2010-2019
Id-Divinità u l-Pjan tas-Salvazzjoni
April 2017


Id-Divinità u l-Pjan tas-Salvazzjoni

Peress li aħna għandna l-għarfien tal-verità dwar id-Divinità u r-relazzjoni tagħna Magħhom, aħna għandna l-aqwa mappa li jista’ jkollna għall-vjaġġ tagħna fil-mortalità.

I.

L- ewwel artiklu tal-fidi tagħna jiddikjara, “Aħna nemmnu f’ Alla, il-Missier Etern, u f’ Ibnu, Ġesù Kristu u fl-Ispirtu s-Santu.” Aħna ningħaqdu ma’ Kristjani oħra fit-twemmin tagħna fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, iżda dak li aħna nemmnu dwarhom huwa differenti minn kif jemmen ħaddieħor. Aħna ma nemmnux f’ dik li d-dinja Kristjana ssejħilha d-duttrina tat-Trinità Mqaddsa. Fl-Ewwel Viżjoni tiegħu, Joseph Smith ra żewġ personaġġi distinti, żewġ esseri, u dan wassal biex ġie ċċarat li t-twemmin li ħafna kienu jemmnu fih dak iż-żmien dwar Alla u d-Divinità ma kienx minnu.

B’ kuntrast għat-twemmin li Alla kien misteru inkomprensibbli li ma stajniex insiru nafuh aħna għandna l-verità li n-natura ta’ Alla u r-relazzjoni tagħna Miegħu hija xi ħaġa li nistgħu nkunu nafuha u hija l-muftieħ għal kull ħaġa oħra fid-duttrina tagħna. Fil-Bibbja nsibu t-Talba ta’ Interċessjoni meraviljuża ta’ Ġesù, fejn Huwa ddikjara li “Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt” (Ġwanni 17:3).

Bibbja Mqaddsa

L-isforz biex aħna nsiru nafu lil Alla u l-ħidma Tiegħu beda qabel din il-ħajja mortali u mhux se jintemm hawn. Il-Profeta Joseph Smith għallem, “Se jgħaddi żmien mhux ħażin minn meta inti tkun għaddejt minn ġol-velu biex inti tkun tgħallimt … il-prinċipji kollha tal-eżaltazzjoni.” Aħna nkomplu nibnu fuq l-għarfien li aħna konna ksibna fid-dinja tal-ispirti primortali. Kien għalhekk, meta kien qed jipprova jgħallem lill-Iżraelin dwar in-natura ta’ Alla u r-relazzjoni Tiegħu ma’ wliedu, li l-profeta Isaija ddikjara, kif hemm miktub fil-Bibbja:

“Ma’ min se jxebbhu lil Alla, u liema xbiha se tqabblu miegħu? …

“Ma tafux? Ma smajtux jaqaw? Ma tħabbrilkomx sa mill-bidu? Ma fhimtux? Min waqqaf l-art? (Isaija 40:18, 21).

Aħna nafu li t-tlett membri tad-Divinità huma esseri separati u distinti. Aħna nafu dan mit-tagħlim mogħti mill-Profeta Joseph Smith: “Il-Missier għandu ġisem tad-demm u l-għadam, tanġibbli daqs tal-bniedem; l-Iben l-istess; iżda l-Ispirtu s-Santu m’għandux ġisem tad-demm u l-għadam, iżda huwa personaġġ ta’ Spirtu. Li kieku ma kienx hekk, l-Ispirtu s-Santu ma jistax jgħammar ġewwa fina” (D&C 130:22).

Rigward il-pożizzjoni suprema ta’ Alla l-Missier fid-Divinità, kif ukoll l-irwoli rispettivi li jwettaq kull personaġġ, il-Profeta Joseph spjega:

Il-Profeta Joseph Smith

“Kull persuna li qatt rat is-smewwiet jinfetħu taf li hemm tliet personaġġi fis-smewwiet li jħaddnu l-imfietaħ tal-qawwa u li jippresedu fuq kulħadd. …

“… Dawn il-personaġġi … jissejħu Alla l-ewwel, il-Ħallieq; Alla it-tieni, il-Feddej; u Alla t-tielet, ix-Xhud jew it-Testatur.

“Huwa sewwasew id-dritt tal-Missier li jippresedi bħala l-Kap jew il-President, Ġesù bħala l-Medjatur u l-ispirtu s-Santu bħala t-Testatur jew ix-Xhud.”

II. Il-Pjan

Aħna nifhmu r-relazzjoni tagħna mal-membri tad-Divinità minn dak li hu żvelat lilna dwar il-pjan tas-salvazzjoni.

Mistoqsijiet bħal “Aħna minn fejn ġejjin?” “Għaliex qegħdin hawn?” u “Fejn sejrin?” huma mwieġba f’ dik li l-iskrittura ssejjaħlu “l-pjan tas-salvazzjoni,” “il-pjan kbir ta’ ferħ,” jew “il-pjan ta’ fidwa” (Alma 42:5, 8, 11). L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa fiċ-ċentru ta’ dan il-pjan.

Bħala wlied spirti ta’ Alla, f’ eżistenza li konna fiha qabel din il-ħajja mortali, aħna xtaqna li d-destin tagħna jkun il-ħajja eterna iżda ma stajniex navvanzaw aktar mingħajr ma ngħaddu minn din l-esperjenza tal-ħajja mortali mlibbsin ġisem fiżiku. Biex jipprovdilna dik l-opportunità, Missierna tas-Smewwiet ippresieda fuq il-Ħolqien ta’ din id-dinja, fejn, imċaħħdin milli niftakru dak li ġara qabel it-twelid mortali tagħna, aħna stajna nippruvaw ir-rieda tagħna li nżommu l-kmandamenti Tiegħu u niksbu l-esperjenza u nikbru permezz tal-isfidi l-oħra tal-ħajja mortali. Iżda waqt dik l-esperjenza mortali u b’ riżultat tal-Waqgħa tal-ewwel ġenituri tagħna, aħna jkollna nsofru l-mewt spiritwali billi ninqatgħu mill-preżenza ta’ Alla, nitħammġu bid-dnub u nsiru suġġett għall-mewt fiżika. Il-pjan tal-Missier antiċipa u pprovda modi kif aħna nistgħu negħlbu dan it-tfixkil.

III. Id-Divinità

Bl-għarfien tagħna tal-għan tal-pjan il-kbir ta’ Alla, ejjew issa nikkunsidraw l-irwoli rispettivi tat-tliet membri tad-Divinità f’ dak il-pjan.

Nibdew b’ tagħlima mill-Bibbja. Meta kien qed jikkonkludi t-tieni ittra tiegħu lill-Korintin, l-Appostlu Pawlu jagħmel din ir-referenza spontanja dwar id-Divinità tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda [jew is-sħubija] fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll” (2 Korintin 13:14).

Din l-iskrittura bibblika tirrappreżenta d-Divinità u tagħmel referenza għall-imħabba mill-aktar partikolari u mqanqla ta’ Alla l-Missier, il-missjoni ta’ salvazzjoni kollha ħniena ta’ Ġesù Kristu u s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu.

Alla l-Missier

Kollox jibda b’ Alla l-Missier. Filwaqt li komparattivament aħna ftit nafu dwaru, dak li aħna nafu huwa deċiżiv biex aħna nifhmu l-pożizzjoni suprema Tiegħu, ir-relazzjoni tagħna Miegħu, u l-irwol Tiegħu li jidderiġi l-pjan tas-salvazzjoni, il-Ħolqien u kull ħaġa oħra li ġiet wara.

Kif kiteb il-Presbiteru Bruce R. McConkie ftit biss qabel ma miet: “Fl-aqwa u l-akbar sens tal-kelma, il-veru Alla ħaj huwa biss wieħed. Huwa l-Missier, l-Eloħim Setgħan, l-Esseru Suprem, il-Ħallieq u l-Mexxej tal-univers.” Huwa l-Alla u l-Missier ta’ Ġesù Kristu, kif ukoll tagħna lkoll. Il-President David O. McKay għallem li “l-ewwel verità fundamentali li ddefenda Ġesù Kristu kienet din, li jippresedi fuq kollox u fuq kulħadd hemm Alla l-Missier, Sid is-sema u l-art.”

Dak li aħna nafu dwar in-natura ta’ Alla l-Missier huwa fil-parti kbira minnu dak li nitgħallmu mill-ministeru u t-tagħlim tal-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, Ġesù Kristu. Kif għallem il-Presbiteru Jeffrey R. Holland, waħda mill-għanijiet l-aktar importanti tal-ministeru ta’ Ġesù kien li jiżvela lill-bnedmin mortali “kif inhu Alla l-Missier Etern tagħna, … li jiżvela u jurina b’ mod personali l-vera natura ta’ Missieru, Missierna tas-Smewwiet.” Fil-Bibbja għandna xhieda appostolika li Ġesù kien “xbiha perfetta” tal-persuna ta’ Missieru (Lhud 1:3), li sempliċiment telabora t-tagħlim tal-istess Ġesù li “min ra lili ra lill-Missier” (Ġwanni 14:9).

Alla l-Missier hu Missier l-ispirtu tagħna. Aħna wliedu. Huwa jħobbna u dak kollu li jagħmel huwa għall-benefiċċju etern tagħna. Huwa l-awtur tal-pjan tas-salvazzjoni, u huwa permezz tal-qawwa Tiegħu li l-pjan Tiegħu jikseb l-għanijiet tiegħu għall-glorja eterna ta’ wliedu.

L-Iben

Għalina l-bnedmin mortali, l-aktar membru viżibbli tad-Divinità huwa Ġesù Kristu. Dikjarazzjoni duttrinali mill-aktar meraviljuża mogħtija mill-Ewwel Presidenza fl-1909 tiddikjara li Hu “l-ewwel wild fost l-ulied kollha ta’ Alla—l-ewwel wieħed li tnissel fl-ispirtu, u l-imnissel waħdieni fil-ġisem.” L-Iben, l-akbar fost kulħadd, ġie magħżul mill-Missier biex iġib fis-seħħ il-pjan tal-Missier—li jeżerċita l-qawwa tal-Missier biex joħloq dinjiet bla għadd (ara Moses 1:33) u jsalva l-ulied Alla mill-mewt permezz tal-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet u mid-dnub permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu. Dan is-sagrifiċċju divin jissejjaħ sewwasew “l-akbar avveniment fl-istorja kollha umana.”

Il-Mulej Ġesù Kristu

F’ dawk l-okkażżjonijiet uniċi u sagri li fihom Alla l-Missier introduċa personalment lil Ibnu, Huwa qal, “Dan hu Ibni l-għażiż, lilu isimgħu” (Mark 9:7; Luqa 9:35; ara wkoll 3 Nephi 11:7; Joseph Smith—History 1:17). B’hekk, huwa Ġesù Kristu, Ġehova, il-Mulej Alla ta’ Iżrael, li jkellem lill-profeti u jitkellem permezz tal-profeti. Hekk ġara meta Ġesù deher lin-Nefiti wara l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, Huwa introduċa lilu nnifsu bħala “l-Alla tad-dinja kollha” (3 Nephi 11:14). Huwa għalhekk li Ġesù ħafna drabi ikellem lill-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon u lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem bħala “il-Missier u l-Iben,” titlu spjegat fl-espożizzjoni duttrinali ispirata tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax madwar 100 sena ilu.

L-Ispirtu s-Santu

It-tielet membru tad-Divinità huwa l-Ispirtu s-Santu, li nirreferu għalih ukoll bħala l-Ispirtu tal-Mulej u l-Farràġ. Huwa l-membru tad-Divinità li hu l-aġent tar-rivelazzjoni personali. Bħala personaġġ ta’ spirtu (ara D&C 130:22), Huwa jista’ jgħammar fina u jwettaq l-irwol essenzjali ta’ Dak li jikkomunika bejn il-Missier u l-Iben u l-ulied ta’ Alla fid-dinja. Ħafna passaġġi fl-iskrittura jgħallmu li l-missjoni Tiegħu hi li jixhed dwar il-Missier u l-Iben (ara Ġwanni 15:26; 3 Nephi 28:11; D&C 42:17). Is-Salvatur wiegħed li l-Farràġ jgħallimna kull ħaġa, ifakkarna kollox u jiggwidana lejn il-verità kollha (ara Ġwanni 14:26; 16:13). Għalhekk, l-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħrfu bejn il-verità u l-gideb, jiggwidana fid-deċiżjonijiet importanti tagħna u jgħinna fl-isfidi tagħna fil-ħajja mortali. Huwa wkoll il-mezz li permezz tiegħu aħna nitqaddsu, jiġifieri li nitnaddfu u nissaffew mid-dnub (ara 2 Nephi 31:17; 3 Nephi 27:20; Moroni 6:4).

IV.

Għalhekk, kif tista’ tgħinna fl-isfidi tagħna llum li aħna nifhmu din id-duttrina żvelata b’ mod divin dwar id-Divinità u l-pjan tas-salvazzjoni?

Peress li aħna għandna l-għarfien tal-verità dwar id-Divinità u r-relazzjoni tagħna Magħhom, dwar l-għan tal-ħajja u n-natura tad-destin etern tagħna, aħna għandna l-aqwa mappa li jista’ jkollna għall-vjaġġ tagħna fil-mortalità. Aħna nafu lil min aħna nqimu u għalfejn aħna nqimu. Aħna nafu min aħna verament u x’ nistgħu nsiru (ara D&C 93:19). Aħna nafu min hu dak li jagħmel dan kollu possibbli, u nafu x’ għandna nagħmlu biex ingawdu l-barkiet eterni li nistgħu niksbu permezz tal-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla. Aħna kif nafu dan kollu? Nafu dan permezz tar-rivelazzjonijiet ta’ Alla lill-profeti Tiegħu u lil kull wieħed u waħda minna individwalment.

Biex aħna niksbu dak li l-Appostlu Pawlu ddeskriva bħala “il-milja ta’ Kristu” (Efesin 4:13) jeħtieġ minna li aħna jkollna ferm aktar milli sempliċiment għarfien. Lanqas hu biżżejjed għalina li nkunu konvinti mill-evanġelju; jeħtieġ li aħna naġixxu u naħsbu biex niġu kkonvertiti permezz ta’ dan. B’ kuntrast għall-istituzzjonijiet tad-dinja, li jgħallmuna li nsiru nafu xi ħaġa, il-pjan tas-salvazzjoni u l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jisfidana biex insiru dik ix-xi ħaġa.

Il-President ThomasS. Monson

Kif għallimna l-President Thomas S. Monson fl-aħħar konferenza ġenerali li kellna:

“Essenzjali għal dan il-pjan huwa s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Mingħajr is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu, kollox kien ikun għalxejn. Madankollu, mhux biżżejjed li aħna sempliċiment nemmnu fih u fil-missjoni Tiegħu. Jeħtieġ li naħdmu u nitgħallmu, infittxu u nitolbu, nindmu u nitjiebu. Jeħtieġ li nsiru nafu l-liġijiet ta’ Alla u ngħixuhom. Jeħtieġ li nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni Tiegħu. Huwa biss meta nagħmlu dan li aħna niksbu l-vera hena eterna. …

“Mill-qiegħ ta’ ruħi u bl-umiltà kollha,” iddikjara l-President Monson, “jiena nixhed dwar ir-rigal meraviljuż li huwa l-pjan tal-Missier għalina. Huwa l-uniku triq perfetta għall-paċi u l-hena kemm f’ din id-dinja kif ukoll fid-dinja li jmiss.”

Ningħaqad jien ukoll mat-testimonjanza tal-għażiż profeta u president tagħna. Jiena nixhed li aħna għandna Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna. Jiena nixhed li aħna għandna l-Ispirtu s-Santu li jiggwidana. U Jiena nixhed dwar Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, li jagħmel kollox possibbli, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 268.

  2. Teachings: Joseph Smith, 42.

  3. Din kienet it-tifsira komuni tal-kelma Ingliża communion meta dik il-kelma ġiet magħżula mit-tradutturi tal-Bibbja ta’ King James (ara The Oxford Universal Dictionary, it-3 ed., rev. [1955], 352).

  4. Bruce R. McConkie, A New Witness for the Articles of Faith (1985), 51.

  5. David O. McKay, f’ Conference Report, Ott. 1935, 100.

  6. Jeffrey R. Holland, “The Grandeur of God,” Liahona, Nov. 2003, 70.

  7. L-Ewwel Presidenza, “The Origin of Man,” Ensign, Fr. 2002, 26, 29.

  8. Ara, per eżempju, Russell M. Nelson, “Drawing the Power of Jesus Christ into Our Lives,” Liahona, Mejju 2017, 40; “Kristu l-Ħaj: It-Testimonjanza tal-Appostli,” Liahona, Apr. 2000, 2.

  9. Ara Joseph Fielding Smith, Doctrines of Salvation, miġ. Bruce R. McConkie (1954), 1:27.

  10. Ara L-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, “The Father and the Son,” Ensign, Apr. 2002, 13–18.

  11. Ara Robert D. Hales, “The Holy Ghost,” Liahona, Mejju 2016, 105–7.

  12. Thomas S. Monson, “The Perfect Path to Happiness,” Liahona, Nov. 2016, 80–81.