Il-Pjan Glorjuż ta’ Missierna
Minħabba l-pjan imqaddes ta’ Alla, aħna nafu li t-twelid u l-mewt huma fil-fatt sempliċiment avvenimenti fil-vjaġġ tagħna lejn il-ħajja eterna flimkien ma’ Missierna tas-Smewwiet.
Fl-ewwel żminijiet ta’ taħriġ tiegħi bħala tabib, jiena kelli l-privileġġ li ngħin mara żagħżugħa twelled l-ewwel tarbija tagħha. Hija kienet kalma, iffokata u kuntenta. Meta twieldet it-tarbija, jiena għaddejtilha t-tarbija prezzjuża tagħha. Bid-dmugħ ta’ ferħ nieżel ma’ ħaddejha, hija ħadet f’ dirgħajha t-tarbija li kienet għadha kif twieldet u eżaminatha minn rasha sa saqajha. Hija żammitha viċin tagħha u ħabbitha kif taf tħobb biss omm. Kien privileġġ għalija li nkun magħha f’ dik il-kamra.
Hekk kien il-bidu tal-ħajja għal kull wieħed u waħda minna. Iżda veru li t-twelid tagħna kien fil-fatt il-bidu tagħna? Id-dinja tħares lejn it-twelid u l-mewt bħala l-bidu u t-tmiem. Iżda minħabba l-pjan qaddis ta’ Alla, aħna nafu li t-twelid u l-mewt huma fil-fatt sempliċiment avveniment fil-vjaġġ tagħna lejn il-ħajja eterna flimkien ma’ Missierna tas-Smewwiet.1 Huma parti essenzjali mill-pjan ta’ Missierna—mumenti sagri li fihom il-mortalità u s-smewwiet jiltaqgħu. Illum, hekk kif nirrifletti fuq dak kollu li tgħallimt mill-mumenti li jiena għamilt nosserva t-twelid u l-mewt fis-snin li għamilt inservi bħala tabib u fis-servizz tiegħi fil-Knisja, jiena rrid nixhed magħkom dwar il-pjan glorjuż ta’ Missierna.
“Qabel ma twelidna, aħna konna ngħixu ma’ Alla, Il-Missier tal-ispirti tagħna. Ilkoll kemm aħna fid-dinja aħna letteralment aħwa” fil-familja Tiegħu,2 u lkoll kemm aħna prezzjużi għalih. Aħna konna ngħixu Miegħu għal eluf ta’ miljuni ta’ snin qabel ma’ twelidna hawn fil-mortalità—fejn hemmhekk konna nitgħallmu, nagħżlu u nitħejjew.
Għaliex Missierna tas-Smewwiet iħobbna, Huwa jridna niksbu l-akbar rigal li Huwa jista’ jagħtina, ir-rigal tal-ħajja eterna.3 Huwa ma jistax sempliċiment jagħtina dan ir-rigal; jeħtieġ li aħna nirċivuh billi nagħżlu lilu u l-modi Tiegħu. Dan jeħtieġ li aħna nħallu l-preżenza Tiegħu u nibdew vjaġġ mill-isbaħ, iżda mimli sfidi, vjaġġ ta’ fidi, żvilupp u tibdil. Il-vjaġġ li Missierna ħejja għalina jissejjaħ il-pjan tas-salvazzjoni jew il-pjan ta’ ferħ.4
Fil-gran kunsill primortali, Missierna kellimna dwar il-pjan Tiegħu.5 Meta aħna fhimna dan il-pjan, aħna tant konna ferħanin li għajjatna bil-ferħ u bdiet “tgħanni l-ġemgħa tal-kwiekeb ta’ filgħodu.”6
Dak il-pjan huwa mibni fuq tliet kolonni grandjużi: il-kolonni tal-eternità.7
L-ewwel kolonna hija l-Ħolqien tad-dinja, il-post tal-vjaġġ mortali tagħna.8
It-tieni kolonna hija l-Waqgħa tal-ewwel ġenituri mortali tagħna, Adam u Eva. Minħabba l-Waqgħa, aħna nagħtajna għadd ta’ ħwejjeġ meraviljużi. Aħna stajna nitwieldu u nirċievu ġisem fiżiku.9 Jiena nkun għal dejjem grat lejn ommi li ġabet fid-dinja lili u lil ħuti u talli hija għallmitna dwar Alla.
Alla tana wkoll l-għażla morali—l-abbiltà u l-privileġġ li nagħżlu u naġixxu għalina nfusna.10 Biex jgħinna nagħżlu tajjeb, Missierna tas-Smewwiet tana l-kmandamenti. Kuljum, hekk kif aħna nżommu l-Kmandamenti Tiegħu, aħna nuru lil Alla li aħna nħobbuh, u Hu jbierek ħajjitna.11
Għax kien jaf li aħna mhux dejjem konna se nagħżlu t-tajjeb—jew fi kliem ieħor, konna se nidinbu—Missierna tana t-tielet kolonna: is-Salvatur Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu. Permezz tas-sofferenza Tiegħu, Kristu ħallas il-prezz kemm għall-mewt fiżika kif ukoll għad-dnub.12 Huwa għallem, “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”13
Ġesù Kristu għex ħajja perfetta, dejjem żamm il-kmandamenti ta’ Missieru. “Huwa mexa fit-toroq tal-Palestina,” jgħallem il-veritajiet tal-eternità, “ifejjaq lill-morda, jagħti d-dawl lill-għomja u jqajjem lill-mejtin.”14 Huwa “għadda jagħmel il-ġid”15 u “jistedinna lkoll sabiex nimxu wara l-eżempju Tiegħu.”16
Fi tmiem il-ħajja mortali Tiegħu, Huwa niżel għarkupptejh u beda jitlob, fejn qal:
“Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi. …
“Imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa l-art.”17
Kristu għenna nifhmu aħjar il-kobor tas-sofferenza Tiegħu meta Huwa qal lill-Profeta Joseph Smith:
“Jiena, Alla, sofrejt dan kollu għall-bnedmin kollha, ħalli huma ma jsofrux, jekk huma jindmu;
“Iżda jekk huma ma jindmux huma wkoll ikollhom isofru bħali;
“Liema sofferenza wasslet biex jiena, l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, nitriegħed minħabba l-uġigħ, u nxerred demmi mill-pori kollha tiegħi u nsofri kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu.”18
Hemm fil-Ġnien tal-Ġetsemani, Huwa beda jħallas il-prezz għal dnubietna u għall-mard tagħna, għall-uġigħ u s-sofferenza tagħna.19 Minħabba li għamel dan, aħna qatt mhu se nkunu weħidna f’ dawn il-mumenti ta’ sofferenza jekk aħna nagħżlu li nimxu Miegħu. “Huwa ġie arrestat u kkundannat fuq akkużi foloz, instab ħati biex jissodisfa marmalja u ġie kkundannat għall-mewt fuq is-salib tal-Kalvarju.” Fuq is-salib “Huwa ta ħajtu biex ipatti għad-dnubiet tal-umanità permezz ta’ rigal kbir mogħti f’ isem kull bniedem li qatt se jgħix fid-dinja.”20
Huwa ddikjara:
“Araw, jiena Ġesù Kristu, li dwari l-profeti xehdu li kelli niġi fid-dinja.
“Araw, jiena d-dawl u l-ħajja tad-dinja; u jiena xrobt minn dak il-kalċi morr li tani l-Missier, u gglorifikajt il-Missier billi ħadt fuqi d-dnubiet tad-dinja.”21
Imbagħad, fl-ewwel jum tal-ġimgħa,22 Huwa qam mill-qabar b’ ġisem perfett, li qatt aktar ma kien se jmut. U għaliex Huwa qam, l-istess inqumu aħna.
Jiena nixhed li Kristu verament qam mill-qabar. Iżda biex iqum minn dak il-qabar, Huwa l-ewwel kellu jmut. U l-istess aħna.
Waħda mill-akbar barkiet ta’ ħajti kienet fil-waqtiet li fihom ħassejt lil Alla verament viċin tiegħi waqt dawk il-mumenti meta kont insib ruħi bilqiegħda ħdejn is-sodda ta’ ċerti pazjenti hekk kif huma jgħaddu għal ħajja oħra. Xi snin ilu, kmieni filgħodu, jiena dħalt fil-kamra tal-isptar ta’ waħda armla Qaddisa tal-Aħħar Jiem mill-aktar fidila li kellha l-marda tal-kanċer. Tnejn minn uliedha kienu jinsabu bilqiegħda ħdejha. Hekk kif jien ersaqt ħdejn is-sodda tagħha, mill-ewwel indunajt li hija ma kenitx baqgħet issofri aktar, għaliex kienet għadha kif mietet.
F’ dak il-mument kif hija mietet, il-kamra mtliet bil-paċi. Uliedha kellhom bħal dieqa ħelwa, iżda qalbhom kienet mimlija fidi. Huma kienu jafu li ommhom ma kenitx mietet iżda kienet reġgħet lura d-dar.23 Anke fil-mumenti tagħna ta’ niket mill-aktar profond, fil-mumenti meta ż-żmien jieqaf u l-ħajja tkun tidher inġusta, aħna nistgħu nsibu l-faraġ fis-Salvatur tagħna għaliex Huwa wkoll sofra.24 Kien privileġġ għalija li nkun f’ dik il-kamra.
Meta aħna mmutu, l-ispirtu tagħna jħalli ġisimna, u aħna mmorru fil-fażi li jmiss tal-vjaġġ tagħna, fid-dinja tal-ispirtu. Hija post ta’ tagħlim, indiema, maħfra u tibdil25 fejn aħna nistennew il-Qawmien mill-Imwiet.26
F’ jum futur mill-aktar meraviljuż, kull min qatt twieled fid-dinja se jqum minn ġol-qabar. L-ispirtu tagħna u l-ġisem fiżiku tagħna se jerġgħu jingħaqdu flimkien fil-forma perfetta tagħhom. Kulħadd se jqum mill-mewt, “kemm ix-xjuħ kif ukoll iż-żgħar, … kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa, kemm il-ħżiena kif ukoll it-twajbin,” u “kollox se jiġi rrestawrat għall-forma perfetta tiegħu.”27
Wara l-Qawmien mill-Imwiet aħna jkollna l-barka suprema li se niġu ġġudikati mis-Salvatur tagħna, li qal:
“Jiena se nressaq lill-bnedmin kollha lejja, sabiex huma jiġu ġġudikati skont għemilhom.
“U għad jiġi fis-seħħ, li dak li jindem u jitgħammed f’ ismi se jħossu mxebba’; u jekk huwa jibqa’ sod sat-tmiem, ara, lilu jiena nsib bla ħtija quddiem Missieri f’ dak il-jum meta jiena se nieqaf biex niġġudika d-dinja.”28
U mbagħad, permezz ta’ Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu, dawk kollha li jagħżlu li jimxu warajh permezz tal-fidi, l-indiema, il-magħmudija, l-għotja tal-Ispirtu s-Santu u billi jibqgħu sodi sat-tmiem29 huma jsibu li t-tmiem tal-vjaġġ tagħhom hu li huma jirċievu “id-destin divin tagħhom bħala werrieta tal-ħajja eterna.”30 Huma jerġgħu lura fil-preżenza ta’ Missierhom biex jgħixu Miegħu għal dejjem. Jalla huma jagħmlu għażla tajba.
L-eżistenza tagħna tikkonsisti ferm aktar minn dak li jseħħ bejn it-twelid u l-mewt tagħna. Nistedinkom biex tiġu u timxu wara Kristu.31
Nistieden lill-membri kollha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem sabiex, kuljum, intom “tersqu lejn Kristu, u tiġu pperfezzjonati fih u tiċħdu lilkom infuskom minn kull ħażen, … sabiex permezz tat-tixrid tad-demm ta’ Kristu, … intom issiru qaddisa mingħajr tebgħa.”32
Nistieden lil dawk li għadhom mhumiex membri ta’ din il-Knisja sabiex jiġu u jaqraw il-Ktieb ta’ Mormon u jisimgħu x’ għandhom xi jgħidu l-missjunarji. Ejjew u imtlew bil-fidi u indmu minn dnubietkom. Ejjew u tgħammdu u rċievu l-Ispirtu s-Santu. Ejjew u għixu ħajja ferħana, ibbażata fuq Kristu. Hekk kif intom tersqu lejh u żżommu l-kmandamenti Tiegħu, jiena nwegħidkom li intom tistgħu ssibu kemm il-paċi kif ukoll għan f’ din l-esperjenza mortali li ħafna drabi taf tkun waħda diffiċli u intom tiksbu “l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss.”33
Għal dawk li esperjenzaw dawn il-veritajiet u għal xi raġuni jew oħra huma qabdu triq oħra, jiena nistedinkom biex terġgħu lura. Ejjew lura llum. Missierna u s-Salvatur iħobbukom. Jiena nixhed li Kristu għandu l-qawwa li jwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom, ifejjaq l-uġigħ u n-niket tagħkom, u jaħfrilkom dnubietkom. Jien naf li dan huwa minnu. Jiena naf li dawn il-ħwejjeġ huma kollha vera. Kristu jgħix! Din hi l-Knisja Tiegħu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.