-istandard serva bħala l-post partikolari biex ħdejh jinġabru s-suldati fil-battalja. B’ mod simboliku, il-Ktieb ta’ Mormon u l-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu huma l-istandardi għall-ġnus kollha. (Ara Gwida tal-Iskrittura, “Ensign,” scriptures.lds.org.)
Mingħajr dubju, wieħed mill-akbar standard ta’ dawn l-aħħar jiem hija din il-konferenza ġenerali mill-aktar manjifika, fejn il-ħidma u l-pjan meraviljużi ta’ Missierna tas-Smewwiet li jġibu “fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem” (Moses 1:39) jiġu ddikjarati kontinwament.
Li din il-konferenza ġenerali baqgħet tittella’ regolarment sena wara sena hija waħda mit-testimonjanzi kbar tal-fatt li aħna, bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, “nemmnu dak kollu li Alla żvela, dak kollu li qed jiżvela bħalissa, u nemmnu li Hu għad irid jiżvela ħafna ħwejjeġ kbar u importanti li jippartjenu għas-Saltna ta’ Alla” (Artikli tal-Fidi 1:9).
Allura, x’inhu dak li żvela l-Mulej permezz tal-President Thomas S. Monson li aħna għandna nibqgħu nagħmlu biex id-dawl tagħna jibqa’ jkun standard għall-ġnus? X’inhuma wħud mill-aktar ħwejjeġ importanti li għandna nagħmlu f’ dan iż-żmien meraviljuż li fih il-Mulej qed jibni Sijon u jiġbor flimkien lil Iżrael?
Il-Mulej dejjem żvela r-rieda Tiegħu lilna “linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm” (2 Nephi 28:30). Għalhekk, m’għandniex nissorprendu ruħna b’ dawk il-ħwejjeġ li jidhru insinifikanti minħabba n-natura sempliċi u ripetittiva tagħhom, għaliex il-Mulej diġà wissiena, fejn qalilna li “mberkin dawk li jagħtu kas tal-preċetti tiegħi u jiftħu widnejhom għall-kunsill tiegħi, għaliex huma jitgħallmu l-għerf; għaliex dak li jirċievi dan lilu jiena nagħtih aktar” (2 Nephi 28:30).
Jiena nixhed li jekk aħna nitgħallmu “linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm” u nagħtu kas tal-kunsill tal-mexxejja tagħna, aħna jkollna ż-żejt għall-imsiebaħ tagħna li jwassluna biex aħna nkunu nistgħu nagħtu d-dawl lil ħaddieħor kif talabna l-Mulej.
Filwaqt li hemm bosta ħwejjeġ x’ nistgħu nagħmlu biex aħna nkunu dawl u standard għal ħaddieħor, jiena nixtieq niffoka fuq dawn it-tlieta: nosservaw Jum is-Sabbath, inħaffu l-ħidma tas-salvazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-velu u ngħallmu kif jgħallem is-Salvatur.
Id-dawl li qed nirreferu għalih nistgħu niksbuh permezz tad-devozzjoni li aħna nagħtu lill-qima ta’ Jum is-Sabbath, kemm fil-Knisja kif ukoll fid-dar; dan huwa d-dawl li jkompli jikber hekk kif aħna nżommu lilna nfusna bla tebgħa mid-dinja; huwa d-dawl li niksbuh meta aħna noffru s-sagrament tagħna fil-jum imqaddes Tiegħu u billi nuru l-qima tagħna lil Alla l-Għoli—dan kollu jwassalna biex aħna jkollna dejjem ikollna l-Ispirtu Tiegħu magħna. Huwa sewwasew id-dawl li jikber u li nkunu nistgħu narawh meta aħna nerġgħu lura d-dar b’ sentiment ta’ maħfra li tkellem dwaru l-President Henry B. Eyring fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru li għadda meta huwa qal: “Fost il-barkiet kollha li nistgħu ngħoddu, l-akbar fosthom bla dubju hija l-maħfra li aħna nirċievu hekk kif nieħdu sehem fis-sagrament. Aħna nħossu mħabba u apprezzament akbar lejn is-Salvatur, li permezz tas-sagrifiċċju infinit Tiegħu għamilha possibbli li aħna nitnaddfu mid-dnub” (“Gratitude on the Sabbath Day,” Liahona, Nov. 2016, 100).
Hekk kif aħna nqaddsu jum il-Ħadd u nieħdu sehem fis-sagrament, aħna mhux biss nindafu iżda d-dawl tagħna jibqa’ dejjem jitqawwa fid-dija tiegħu.
Id-dawl tagħna jikber ukoll hekk kif aħna niddedikaw u nikkonsagraw il-ħin tagħna sabiex insibu l-ismijiet tal-antenati tagħna, nieħdu isimhom fit-tempju u ngħallmu lill-familja tagħna u lil oħrajn biex jagħmlu l-istess.
Din il-ħidma tat-tempju sagru u tal-istorja tal-familja, liema ħidma aħna nistgħu naqsmu mal-Qaddisin fuq iż-żewġ naħat tal-velu, qed timxi ‘l quddiem aktar minn qatt qabel hekk kif illum qed jinbnew aktar tempji tal-Mulej. Issa li t-tempji għandhom skeda speċjali għall-gruppi tal-familja li jmorru bil-biljetti tal-ismijiet tal-familja, jien u marti kellna esperjenzi mill-isbaħ hekk kif flimkien aħna servejna ġewwa t-tempju ma’ wliedna u ma’ wlied uliedna.
Meta aħna nsibu u nieħdu l-ismijiet fit-tempju u ngħallmu lill-oħrajn kif huma wkoll jistgħu jagħmlu dan, aħna nkunu nistgħu niddu flimkien bħal sinjal jew standard.
Li aħna nitgħallmu ngħallmu kif għallem is-Salvatur huwa mod ieħor kif aħna nistgħu nqumu u niddu. Jiena nifraħ ma’ dawk kollha li qed jitgħallmu kif huma għandhom jgħallmu kif jgħallem is-Salvatur. Ippermettuli naqra mill-ewwel paġna tal-manwal il-ġdid tat-tagħlim: “L-għan ta’ kull għalliema tal-evanġelju—kull ġenitur, kull għalliem imsejjaħ b’ mod formali, kull għalliem tad-dar u l-għalliema taż-żjajjar, u kull dixxiplu ta’ Kristu—hu li jgħallem id-duttrina pura tal-evanġelju, permezz tal-Ispirtu, … biex jgħin lil ulied Alla jibnu l-fidi tagħhom fis-Salvatur u jsiru aktar bħalu” (Teaching in the Savior’s Way [2016]).
Bħalissa, eluf ta’ mexxejja fidili tagħna qegħdin iżommu d-dawl tagħhom fil-għoli hekk kif huma jinsabu jitgħallmu kif għandhom jgħallmu kif jgħallem is-Salvatur. F’ dan il-kuntest il-laqgħa l-ġdida tal-kunsill tal-għalliema hija mod kif aħna nqumu u niddu hekk kif l-istudenti jiltaqgħu madwar l-istandard tad-duttrina ta’ Kristu, għaliex “is-sigriet kif aħna nistgħu ngħallmu kif għallem is-Salvatur hu billi ngħixu kif għex is-Salvatur” (Teaching in the Savior’s Way, 4).
Hekk kif aħna lkoll ngħallmu u nitgħallmu kif jgħallem Hu u nsiru aktar bħalu, id-dawl tagħna jispiċċa jibda jiddi tant li ma jkunx jista’ jinħeba u jsir standard għal dawk li qed ifittxu d-dawl tas-Salvatur.
Għeżież ħuti, aħna m’għandniex naħbu d-dawl tagħna. Is-Salvatur tagħna talabna biex inħallu d-dawl tagħna jiddi bħal belt fuq muntajna jew bħal dawl li jkun fuq l-imnara. Hekk kif aħna nagħmlu dan, aħna nigglorifikaw lil Missierna tas-Smewwiet. L-evanġelju tas-Salvatur u l-Knisja rrestawrata Tiegħu jagħtuna bosta opportunitajiet biex id-dawl tagħna jkun parti mill-istandard kbir għall-ġnus.
Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa d-dawl li aħna għandna nirriflettu, f’ isem Ġesù Kristu, amen.