2010-2019
Nieqfu Fuq Ġewwa u Nidħlu Kompletament
April 2017


Nidħlu u Nieqfu Kompletament fuq in-Naħa ta’ Ġewwa

Jekk ikun hemm bżonn jalla aħna nikkalkulaw mill-ġdid ir-rotta tagħna u nħarsu ‘l quddiem b’ tama u fidi kbira. Jalla aħna “nieqfu fuq in-naħa ta’ ġewwa” billi nkunu qalbenin u “nibqgħu kompletament ġewwa.”

Bosta snin ilu in-neputija ċkejkna tagħna ġiet tiġri fuqi u kollha eċċitata qaltli, “Nannu, Nannu, jien skurjajt it-tliet gowls kollha li ġew skurjati fil-logħba futbol li kellna llum.

B’ entużjażmu kbir jiena weġibtha, “Prosit, Sara!”

Ommha mbagħad ħarset lejja u għemżitni u qaltli, “Ir-riżultat kien ta’ tnejn b’ wieħed.”

Ma azzardajtx nistaqsi min kien ħareġ rebbieħ!

Il-konferenza hi żmien ta’ riflessjoni, rivelazzjoni u xi kultant ta’ direzzjoni mill-ġdid.

Hawn kumpanija tal-kiri tal-karozzi li fiha sistema tal-GPS jisimha QattmaTintilef. Jekk inti tispiċċa tieħu triq b’ oħra, la darba tkun daħħalt fis-sistema id-destinazzjoni fejn tixtieq tmur, il-vuċi li tkun qed tiggwidak ma tgħidlekx, “Ja baħnan!Pjuttost, b’ leħen mill-aktar pjaċevoli, tgħidlek, “Ibdel ir-rotta—meta jkun possibbli agħmel U-turn kif titlob il-liġi.”

F’ Eżekjel naqraw din il-wegħda mill-aktar meraviljuża:

“Jekk il-bniedem ħażin jerġa’ lura minn ħtijietu kollha li jkun għamel, u jħares il-liġijiet kollha tiegħi u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jgħix u ma jmutx.

“Ebda dnub milli jkun għamel ma nfakkarlu.”

X’ wegħda mill-aqwa, iżda jeħtieġ li nwettqu ż-żewġ ħwejjeġ deskritti bħala kollha biex nirċievu t-tielet wegħda. Hemm bżonn li nerġgħu lura minn ħtijietna kollha; inħarsu l-liġijiet kollha; imbagħad kollox jinħafrilna. Dan jeħtieġ li nkunu “kompletament ġewwa!”

M’għandniex inkunu bħal dak ir-raġel li, kif irraporta l-Ġurnal ta’ Wall Street , bagħat envelop mimli flus flimkien ma’ ittra anonima lis-Servizz tat-Taxxi Interni fejn kiteb, “Għażiż STI: Fl-envelop jekk jogħġobkom għandkom issibu l-flus b’ lura li jiena kelli nħallas għat-taxxi tiegħi. Nota Jekk wara li għamilt dan il-kuxjenza tiegħi tkun għadha tniggiżni, jiena nibgħatilkom il-kumplament.”

Mhux hekk għandna nagħmlu l-affarijiet! M’għandniex nibqgħu nistennew biex naraw kif nistgħu noħorġu bl-anqas penali. Il-Mulej jeħtieġ il-qalb u moħħ lest għalih. Il-qalb kollha tagħna! Meta aħna nitgħammdu, aħna nitniżżlu kollha kemm aħna taħt l-ilma bħala simbolu tal-wegħda tagħna li aħna lesti nimxu b’ mod sħiħ wara s-Salvatur, mhux b’ nofs qalb. Meta aħna nidħu b’ impenn sħiħ u “nkunu ninsabu lkoll fuq in-naħa ġewwa,” Alla jasal biex juri l-qawwa kollha Tiegħu f’ isimna. Meta dak li nkunu qed nagħmlu nagħmluh b’ nofs qalb jew b’ nuqqas ta’ dedikazzjoni, aħna nispiċċaw nitilfu uħud mill-akbar barkiet tas-smewwiet.

Ħafna snin ilu, jiena ħadt l-Iscouts jikkampjaw fid-deżert. Il-ġuvintur raqdu ħdejn ħuġġieġa kbira li huma kienu għamlu, u bħal kull mexxej tajjeb tal-Iscouts, jiena mort norqod fil-gabina tal-vann tiegħi. Filgħodu meta poġġejt bilqiegħda u ħarist lejn fejn kien hemm il-kamp, jiena nnutajt wieħed mill-Iscouts, li se nsejjaħlu Paul, li deher li kien sabha diffiċli biex jorqod. Staqsejtu kif kien raqad, u huwa wieġeb, “Mhux tajjeb ħafna.”

Meta staqsejtu għalfejn, huwa qalli, “Kienet ħafna kesħa; u n-nar intefa.”

Jiena weġibu, “Ħeq, in-nar hekk jiġrilu. Allura l-basket tal-irqad ma kienx qed isaħħnek biżżejjed?”

Ma weġibni xejn.

Imbagħad wieħed mill-Iscouts l-oħra b’ leħen għoli weġibni f’ ismu, “Huwa ma użax il-basket tal-irqad tiegħu.”

Kollni mistagħġeb jiena staqsejtu, “Għalfejn, Paul?”

Silenzju—imbagħad finalment minn taħt l-ilsien weġibni: “Għax ħsibt li jekk il-basket tal-irqad jien ma niftħux, wara ma jkollix għalfejn nerġa’ noqgħod inkebbu.”

Storja vera: huwa spiċċa friża għal sigħat sħaħ biex da kollu jiffranka ħames minuti xogħol. Nafu ngħidu lilna nfusna, “Kemm hu iblah! Min jasal biex jagħmel dan?” Mela, aħna l-ħin kollu nagħmlu dan b’ mod ferm aktar perikoluż. Aħna, fil-fatt, nirrifjutaw li niftħu l-basket tal-irqad spiritwali tagħna meta ma niddedikawx ħin biex fih nitlobu b’ sinċerità, nistudjaw u ngħixu b’ serjetà kuljum l-evanġelju; in-nar mhux biss jintefa, iżda fil-fatt nitilfu kull protezzjoni u nispiċċaw niksħu spiritwalment.

Meta aħna ma niħdux bis-serjetà l-patti tagħna, aħna stess inkunu kompliċi għall-konsegwenzi li nispiċċaw niffaċċjaw. Il-Mulej wissiena “oqogħdu attenti x’ tagħmlu, agħtu kas tal-kliem tal-ħajja eterna.” U Huwa ddikjara wkoll, “Demmi ma jnaddafhomx jekk huma ma jisimgħunix.”

Fir-realtà, aktar faċli nkunu “kompletament ġewwa” milli parzjalment ġewwa. Meta nkunu ġewwa biss parzjalment jew ma nkunu ġewwa xejn, ikun hemm, skont il-lingwaġġ ta’ Star Wars , “distrazzjoni fil-forza.” Aħna ma nkunux f’ armonija ma’ Alla u għalhekk ma nkunux f’ armonija man-natura tal-ferħ. Isaija qal:

“Il-ħżiena bħal baħar imqanqal, li ma jista’ jsib kwiet b’xejn, u ilmijietu jqanqlu ħama u tajn.

“M’hemmx sliem għall-ħżiena, jgħid Alla tiegħi.”

Fortunatament, ma tagħmilx daqshekk differenza fejn aħna ninsabu bħalissa jew fejn konna ninsabu qabel, għax aħna qatt ma ninsabu ‘l bogħod wisq mill-ħniena tas-Salvatur, li qal: “Għalhekk, min jindem u jiġi għandi bħat-tfal ċkejknin, lilu jien nilqa’ għandi, għaliex tagħhom hija s-saltna ta’ Alla. Araw, għal dawn jiena tajt ħajti, u erġajt ħadtha lura f’ idejja.”

Hekk kif aħna nindmu u nafdaw kontinwament fil-Mulej, aħna nimtlew bil-qawwa hekk kif aħna nerġgħu lura biex nippossedu l-umiltà u l-fidi tat-tfal ċkejknin, flimkien mal-għerf li niksbuh mill-esperjenzi tagħna tal-ħajja. Ġob iddikjara, “Iżda l-ġust iżomm sħiħ fl-imġiba tiegħu, jissokta jitqawwa dak ta’ idejh safja.” Kien Tennyson li kiteb, “Jiena b’ saħħti daqs għaxra min-nies għaliex qalbi hi safja.” Il-Mulej wissiena, “Ieqfu f’ postijiet qaddisa, u titħarrkux.”

It-tifel tagħna Justin miet meta kellu 19-il sena wara li għadda ħajtu kollha jiġġieled marda li laqtitu. F’ diskors waqt laqgħa tas-sagrament li huwa għamel ftit qabel ma ħalliena, huwa qasam magħna storja li m’għandix dubju li kienet għalih mill-aktar sinifikanti dwar missier u ibnu ż-żgħir li marru f’ ħanut tal-ġugarelli fejn kien hemm basket li jintefaħ forma ta’ bniedem, biex wieħed ikun jista’ tagħti bil-ponn fuqu. It-tifel ta daqqa ta’ ponn fuq dan ir-raġel minfuħ li spiċċa biex waqa’ mal-art u immedjatament wara d-daqqa reġa’ qam. Il-missier staqsa lit-tifel żgħir tiegħu għalfejn ir-raġel beda kull darba jerġa’ jqum. It-tifel ħaseb għal ftit u mbagħad qal, “Ma nafx. Naħseb għaliex jinsab wieqaf fuq in-naħa ta’ ġewwa.” Sabiex aħna nkunu “kompletament fuq in-naħa ta’ ġewwa,” jeħtieġ li aħna “nieqfu ġewwa,” “jiġri x’ jiġri.”

Aħna nieqfu kompletament fuq in-naħa ta’ ġewwa meta bil-paċenzja kollha aħna nistennew lill-Mulej jeħlisna mix-xewk li għandna f’ ġisimna, jew inkella jagħtina l-qawwa nissaportuh. Għalina, dan ix-xewk jista’ jkun il-mard tagħna, kemm fiżiku jew mentali, xi diżabiltà, il-mewt ta’ xi ħadd maħbub tagħna u ħafna ħwejjeġ oħra.

Aħna nieqfu fuq ġewwa meta aħna ngħinu lil min hu fil-bżonn. Aħna nieqfu fuq ġewwa meta aħna niddefendu l-verità kontra l-ħażen u d-dinja sekulari li aktar ma tmur aktar qed issir skomda bid-dawl, fejn lill-ħażin spiċċat issejjaħlu tajjeb u t-tajjeb issejjaħlu ħażin u “tikkundanna l-ġusti minħabba t-tjubija tagħhom.”

Huwa possibbli li minkejja d-diffikultajiet tagħna aħna xorta waħda nieqfu fuq in-naħa ta’ ġewwa u dan minħabba l-qawwa u l-assigurazzjoni kollha faraġ li niksbu mill-Ispirtu s-Santu u minn perspettiva eterna li tmur lil hinn mill-għarfien tagħna bħala bnedmin. Fil-ħajja primortali tagħna aħna għajjatna lkoll bil-ferħ għaliex konna ġejna mogħtijin l-opportunità li nesperjenzaw il-mortalità. Ilkoll kemm aħna konna “kompletament fuq in-naħa ta’ ġewwa” hekk kif b’ ferħ kbir fuqna aħna ħadna d-deċiżjoni li b’ kuraġġ niddefendu l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. Issa huwa l-mument li aħna nieqfu u nerġgħu niddefendu l-pjan Tiegħu!

M’ilux miet missieri li kellu 97 sena. Kull darba li xi ħadd kien jistaqsih kif kien, it-tweġiba li dejjem kien jagħti kienet tkun “Fuq skala minn 1 sa 10, jien ninsab bejn wieħed u ieħor xi 25!” Anke meta dan ir-raġel għażiż ma setax iżjed jieqaf fuq saqajh, u kien isibha diffiċli ħafna biex jitkellem, it-tweġiba tiegħu dejjem kienet tkun l-istess. Huwa dejjem kien jinsab wieqaf kompletament fuq in-naħa ta’ ġewwa.

Meta missieri kellu 90 sena, konna ninsabu flimkien ġewwa l-ajruport u jien talbtu jekk riedx li nġiblu siġġu tar-roti. Huwa qalli, “Le, Gary—forsi xi darba meta nixjieħ.” Imbagħad kompla jgħidli, “Wara kollox, jekk jien negħja nimxi, dejjem nista’ naqbad niġri.” Jekk aħna ma jirnexxilniex nibqgħu “kompletament ġewwa” bil-mod kif ninsabu mexjin bħalissa, jista’ jkun li jkollna bżonn naqbdu niġru; forsi jkun jeħtieġ li nerġgħu nevalwaw ftit ir-rotta tagħna. Jista’ jkun li saħansitra jaf ikollna bżonn nagħmlu xi U-turn. Jaf forsi jkollna bżonn nistudjaw b’ aktar attenzjoni, nitolbu b’ akbar ħerqa jew sempliċiment inpoġġu ċertu ħwejjeġ fil-ġenb hekk kif niffukaw fuq dawk il-ħwejjeġ li huma l-aktar importanti. Jaf ikollna bżonn nerħu minn idejna l-affarijiet tad-dinja biex inkunu nistgħu niffukaw bis-serjetà fuq l-eternità. Missieri din il-ħaġa fehemha tajjeb ħafna.

Missier il-Presbiteru Sabin fin-nejvi

Meta huwa kien fin-nejvi waqt it-tieni Gwerra Dinjija, kien hemm dawk li kienu fil-bini kbir u spazzjuż li bdew jiżżufjettaw bil-prinċipji tiegħu, iżda tnejn minn sħabu l-baħrin, Dale Maddox and Don Davidson, raw x’ kien qed jiġri u m’għamlux l-istess bħalhom. Huma staqsewh, “Sabin, għalfejn inti daqstant differenti minn kulħadd? Inti għandek morali mill-aktar għoljin u int la tixrob, la tpejjep u lanqas tidgħi, iżda madankollu dejjem tidher kalm u ferħan.”

L-impressjoni pożittiva li huma kellhom ta’ missieri kienet tikkontradixxi sew ma’ dak li huma kienu ġew mgħallmin dwar il-Mormoni, u missieri spiċċa biex irnexxielu jgħallem u jgħammed liż-żewġ baħrin kollegi tiegħu. Il-ġenituri ta’ Dale xejn ma kienu kuntenti b’ dan u widdbuh li jekk huwa jingħaqad mal-Knisja kien se jispiċċa jitlef lill-maħbuba tiegħu, Mary Olive, iżda wara li hu staqsieha jekk kenitx tixtieq tiltaqa’ mal-missjunarji, hija għamlet dan u spiċċat tgħammdet.

Fi tmiem il-gwerra, il-President Heber J. Grant għamel sejħa għal missjunarji, fosthom irġiel miżżewġin. Fl-1946, Dale u martu, Mary Olive, iddeċidew li Dale kellu jservi avolja huma kienu qed jistennew l-ewwel tarbija tagħhom. Huma eventwalment kellhom disat itfal—tliet subien u sitt ibniet. Id-disgħa li huma servew missjoni, barra minn Dale u Mary Olive, li weħidhom servew tliet missjonijiet. Għexieren ta’ neputijiet spiċċaw biex ukoll servew missjoni. Tnejn minn uliedhom, John u Matthew Maddox, bħalissa huma membri tal-Kor tat-Tabernaklu, l-istess kif inhu Ryan, ir-raġel tat-tifla ta’ Matthew. Illum il-ġurnata il-familja Maddox hi magħmula minn 144 persuna u kollha huma eżempju ta’ nies li jinsabu “kompletament ġewwa.”

Membri tal-familja Maddox fil-Kor tat-Tabernaklu

Waqt li konna qed inqallbu fil-karti ta’ missierna, sibna ittra mingħand Jennifer Richards, waħda mill-ħamest ibniet tal-baħri l-ieħor kollega ta’ missieri, Don Davidson. Hija kitbet: “Il-ħajja twajba tiegħek bidlitilna ħajjitna. Diffiċli nimmaġinaw kif tista’ tkun ħajjitna mingħajr il-Knisja. Missieri miet b’ imħabba kbira lejn l-evanġelju u pprova jgħixu sal-aħħar.”

Mhux faċli inkejlu l-impatt pożittiv li kull individwu jista’ jkollu jekk huwa jieqaf fuq in-naħa ta’ ġewwa. Missieri u ż-żewġ baħrin sħabu rrifjutaw li jagħtu kas ta’ dawk li kienu fil-bini kbir u spazzjuż li kienu qed jirridikolawhom. Huma kienu jafu li huwa ferm aħjar li huma jimxu wara l-Ħallieq milli wara l-folla.

L-Appostlu Pawlu jista’ faċilment kien qed jiddeskrivi żmienna meta huwa qal lil Timotju li “xi wħud, tbiegħdu minn dan, intilfu fi tlablib fieragħ.” Hawn ħafna “tlablib fieragħ” madwarna fid-dinja llum. Din hija l-konverżazzjoni ta’ dawk li jinsabu fil-bini kbir u spazzjuż. Ta’ spiss narawha wkoll fil-forma tar-razzjonaliżmu li jiġġustifika l-ħażen jew tidher ukoll f’ dawk in-nies li jitilfu triqithom u jispiċċaw jaqbdu triq b’ oħra. Xi kultant tidher f’ dawk li għadhom ma ħallsux il-prezz biex huma “jkunu kompletament fuq in-naħa ta’ ġewwa” u jippreferu li jimxu wara l-bniedem naturali minflok wara l-profeta.

Nirringrazzjaw lil Alla li aħna lkoll nafu kif se jkun it-tmiem għal min jibqa’ fidil. Meta aħna lkoll inkunu ninsabu “kompletament fuq in-naħa ta’ ġewwa,” ilkoll kemm aħna niġu assigurati li “għal dawk li jħobbu lil Alla, kollox sa jseħħ għall-aħjar tagħhom.” Il-Presbiteru Neal A. Maxwell qal, “Tibżgħux, sempliċiment għixu ħajja tajba.”

Il-kunjatu tiegħi għallem ġewwa BYU u kien iħobb ħafna l-futbol ta’ BYU, iżda kien isibha diffiċli ferm isegwi l-logħob tagħhom għaliex kien jibda jħossu verament nervuż dwar x’ se jkun ir-riżultat finali. Imbagħad ġrat xi ħaġa mill-aktar meraviljuża—l-invenzjoni tal-vidjo li jirrikordja, li għamilha possibbli għalih li jirrekordja l-logħob. Jekk kienu jirbħu BYU, huwa kien joqgħod jara r-rikording b’kunfidenza kbira fuqu, għax kien ikun ċert kif se jkun ir-riżultat finali! Jekk ikunu ġew penalizzati inġustament, iweġġa’ xi plejer jew ikunu minn taħt fl-aħħar parti tal-partita, huwa ma kienx jibda jinkwieta għaliex kien jaf li kien sa jirnexxielhom itemmu l-logħba b’ riżultat pożittiv. Tista’ tgħid li huwa kellu “dija perfetta ta’ tama”!

L-istess aħna. Hekk kif aħna nibqgħu fidili, jista’ jkollna l-istess tip ta’ ċertezza li finalment kollox se jkun sew għalina. Il-wegħdiet tal-Mulej huma ċerti. Dan ma jfissirx li din l-università mortali se tkun waħda faċli jew li qatt mhu se nxerrdu dmugħ, iżda kif kiteb Pawlu, “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”

Ħuti, ħadd qatt ma dineb għada. Jekk ikun hemm bżonn jalla aħna nerġgħu nikkalkulaw mill-ġdid ir-rotta tagħna u nħarsu ‘l quddiem b’ tama u fidi kbira. Jalla aħna “nieqfu fuq in-naħa ta’ ġewwa” billi nkunu qalbenin u “nibqgħu kompletament ġewwa.” Li aħna nkunu safjin u kuraġġjużi meta niġu biex niddefendu l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet u l-missjoni ta’ Ibnu, is-Salvatur tagħna. Jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li Missierna jgħix, li Ġesù hu l-Kristu, kif ukoll dwar ir-realtà tal-pjan kbir ta’ ferħ. Jiena nitlob li l-Mulej jibgħat fuqkom l-ogħla barkiet Tiegħu, u nagħmel dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.