2010-2019
Ir-Ragħaj it-Tajjeb Tagħna
April 2017


Ir-Ragħaj it-Tajjeb Tagħna

Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna, jifraħ meta jara n-nagħaġ morda Tiegħu jimxu ‘l quddiem lejn il-fejqan.

Aħna nistgħu nieħdu ftit idea tal-karattru ta’ Missierna tas-Smewwiet hekk kif aħna nagħrfu l-kompassjoni immensa li Huwa għandu għall-midinbin u hekk kif aħna napprezzaw id-distinzjoni li hemm bejn id-dnub u dawk li jidinbu. Dan jgħinna biex aħna jkollna “għarfien korrett tal-karattru, tal-perfezzjoni u tal-kwalitajiet tiegħu” u hu l-bażi biex aħna neżerċitaw il-fidi tagħna Fih u f’ Ibnu, Ġesù Kristu. Il-kompassjoni tas-Salvatur quddiem l-imperfezzjoni tagħna tressaqna lejh u timmotivana fit-taqbida kontinwa tagħna biex aħna nindmu u nsiru nixbhuh. Hekk kif aħna nsiru aktar nixbhuh, aħna nitgħallmu nittrattaw lill-oħrajn kif jittrattahom Hu, tkun xi tkun il-karatteristika jew l-imġieba esterjuri tagħhom.

L-impatt ta’ meta wieħed jiddistingwi bejn il-karatteristiċi esterjuri ta’ xi persuna u l-persuna nnifisha huwa fiċ-ċentru tar-rumanz Les Misérables, tal-awtur Franċiż Victor Hugo. Fil-bidu tar-rumanz, in-narratur jintroduċi lil Bienvenu Myriel, l-isqof ta’ Digne, u jiddiskuti dilemma li l-isqof ikun qed iħabbat wiċċu magħha. Jagħmel sew jekk imur iżur lil wieħed raġel li jiddikjara huwa stess li huwa ateu u li l-komunità tistmerru minħabba l-imġieba passata tiegħu fir-Rivoluzzjoni Franċiża?

In-narratur jgħid li l-isqof seta’ b’ mod naturali jħoss ġewwa fih stmellija kbira lejn dan ir-raġel. Imbagħad in-narratur jagħmel din il-mistoqsija sempliċi: “Bl-istess mod, għandhom il-qxur fuq il-ġilda marida tan-nagħaġ iwasslu biex ir-ragħaj jabbanduna l-merħla?” Filwaqt li wieġeb f’ isem l-isqof, in-narratur jagħtina tweġiba definittiva, “Le”—u mbagħad iżid kumment umoristiku: Iżda x’ nagħġa din!”

F’ dan il-passaġġ, Hugo jqabbel il-“ħażen” tal-bniedem mal-marda tal-ġilda fuq in-nagħaġ u jqabbel lill-isqof ma’ ragħaj li ma jċedix meta quddiemu jkollu xi nagħġa li tkun marida. L-isqof huwa bniedem li jaf juri simpatija u aktar tard fir-rumanz huwa juri l-istess tip ta’ kompassjoni ma’ raġel ieħor, il-protagonist ewlieni fin-novella, eks ħabsi degradanti, Jean Valjean. Il-ħniena u l-empatija tal-isqof jimmotivaw lil Jean Valjean biex jibdel ir-rotta ta’ ħajtu.

Peress li matul l-iskrittura Alla juża l-mard bħala metafora għad-dnub, hija ħaġa mill-aktar naturali li aħna nistaqsu, “Kif jirreaġixxi Ġesù Kristu meta jħabbat wiċċu mal-mard metaforiku tagħna—dnubietna?” Wara kollox, is-Salvatur qal li Hu “ma jistax jippermetti li jagħlaq għajnejh għall-iċken dnub”; mela kif jista’ jħares lejna, nies imperfetti bħalna, mingħajr ma jasal biex b’ għadab u stmellija Huwa jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra?

It-tweġiba hija waħda sempliċi u ċara. Bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, Ġesù Kristu jħares lejn il-mard fin-nagħaġ Tiegħu bħala kundizzjoni li teħtieġ ċertu trattament, kura u kompassjoni. Dan ir-ragħaj, ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna, jifraħ meta jara n-nagħaġ morda Tiegħu jimxu ‘l quddiem lejn il-fejqan.

Is-Salvatur kien bassar li Huwa kien se jkun “bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu ,” “ifittex lill-mitlufin, … ireġġa’ lura l-imxerrda, … jinfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u … iqawwi l-marid.” Għalkemm jingħad li l-poplu ta’ Iżrael li kien jinsab f’ apostasija kien ikkunsmat minn “drib, tbenġil u ġrieħi jnixxu,” is-Salvatur ħeġġeġ u wiegħed il-fejqan lil dan il-poplu.

Il-ministeru mortali tas-Salvatur kien fil-fatt ikkaratterizzat mill-imħabba, mill-kompassjoni u l-empatija. Huwa ma mexiex it-toroq imtarrba tal-Galilija u l-Lhudija b’ disprezz, jinqata’ lura kull meta jara l-midinbin quddiemu. Huwa ma kienx jipprova jevitahom peress li kien ikun mimli għadab. Le, Huwa kiel magħhom. Huwa għenhom u berikhom, inkuraġġihom u ħeġġiġhom u bidel il-biża’ u d-disperazzjoni tagħhom f’ tama u ferħ. Bħall-veru ragħaj li Hu, Huwa jfittixna u jsibna biex joffrilna l-għajnuna u- t-tama. Li aħna nifhmu l-kompassjoni u l-imħabba Tiegħu jgħinna neżerċitaw il-fidi tagħna fih—billi nindmu u nitfejqu.

L-Evanġelju ta’ Ġwanni jitkellem dwar l-effett tal-empatija tas-Salvatur fuq il-midneb. Il-Kittieba u l-Fariżej ħadu quddiem is-Salvatur mara li kienet inqabdet fil-fatt twettaq adulterju. Dawk li kienu qed jakkużawha talbu li hija tiġi mħaġġra, skont il-liġi ta’ Mosè. Ġesù, bi tweġiba għal dawk li baqgħu jistaqsuh, finalment qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.”

Dawk li bdew jakkużawha telqu lkoll minn ħdejh, “u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs.

“Meta Ġesù … ma ra lil ħadd quddiemu ħlief lill-mara, huwa qalilha, Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?

“Ħadd, Sinjur,” qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak, qalilha Ġesù. Mur, u mil-lum ‘il quddiem tidnibx iżjed.”

Bla dubju, is-Salvatur ma kienx qed jiskuża l-adulterju. Iżda Huwa lanqas ma kkundanna lill-mara. Huwa ħeġġiġha biex tirriforma ruħha. Hija ħassitha motivata li tinbidel minħabba l-kompassjoni u l-ħniena Tiegħu. It-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith tal-Bibbja tiddikjara li hija spiċċat biex saret dixxiplu Tiegħu: “U minn dak il-mument ‘il quddiem il-mara bdiet tigglorifika lil Alla u emmnet f’ ismu.”

Filwaqt li Alla huwa mimli empatija, aħna m’għandniex nagħmlu l-iżball li nemmnu li Hu moħħu miftuħ u għalhekk jaċċetta d-dnub. Mhux il-każ. Importanti li nifhmu li s-Salvatur ġie fid-dinja biex isalvana minn dnubietna, u mhux biex isalvana fi dnubietna. Żeżrum, li kien interrogatur mill-aktar kapaċi, darba pprova jaqbad lil Amuleki fuq sieq waħda billi staqsieh: “Allura l-miġja tal-Messija se twassal biex issalva lill-bnedmin fi dnubiethom? U Amuleki wieġbu u qallu: Jiena ngħidlek li mhuwiex se jagħmel dan, għaliex huwa impossibbli għalih li jmur kontra l-istess kelma tiegħu. … Huwa ma jistax isalvahom fi dnubiethom.” Amuleki tkellem il-verità fundamentali li biex aħna nsalvaw minn dnubietna, jeħtieġ li naċċettaw “il-kundizzjoni tal-indiema,” li twassal biex il-qawwa tal-Feddej tkun tista’ ssalva ruħna.

Il-kompassjoni, l-imħabba u l-ħniena tas-Salvatur iressquna lejh. Permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, aħna ma nibqgħux aktar sodisfatti bl-istat tagħna bħala nies midinbin. Alla hu ċar ħafna dwar dak li għalih hu xieraq u aċċettabbli u dak li hu ħażin u li hu dnub. Dan mhux għaliex ix-xewqa tiegħu hi li d-dixxipli Tiegħu jobduh b’ mod għami. Le, Missierna tas-Smewwiet jixtieq li wliedu, minn jeddhom, jagħżlu li jsiru bħalu u jikkwalifikaw għat-tip ta’ ħajja li jgawdi Hu. Hekk kif jagħmlu dan, uliedu jġibu fis-seħħ id-destin divin tagħhom u huma jsiru werrieta ta’ dak kollu li Huwa għandu. Għal din ir-raġuni, il-mexxejja tal-Knisja ma jistgħux jibdlu l-kmandamenti jew id-duttrina ta’ Alla kontra r-rieda Tiegħu, sempliċiment għall-konvenjenza jew għall-popolarità.

Madankollu, fit-tfittxija tagħna tal-ħajja biex nimxu wara Ġesù Kristu, aħna nistgħu nitgħallmu partikolarment mill-eżempju Tiegħu ta’ tjubija lejn dawk li jidinbu. Aħna, li aħna midinbin, għandna, bħas-Salvatur, nilħqu lil ħaddieħor b’ kompassjoni u mħabba. L-irwol tagħna hu wkoll li ngħinuhom u nberkuhom, ninkuraġġuhom u nħeġġuhom u li nibdlu l-biża’ u d-disperazzjoni tagħhom f’ tama u ferħ.

Is-Salvatur ċanfar lil dawk l-individwi li taw daharhom lil dawk li huma kienu jħarsu lejhom bħala mniġġsa u li, għax kienu jaħsbu li kienu aħjar minn ħaddieħor, kienu jiġġudikaw lil nies oħra bħala aktar midinbin minnhom. Din hi l-lezzjoni li huwa ried jenfasizza lil dawk li “jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn.” Huwa qalilhom din il-parabbola:

“Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu.

“Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan.

“Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal.

“Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid, O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb.”

Imbagħad Ġesù temm jgħidilhom, “Ngħidilkom jien li dan [il-pubblikan] , u mhux l-ieħor [il-Fariżej], niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”

Il-messaġġ għalina huwa wieħed ċar: il-midneb li jindem jersaq aktar viċin Alla minn dak il-bniedem li jaħseb li tant huwa tajjeb li jikkundanna lil dak il-midneb.

It-tendenza umana hi li wieħed jaħseb li hu tajjeb biżżejjed, u li jiġġudika lil ħaddieħor, kienet teżisti wkoll fi żmien Alma. Hekk kif in-nies “bdew jistabbilixxu l-knisja b’ mod aktar sħiħ … il-knisja bdiet titkabbar, … in-nies tal-knisja bdew jitkabbru u bdew jaraw lilhom infushom superjuri, … huma bdew jistmerru lil xulxin, u bdew jippersegwitaw lil dawk li ma kinux jemmnu bħalhom u kif jogħġob lilhom.”

Din il-persekuzzjoni kienet speċifikament ipprojbita: “Issa kien hemm liġi stretta fost il-poplu tal-knisja, li l-ebda bniedem, li kien jagħmel parti mill-knisja, ma seta’ jqum u jippersegwita lil dawk li ma kinux jagħmlu parti mill-knisja, u ma kellu jkun hemm l-ebda persekuzzjoni fosthom.” Il-prinċipju li jiggwida lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għadu l-istess. Aħna m’għandniex inkunu ħatja ta’ persekuzzjoni ta’ xi ħadd, membru tal-Knisja jew le.

Dawk li għal xi raġuni ġew ippersegwitati jafu xi tfisser li tesperjenza l-inġustizzja u l-preġudizzju. Bħala żagħżugħ li fis-snin sittin kont ngħix fl-Ewropa, jiena kont inħoss li lili kienu jaqbdu miegħi u jabbużaw minni ripetutament għaliex jien kont Amerikan u għaliex kont membru tal-Knisja. Xi wħud mill-istudenti sħabi kienu jittrattawni bħallikieku jiena kont il-bniedem responsabbli għall-politika barranija Amerikana li xejn ma kienet poplari f’ dawk iż-żminijiet. Kienu jittrattawni wkoll bħallikieku r-reliġjon tiegħi kienet insult għall-pajjiżi li fihom jien għext għaliex kienet differenti mir-reliġjon sponsorjata mill-istat. Aktar tard, f’ diversi pajjiżi oħra madwar id-dinja, jiena rajt b’ għajnejja stess doża żgħira tal-kruha tal-preġudizzju u d-diskriminazzjoni li sofrew dawk li kienu vvittimizzati minħabba r-razza jew l-etniċità tagħhom.

Il-persekuzzjoni tiġi f’ diversi forom: ridikulaġni, turment, bullijing, esklużjoni u iżolament, jew mibegħda lejn ħaddieħor. Aħna għandna nieqfu kontra l-preġudizzju li jsemma’ l-leħen ikrah tiegħu kontra dawk li jħaddnu opinjonijiet differenti minn tagħna. Il-preġudizzju juri lilu nnifsu, ħafna drabi, fin-nuqqas ta’ rieda tagħna li niggarantixxu l-istess libertà ta’ espressjoni lil ħaddieħor. Kulħadd, fosthom in-nies reliġjużi, għandhom id-dritt li jesprimu l-opinjoni tagħhom fil-beraħ. Iżda ħadd mhu liċenzjat li juri l-mibegħda lejn ħaddieħor waqt li jkun qed jesprimi l-opinjoni tiegħu.

Fl-istorja tal-Knisja nsibu ħafna evidenza li kienu bosta l-membri li ħabbtu wiċċhom mal-mibegħda u l-preġudizzju. Kemm tkun ħaġa ironika u ta’ niket jekk aħna stess ikollna nittrattaw lil ħaddieħor kif konna ġejna ttrattati aħna stess. Is-Salvatur għallem, “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.” Biex aħna nitolbu li niġu ttrattati b’ rispett, l-ewwel jeħtieġ li nuru r-rispett aħna stess. Barra minn hekk, il-frott tal-konverżjoni ġenwina tagħna huma “l-manswetudni u l-umiltà f’ qalbna,” li jistiednu “l-Ispirtu s-Santu u jimliena b’ imħabba perfetta,” “imħabba sinċiera” għall-oħrajn.

Ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna ma jinbidilx u llum għadu jħossu l-istess dwar id-dnub u l-midneb bħalma kien iħossu meta Huwa mexa f’ din id-dinja. Huwa ma jabbandunaniex għaliex aħna nidinbu, anke jekk xi kultant Huwa jaf jgħid, “Iżda x’ nagħġa din!” Huwa tant iħobbna li Huwa pprovda mod kif aħna nistgħu nindmu u nindafu ħalli nkunu nistgħu nerġgħu lura għandu u għand Missierna tas-Smewwiet. Filwaqt li għamel dan, Ġesù Kristu tana wkoll eżempju biex nimxu warajh—li aħna għandna nuru rispett lil kulħadd u mibegħda lejn ħadd.

Bħala dixxipli Tiegħu, ejjew aħna nimitaw bi sħiħ l-imħabba Tiegħu u nħobbu lil xulxin b’ mod tant ovvju u komplet li ħadd ma jħossu abbandunat, waħdu jew bla tama. Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, li jħobbna u jieħu ħsiebna. Huwa jafna u jagħti ħajtu għan-nagħaġ Tiegħu. Huwa wkoll jgħix għalina u jridna li nsiru nafuh u neżerċitaw il-fidi tagħna Fih. Jiena nħobbu u nadurah, u jien profondament grat għalih, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Lectures on Faith (1985), 38.

  2. Ir-rumanz Les Misérables, ta’ Victor Hugo (1802–85), jirrakkonta l-istorja ta’ Jean Valjean, li kkommetta reat żgħir meta seraq ħobża biex ikun jista’ jitma lill-familja ta’ oħtu. Għalkemm ingħata sentenza ta’ 5 snin ħabs, Valjean għadda 19-il sena jaħdem iebes minħabba li pprova jaħrab erba’ darbiet mill-ħabs. Huwa ħareġ mill-ħabs bħala raġel ċiniku u aspru.

    Minħabba r-rekord kriminali tiegħu, Valjean spiċċa bla xogħol, bla ikel u bla saqaf fuq rasu. Għajjien u demoralizzat, hu finalment ingħata kenn għand l-isqof ta’ Dugne, li wera ma’ Valjean tjubija u kompassjoni kbira. Matul il-lejl, Valjean ħalla lilu nnifsu jinħakem min-nuqqas ta’ tama u seraq l-oġġetti tal-fidda li kellu l-isqof u ħarab.

    Valjean inqabad u ttieħed lura għand l-isqof. Ħaga tal-iskantament u kontra dak li Valjean stenna, l-isqof qal lill-pulizija li kien hu li kien ta lil Valjean l-oġġetti tal-fidda u insista li Valjean jieħu magħhom ukoll żewġ kandelabri tal-fidda. (Ara Hugo, Les Misérables [1987], ktieb 2, kapitli 10–12.)

  3. Ara Hugo, Les Misérables, ktieb 1, kapitlu 10.

  4. In-narratur staqsa, Toutefois, la gale de la brebis doit-elle faire reculer le pasteur? (Hugo, Les Misérables [1985], ktieb 1, kapitlu 10, paġna 67). Gale, fil-patoloġija veterinarja, jirreferi għal kull waħda mill-mard tal-ġilda kkawżata minn insett parassita u li hi kkaratterizzata minn telfien tax-xagħar u raxx kbir. Din il-frażi ġiet tradotta għall-Ingliż b’ modi diversi.

  5. Il-kumment editorjali u tan-narratur dwar il-konvenzjonista hija Mais quelle brebis! Xi kultant tiġi tradotta bħala “Imma x’ nagħġa sewda din.”

  6. Doctrine and Covenants 1:31.

  7. Ara Ġwanni 10:11, 14; Alma 5:38; Doctrine and Covenants 50:44.

  8. Isaija 40:11.

  9. Eżekjel 34:16.

  10. Isaija 1:6.

  11. Ara Isaija 01:18.

  12. Ara Luqa 15:1–2.

  13. Ara Mattew 18:11.

  14. Ara Ġwanni 8:3–11.

  15. Joseph Smith Translation, John 8:11 (f’ John 8:11, nota f’ qiegħ il-paġna c).

  16. Ara D. Todd Christofferson, “Abide in My Love,” Liahona, Nov. 2016, 48.

  17. Alma 11:34, 37.

  18. Ara Helaman 5:10–11.

  19. Ara 3 Nephi 27:14–15.

  20. Fiż-żmienna, is-Salvatur ikkjarifika dan: “Dawk li jiksru l-liġi u ma jgħixux skont il-liġi, iżda jfittxu li jagħmlu l-liġi tagħhom, u jkunu jridu jibqgħu għaddejjin fid-dnub, u b’ hekk jgħixu fid-dnub, ma jistgħux jitqaddsu permezz tal-liġi, lanqas permezz tal-ħniena, tal-ġustizzja jew tal-ġudizzju. Għalhekk, huma jibqgħu jitħammġu iżjed” (Doctrine and Covenants 88:35).

  21. Ara 2 Nephi 2:26–27.

  22. Ara Doctrine and Covenants 14:7; 132:19–20, 24, 55.

  23. Ara Rumani 8:16–17; Doctrine and Covenants 84:38.

  24. Ara Mattew 23:13.

  25. Luqa 18:9–14.

  26. Alma 4:4, 6, 8.

  27. Alma 1:21.

  28. Ara Oxford English Dictionary, “bigotry” and “intolerance,” oed.com.

  29. Mattew 7:12.

  30. Moroni 8:26.

  31. 1 Pietru 1:22.

  32. AraArtikli tal-Fidi 1:3.

  33. Ara Ġwanni 10:11–15.