2010-2019
Il-Kbir Fostkom
April 2017


Il-Kbir Fostkom

L-akbar premju ta’ Alla se jmur għand dawk li jaqduh mingħajr ma jistennew xejn lura.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, kemm inħossni grat li jien ninsab magħkom f’ din il-laqgħa dinjija tas-saċerdozju li tispirana lkoll. President Monson, grazzi ħafna għall-messaġġ u l-barka tiegħek. Aħna dejjem ngħożżu l-kliem tiegħek mimli direzzjoni, kunsill u għerf. Aħna nħobbuk u nsostnuk u dejjem nitlobu għalik. Inti verament il-profeta tal-Mulej. Inti l-President tagħna. Aħna nsostnuk, aħna nħobbuk.

It-Tempju ta’ Madrid, fi Spanja, ilu kważi għoxrin sena li ġie ddedikat u li beda s-servizz tiegħu bħala d-dar sagra tal-Mulej. Jien u Harriet niftakru sew dak iż-żmien għaliex dan seħħ meta jien kont qed inservi fil-Presidenza Reġjonali tal-Ewropa. Flimkien ma’ ħafna oħrajn, aħna għaddejna sigħat sħaħ niddiskutu kif se nippjanaw u norganizzaw l-avvenimenti li kienu se jwasslu għad-dedikazzjoni.

Hekk kif bdiet riesqa d-data tad-dedikazzjoni, jiena nnotajt li jien kont għandi ma rċevejtx l-invit tiegħi biex nattendi. Kienet ħaġa li ma tantx kont qed nistennieha. Wara kollox, fir-responsabbiltà tiegħi bħala l-President Reġjonali, jiena kont involvejt ħafna ruħi fil-proġett ta’ dan it-tempju u kont ukoll inħossni xi ftit responsabbli minnu.

Jien staqsejt lil Harriet jekk hija kenitx rat xi invit x’imkien. Hija qaltli li ma kienet rat xejn.

Għaddew il-jiem u bdejt inħossni ferm aktar anzjuż. Bdejt naħseb li seta’ jagħti l-kas li l-invit tagħna kien spiċċa ntilef x’imkien—probabilment kien jinsab mirdum x’imkien bejn il-kuxxins tas-sufan tagħna. Jew forsi tħallat ma’ xi posta bla ebda valur u ntrema. Il-ġirien tagħna kellhom qattus tgħidx kemm kien inkwiżittiv, u jien anke spiċċajt biex bdejt inħares lejh b’ ċerta suspett.

Finalment jiena ddeċidejt li kien ikun aħjar jekk naċċetta l-fatt: Jiena ma kontx ġejt mistieden.

Iżda possibbli? Forsi għamilt xi ħaġa li offendejt lil xi ħadd? Jista’ jkun li xi ħadd assuma li kien ‘il bogħod wisq għalina biex nattendu? Kien possibli li nsewni?

Eventwalment, jien irrealizzajt li l-mod kif bdejt naħseb kien se joħloq ġo fija ċerta attitudni li ma xtaqtx li jkolli.

Jiena u Harriet fakkarna lilna nfusna li r-raġuni ewlenija tad-dedikazzjoni tat-tempju ma kenitx aħna. Ma kenitx dwar min kien imissu li ġie mistieden jew le. U ma kenitx lanqas dwar kif aħna konna qed inħossuna jew kemm konna nħossuna intitolati li nkunu preżenti.

Ir-raġuni ewlenija kienet id-dedikazzjoni ta’ bini qaddis, tempju ta’ Alla l-Għoli. Kien jum ta’ ferħ għall-membri tal-Knisja fi Spanja.

Li kieku jiena kont ġejt mistieden, kont nattendi b’ ferħ kbir. Iżda jekk ma ġejtx mistieden, żgur li il-ferħ tiegħi ma kienx se jkun anqas profond. Jien u Harriet xorta waħda konna se nifirħu mill-bogħod flimkien mal-ħbieb tagħna u mal-għeżież ħutna. Xorta waħda konna se nfaħħru lil Alla b’ entużjażmu kbir fuqna minn ġewwa Frankfurt għal din il-barka meraviljuża daqs li kieku aħna konna ninsabu Madrid.

Ulied ir-Ragħad

Fost it-Tnax li Ġesù sejjaħ u ordna kien hemm żewġt aħwa, Ġakbu u Ġwanni. Tiftakru x’ laqam Huwa kien tahom?

Ulied ir-Ragħad (Boanerges).

Laqam bħal dak żgur li mhux se jingħatalek jekk warajh ma jkunx hemm xi storja mill-aktar interessanti u misterjuża. Sfortunatament, l-iskrittura ma tantx tagħtina wisq spjegazzjoni dwar l-oriġni ta’ dan il-laqam. Madankollu, l-iskrittura tispjegalna ftit dwar il-karattru ta’ Ġakbu u Ġwanni. Dawn kienu l-istess aħwa li ssuġġerew li kellu jinżel nar mis-sema fuq raħal fis-Samarija talli huma ma kinux ġew mistiedna fil-belt.

Ġakbu u Ġwanni kienu sajjieda—probabbilment ma tantx kienu xi nies sofistikati wisq—iżda nimmaġina li huma kienu jafu ħafna dwar l-elementi tan-natura. M’hemmx dubju li kienu rġiel ta’ kelmthom.

Darba waħda, hekk kif is-Salvatur kien qed iħejji biex jagħmel l-aħħar vjaġġ Tiegħu lejn Ġerusalemm, Ġakbu u Ġwanni marru fuqu biex jistaqsuh xi ħaġa partikolari—xi ħaġa probabbilment denja tal-laqam tagħhom.

“Nixtiquk tagħmel għalina dak kollu li nitolbuk,” qalulu huma.

Nimmaġina lil Ġesù jitbissmilhom hekk kif weġibhom, “Xi tridu?”

“Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.”

Issa s-Salvatur sfidahom biex jaħsbu daqsxejn aktar fil-fond dwar dak li kienu qed jitolbuh u qalilhom, “Li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”

Fi kliem ieħor, ma tistax tiġi onorat fis-saltna tas-smewwiet billi tagħmel kampanja biex tkun onorat. U mhux se tagħmel differenza jekk fit-triq tiegħek għall-glorja eterna inti għandekx “ħbieb tal-ħbieb” jew le.

Meta l-għaxar Appostli l-oħra semgħu dwar it-talba li kienu għamlu Ulied ir-Ragħad, ma tantx ħadu gost. Ġesù kien jaf li ma tantx kien se jdum hawn fid-dinja u Huwa ħassu nkwetat meta ra li kien hemm it-tilwim bejn dawk li kellhom ikomplu jmexxu l-ħidma Tiegħu.

Huwa kellem lit-Tnax dwar in-natura tal-qawwa u kif tista’ teffettwa lil dawk li jfittxuha u jieħdu ħsiebha. “In-nies influwenti fid-dinja,” Huwa qal, “jużaw il-pożizzjoni tagħhom ta’ awtorità biex jeżerċitaw ċertu qawwa fuq ħaddieħor.”

Kważi kważi nista’ nimmaġina lis-Salvatur iħares b’ imħabba infinita fl-uċuħ ta’ dawk id-dixxipli mill-aktar fidili. Kważi kważi nimmaġinani nisma’ l-leħen Tiegħu jgħidilhom bil-ħerqa: “Mhux hekk għandkom timxu ma’ xulxin. Pjuttost, min irid ikun il-kbir fostkom, għandu jkun il-qaddej tagħkom: “U min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.”

Fil-saltna ta’ Alla, li tkun kbir u tkun mexxej ifisser li tara lil dak li jkun kif fil-fatt hu—kif jarah Alla—u mbagħad tipprova tilħqu u tgħinu. Ifisser li tifraħ ma’ dawk li huma ferħanin, tibki ma’ dawk li huma mnikktin, tgħin lil min qed ibati u tħobb lil għajrek kif iħobbna Kristu. Is-Salvatur iħobb lil ulied Alla kollha, hi x’inhi ċ-ċirkustanza soċjoekonomika, ir-razza, ir-reliġjon, il-lingwa, l-orjentazzjoni politika, in-nazzjonalità tagħhom jew jekk jagħmlu parti minn kwalunkwe kategorija oħra. U l-istess għandna nagħmlu aħna!

L-akbar premju ta’ Alla se jmur għand dawk li jaqduh mingħajr ma jistennew xejn lura. Jiksbuh dawk li jservu mingħajr ħafna daqq tat-trombi; dawk li fis-skiet jaraw kif se jsibu modi kif jistgħu jgħinu lil ħaddieħor; dawk li jamministraw lil ħaddieħor sempliċiment għaliex iħobbu lil Alla u lil ulied Alla.

Titkabbrux

Ftit wara li ġejt imsejjaħ bħala Awtorità Ġenerali ġdid, jiena kelli l-privileġġ li nakkumpanja lill-President James E. Faust għal riorganizzazzjoni ta’ wited. Hekk kif jien kont qed insuq fi triqitna għall-essajnment li kellna ġewwa n-Nofsinhar ta’ Utah, il-President Faust kien ġentili biżżejjed biex iqatta’ l-ħin jgħallimni u jispjegali. Lezzjoni minnhom ma ninsieha qatt. Huwa qalli, “Il-membri tal-Knisja jafu jkunu mill-aktar grazzjużi mal-Awtoritjiet Ġenerali. Huma jittrattawk b’ tant ġentilezza u jgħidu ħwejjeġ mill-isbaħ dwarek.” Imbagħad huwa waqaf għal ftit u qal, “Dieter, dejjem kun grat għal dan, iżda titkabbarx.”

Din il-lezzjoni importanti dwar is-servizz tal-Knisja tapplika għal kull min iħaddan is-saċerdozju f’ kull kworum tal-Knisja. Tapplika għalina lkoll f’ din il-Knisja.

Meta l-President J. Reuben Clark Jr. kien jagħti parir lil dawk li kienu jiġu msejħin f’ xi pożizzjoni ta’ awtorità fil-Knisja, huwa kien jgħidilhom biex ma jinsewx ir-regola numru sitta.

Inevitabbilment, dak li jkun kien jistaqsih, “X’inhi r-regola numru sitta?”

“Ara ma li toqgħodx tinkwieta wisq fuq kull ħaġa,” huwa kien jgħid.

Bla dubju, din kienet twassal għall-mistoqsija awtomatika: “X’inhuma l-ħames regoli l-oħra?”

Bi tbissima l-President Clark kien jgħidilhom, “Ma jeżistu l-ebda regoli oħra.”

Biex inkunu mexxejja effettivi tal-Knisja, jeħtieġ li aħna nitgħallmu din il-lezzjoni mill-aktar importanti: it-tmexxija fil-Knisja, aktar milli hija dwar kif għandna mmexxu lil ħaddieħor, hija dwar ir-rieda li aħna għandna li niġu mmexxijin minn Alla.

Is-Sejħiet bħala Opportunitajiet biex Inservu

Bħala Qaddisin ta’ Alla l-Għoli, aħna għandna “fuq kollox niftakru fil-foqra u f’ dawk li huma fil-bżonn, fil-morda u f’ dawk li qed isofru, għaliex min ma jagħmilx dan ma jkunx dixxiplu tiegħi.” L-opportunitajiet biex aħna nagħmlu t-tajjeb u naqdu lil ħaddieħor huma bla limitu. Nistgħu nsibuhom fil-komunitajiet tagħna, fl-oqsma u l-fergħat tagħna u ċertament fi djarna.

Barra minn hekk, kull membru tal-Knisja ġie mogħti ċerti opportunitajiet speċifiċi biex huwa jkun jista’ jservi. Dawn l-opportunitajiet nirreferu għalihom bħala “sejħiet”—frażi li għandha tfakkarna f’ min Hu dak li qed isejħilna biex inservu. Jekk aħna nħarsu lejn is-sejħiet tagħna bħala opportunitajiet li naqdu lil Alla u namministraw lil ħaddieħor bil-fidi u l-umiltà, kull att ta’ servizz ikun għalina pass ‘il quddiem fit-triq tagħna bħala dixxipli. B’ dan il-mod, Alla mhux biss jibni l-Knisja Tiegħu iżda jibni wkoll il-qaddejja Tiegħu. Il-Knisja ġiet maħluqa biex tgħinna nsiru dixxipli vera u fidili ta’ Kristu, ulied twajba u nobbli ta’ Alla. Dan iseħħ mhux biss meta aħna mmorru għal-laqgħat tagħna u nisimgħu d-diskors li jingħata iżda wkoll meta aħna stess noħorġu u nservu. Huwa b’ dan il-mod kif aħna nistgħu nsiru “kbar” fis-saltna ta’ Alla.

Aħna naċċettaw is-sejħiet tagħna bil-grazzja, bl-umiltà u bi gratitudni. Meta aħna niġu eżonerati minn dawn is-sejħiet, aħna naċċettaw il-bidla bl-istess grazzja, umiltà u gratitudni.

F’ għajnejn Alla, fis-saltna m’hemmx sejħa li hija aktar importanti minn oħra. Is-servizz tagħna—kbir jew żgħir—isaffi l-ispirtu tagħna, jiftaħ bwieb is-sema u jixtħet il-barkiet ta’ Alla mhux biss fuq dawk li aħna nservu iżda fuqna wkoll. Meta aħna nippruvaw nilħqu lil ħaddieħor, aħna nistgħu nsiru nafu b’ kunfidenza umli li Alla verament jagħraf is-servizz tagħna b’ approvazzjoni u sodisfazzjon. Huwa jitbissmilna hekk kif minn qalbna aħna noffru dawn l-atti ta’ kompassjoni, speċjalment dawk l-għemejjel li ma jarahom jew jinduna bihom ħadd.

Kull darba li noffru lilna nfusna għal ħaddieħor, aħna nkunu qed nersqu pass aktar viċin lejn kif wieħed għandu jkun dixxiplu tajjeb u leali ta’ Dak li ta kollox għalina: is-Salvatur tagħna.

Minn Wieħed li Jippresedi għall-Parata

Fi żmien il-150 anniversarju mill-wasla tal-pijunieri fil-Wied ta’ Salt Lake, Brother Myron Richins kien qed iservi bħala l-president tal-wited f’ Henefer, Utah. Iċ-ċelebrazzjoni kienet tinkludi rappreżentazzjoni tal-ġrajja meta l-pijunieri għaddew mill-belt tiegħu.

Il-President Richins kien involut ħafna fil-pjanijiet għaċ-ċelebrazzjoni, u huwa attenda bosta laqgħat flimkien mal-Awtoritjiet Ġenerali u ma’ oħrajn sabiex jiddiskutu flimkien dawn l-avvenimenti. Nistgħu ngħidu li kien daħal għal dan l-avveniment b’ ruħu u ġismu.

Eżatt qabel wasal iż-żmien propju taċ-ċelebrazzjoni, il-wited tal-President Richins ġiet riorganizzata mill-ġdid, u huwa ġie eżonerat minn president. F’ wieħed mill-Ħdud ta’ wara, huwa kien qed jattendi l-laqgħa tas-saċerdozju tal-qasam tiegħu meta l-mexxejja staqsew jekk kienx hemm xi voluntieri li kienu lesti jgħinu fiċ-ċelebrazzjoni. President Richins, flimkien ma’ oħrajn, għolla idu u huwa ġie mitlub biex jilbes fuqu ilbies ta’ kuljum u miegħu jieħu l-vann tiegħu u pala.

Finalment, feġġet l-għodwa ta’ dan l-avveniment importanti u l-President Richins irrapporta għall-ħidma volontarja tiegħu.

Ftit ġimgħat biss qabel, huwa kien kontributur influwenti għall-ippjanar u s-superviżjoni ta’ dan l-avveniment ewlieni. Dak inhar, madankollu, ir-responsabbiltà tiegħu kienet li waqt il-parata huwa joqgħod jimxi wara ż-żwiemel u jnaddaf warajhom.

Il-President Richins għamel dan bil-ferħ.

Huwa fehem li l-ebda servizz mhu akbar minn ieħor.

Huwa kien jaf, u wera bl-għemil, kliem is-Salvatur: “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.”

Inwettqu l-Għemejjel Tagħna bħala Dixxipli Kif inhu Xieraq

Xi kultant, bħal Ulied ir-Ragħad, aħna nkunu nixtiequ ċerti pożizzjonijiet prominenti. Aħna nagħmlu li nistgħu biex niġu rikonoxxuti. Aħna nkunu nixtiequ mmexxu u nagħtu kontribut memorabbli.

M’hemm xejn ħażin li wieħed ikun irid iservi lill-Mulej, iżda meta aħna nippruvaw niksbu ċerta influwenza fil-Knisja biex niggwadanjaw aħna personalment—sabiex nirċievu t-tifħir u l-ammirazzjoni tal-bnedmin—aħna nkunu diġà rċevejna l-premju tagħna. Meta aħna “nitkabbru” minħabba t-tifħir ta’ ħaddieħor, dak it-tifħir ikun għalina l-kumpens li nkunu diġà ħadna.

X’inhi l-aktar sejħa importanti fil-Knisja? Hija dik li għandek bħalissa. Irrelevanti tkunx tidher li hi waħda żgħira jew prominenti, is-sejħa li inti għandek bħalissa hija dik li tagħtik iċ-ċans mhux biss li tgħin lil ħaddieħor iżda wkoll li ssir il-bniedem ta’ Alla li inti ġejt maħluq li ssir.

Għeżież ħbieb tiegħi u ħuti fis-saċerdozju, qaddsu l-post li tinsabu fih bħalissa!

Pawlu għallem lill-Filippin, “Tagħmlu xejn għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu.”

Aqdu b’ Unur

Li fil-Knisja aħna nfittxu l-unur u l-popolarità minflok ma nipprovdu servizz veru u umli lill-ħaddieħor hija s-sengħa ta’ Għesaw. Jista’ jkun li aħna nafu nirċievu premju kif tħobb tippremja d-dinja, iżda dan nispiċċaw biex inħallsu għalih bi prezz għoli ħafna—in-nuqqas tal-approvazzjoni divina.

Ejjew nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur tagħna, li kien bniedem mill-aktar umli u sempliċi, li ma fittixx it-tifħir tan-nies iżda li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru.

Ejjew b’ umiltà naqdu lil xulxin—b’ enerġija, bi gratitudni u b’ unur. Avolja l-għemejjel ta’ servizz tagħna jafu jidhru żgħar, sempliċi jew ta’ ftit valur, dawk fostna li jgħinu lil ħaddieħor b’ ġentilezza u kompassjoni xi darba għad isiru jafu l-valur tas-servizz tagħhom permezz tal-grazzja eterna u mbierka ta’ Alla s-Setgħan.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, jalla aħna nifhmu, ngħixu u nimmeditaw dwar din il-lezzjoni mill-aktar importanti għat-tmexxija tal-Knisja u tas-saċerdozju: “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” Din hi t-talba u l-barka tiegħi fl-isem sagru tal-Imgħallem tagħna, il-Feddej tagħna, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Mark 3:17.

  2. Ara Luqa 9:54.

  3. Ara Mark 10:35–40, Verżjoni Internazzjonali Ġdida (2011) u Verżjoni ta’ King James.

  4. Ara Mark 10:42–44.

  5. Ara Mattew 6:4.

  6. Ara John E. Lewis, “The Gospel and a Sense of Humor, Too,” Ensign, Ġunju 1974, 24.

  7. Doctrine and covenants 52:40.

  8. Ara Mattew 6:1–2.

  9. Mattew 23:11.

  10. Filippin 2:3, Traduzzjoni Ġdida Ingliża (2005).

  11. Ara Ġenesi 25:33.

  12. Ara Ġwanni 5:41; 6:38.

  13. Ara Mattew 25:31–46.