2010-2019
Din Hi l-Ħajja ta’ Dejjem
April 2017


Din Hi l-Ħajja ta’ Dejjem

Alla jafkom ilkoll, u jistieden lilkom kollha biex issiru tafuh.

Se nkellem lilkom, il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa—żgħażagħ u adulti żgħażagħ, kemm jekk miżżewġin kif ukoll jekk le—intom li intom il-mexxejja futuri ta’ din il-Knisja tal-Mulej. Minkejja l-ħażen u t-taqlib kollu u l-biża’ u l-konfużjoni kollha li hawn fid-dinja llum, jiena se nkellimkom b’ ċarezza dwar il-majestà u l-barka ta’ meta wieħed isir jaf lil Alla.

Ġesù Kristu għallem bosta veritajiet li jispjegaw il-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet u l-irwol tagħkom fih. Jiena se niffoka fuq tnejn minn dawn biex jgħinukom tifhmu l- identità tagħkom bħala wlied Alla u ssiru tafu l- għan tagħkom fil-ħajja.

L-Ewwel: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”

It-Tieni: “Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”

Jekk jogħġobkom żommu dawn il-veritajiet f’ moħħkom—huma jgħallmukom għalfejn—hekk kif jiena se nipprova niddeskrivi kif intom u lkoll kemm aħna nistgħu nsiru nafu verament lil Alla.

Insiru Nafuh permezz tat-Talb

O ħbieb tiegħi żgħażagħ, aħna nistgħu nibdew insiru nafu lil Alla permezz tat-talb.

Fis-7 ta’ April, 1829, Oliver Cowdery, li kellu 22 sena, beda l-ħidma tiegħu bħala skriba għal Joseph Smith li kellu 23 sena. Huma kienu għadhom żgħażagħ—bħalkom. Oliver talab lil Alla biex jikseb konferma dwar ir-Restawrazzjoni u l-ħidma marbuta magħha. Bi tweġiba għal dan, huwa rċieva r-rivelazzjoni li ġejja:

“Ara, int taf li inti ġejt tistħarriġni u jiena dawwalt moħħok. …

“Iva, jiena ngħidlek, sabiex inti tkun taf li m’hawn ħadd iżjed ħlief Alla li jaf ħsibijietek u l-intenzjoni ta’ qalbek. …

“… Jekk tixtieq li jkollok aktar xhieda, ftakar fil-lejl li fih inti tlabtni b’ ħerqa f’ qalbek. …

“Ma wassaltlekx jiena l-paċi f’moħħok … ? X’ xhieda akbar jista’ jkollok mix-xhieda mingħand Alla?”

Meta intom titolbu bil-fidi, intom tħossu l-imħabba ta’ Alla hekk kif l-Ispirtu Tiegħu jkellem lir-ruħ tagħkom. Tħossukom kemm tħossukom weħidkom jew inċerti f’ ċerti mumenti f’ ħajjitkom, intom qatt ma tkunu weħidkom f’ din il-dinja. Alla lilkom jafkom personalment. Hekk kif titolbu, intom issiru tafuh.

Insiru Nafuh permezz tal-Istudju tal-Iskrittura

Hekk kif intom tistudjaw l-iskrittura, intom mhux biss titgħallmu dwar is-Salvatur, iżda intom tistgħu sewwasew issiru tafu lis-Salvatur.

F’ April 1985, il-Presbiteru Bruce R. McConkie tkellem waqt il-konferenza ġenerali—13-il jum biss qabel ma miet. Huwa għalaq b’ din it-testimonjanza:

“Jiena wieħed mix-xhieda tiegħu, u f’ xi jum mhux daqstant ‘il bogħod jiena se nħoss il-marki tal-imsiemer f’ idejh u f’ riġlejh u se nxarrablu riġlejh bid-dmugħi.

“Iżda mhux se nkun naf aħjar milli naf issa li huwa fil-fatt hu l-Iben Setgħan ta’ Alla, li huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna, u li s-salvazzjoni nistgħu niksbuha biss permezz tad-demm tal-fidwa tiegħu u bl-ebda mod ieħor.”

Dawk fostna li dak inhar smajna lill-Presbiteru McConkie jitkellem qatt ma nsejna kif ħassejna ruħna f’ dak il-mument. Hekk kif huwa beda jitkellem, huwa żvela għalfejn ix-xhieda tiegħu kienet daqstant qawwija. Huwa qal:

“Hekk kif se nkellimkom dwar dawn il-ħwejjeġ meraviljużi jiena se nagħmel dan fi kliemi, għalkemm jista’ jkun li tafu taħsbu li huma kliem l-iskrittura. …

“Verament li dan l-istess kliem diġà ġie iddikjarat minn oħrajn qabli, iżda issa dan sar kliemi, għaliex l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla wrieni li huwa veru, u issa bħallikieku l-Mulej żvelah lili għall-ewwel darba. Jiena b’hekk smajt leħnu u naf kelmtu.”

Hekk kif intom tistudjaw u tixtarru l-iskrittura, intom ukoll tisimgħu leħen Alla, issiru tafu kliemu u taslu biex issiru tafu lilu. Alla jiżvela lilkom, personalment, il-veritajiet eterni Tiegħu. Din id-duttrina u dawn il-prinċipji jsiru parti minn dak li intom verament u jaslu biex jibdew jirriflettu l-istess ruħ tagħkom.

Minbarra l-istudju individwali tagħkom, huwa importanti wkoll li tistudjaw l-iskrittura bħala familja.

Ġewwa darna aħna ridna lil uliedna jitgħallmu jagħrfu l-leħen tal-Ispirtu. Aħna nemmnu li dan seħħ hekk kif bħala familja aħna konna nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon flimkien. It-testimonjanzi tagħna ssaħħu hekk kif aħna tkellimna dwar ċerti veritajiet sagri.

L-istudju tal-iskrittura isir il-metodu kif l-Ispirtu jista’ jagħti lil kull wieħed u waħda minna gwida personalizzata. Hekk kif intom tistudjaw kuljum l-iskrittura, kemm weħidkom kif ukoll mal-familja tagħkom, intom titgħallmu tagħrfu l-leħen tal-Ispirtu kif ukoll issiru tafu lil Alla.

Insiru Nafuh billi Nagħmlu r-Rieda Tiegħu

Minbarra t-talb u l-istudju tal-iskrittura tagħna, jeħtieġ li nagħmlu r-rieda Tiegħu.

Is-Salvatur huwa l-eżempju perfett tagħna. Huwa qal, “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.”

Meta s-Salvatur imqajjem mill-imwiet deher lin-Nefiti, Huwa qal, “Araw, jiena d-dawl u l-ħajja tad-dinja; u jiena xrobt minn dak il-kalċi morr li tani l-Missier, u gglorifikajt il-Missier billi ħadt fuqi d-dnubiet tad-dinja, u b’ hekk għamilt ir-rieda tal-Missier f’ kollox mill-bidu nett.”

Intom u jiena nistgħu nagħmlu r-rieda tal-Missier billi nonoraw il-patti tagħna, inżommu l-kmandamenti u naqdu lil Alla u lil għajrna.

Il-ġenituri tiegħi u ta’ marti, Rhonda, huma nies mill-aktar komuni—jixbhu probabbilment lill-ġenituri tagħkom. Iżda ħaġa partikolari li jiena inħobb dwar il-ġenituri tagħna hi li huma ddedikaw ħajjithom biex jaqdu lil Alla, u lilna għallmuna biex nagħmlu l-istess ħaġa.

Meta l-ġenituri ta’ Rhonda kienu ilhom biss ftit snin miżżewġin, missierha, li kellu 23 sena, ġie msejjaħ sabiex iservi missjoni full-time. Huwa ħalla warajh liż-żagħżugħa martu u t-tifla tagħhom ta’ sentejn. Imbagħad martu ġiet imsejħa sabiex isservi miegħu għall-aħħar seba’ xhur tal-missjoni tiegħu—fejn kellhom iħallu lil binthom f’ idejn il-qraba tagħhom biex jieħdu ħsiebha huma.

Ftit tas-snin wara, issa b’’ erbat itfal, huma marru joqogħdu ġewwa Missoula, f’ Montana, sabiex missierha jkun jista’ jattendi l-università. Madankollu, wara biss ftit xhur li kienu ilhom hemm, il-President Spencer W. Kimball u l-Presbiteru Mark E. Petersen estendew is-sejħa tagħhom lill-kunjatu tiegħi biex huwa jkun l-ewwel president fil-wited ta’ Missoula li kien għadu kif inħoloq. Huwa kellu biss 34 sena. Hu spiċċa abbanduna l-pjanijiet li kellu għall-università hekk kif huwa fittex li jagħmel ir-rieda tal- Mulej —mhux ir-rieda tiegħu.

Il-ġenituritiegħi qdew fit-tempju għal aktar minn 30 sena—Missieri jissiġilla u Ommi bħala ħaddiema tal-ordinanzi. Servew flimkien ukoll ħames missjonijiet full-time—f’ Riverside, Kalifornja; f’ Ulaanbaatar, fil-Mongolja; f’ Nairobi, fil-Kenya; fit-Tempju ta’ Nauvoo Illinois; u fit-Tempju ta’ Monterrey, il-Messiku. Fil-Messiku huma ħadmu ħafna biex jitgħallmu lingwa ġdida, li ma kenitx ħaġa faċli għal tnejn min-nies ta’ 80 sena. Iżda huma fittxew li jagħmlu r-rieda tal-Mulej minflok ma ppruvaw iwettqu x-xewqat personali tagħhom fil-ħajja.

Lilhom u lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem kollha li b’ dedikazzjoni qed iservu madwar id-dinja, jiena ntenni l-kliem imlissen mill-Mulej lill-profeta Nefi, iben Ħilaman: “Imbierek int, … għal dak kollu li inti għamilt … bla heda … , għaliex inti ma fittixt il-ħajja tiegħek, iżda fittixt ir-rieda tiegħi, u li żżomm il-kmandamenti tiegħi.”

Hekk kif aħna nfittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla billi b’ fedeltà nservu lilu u lil għajrna, aħna nħossu l-approvazzjoni Tiegħu u nsiru verament nafuh.

Insiru Nafuh billi Nsiru Bħalu

Is-Salvatur jgħidilna li l-aħjar mod kif aħna nistgħu nsiru nafu lil Alla hu billi nsiru bħalu . Huwa għallem: “Għalhekk, x’ tip ta’ bnedmin għandkom tkunu? Fis-sewwa ngħidilkom, sewwasew kif jien jien.”

Hija ħaġa mill-aktar essenzjali li aħna nkunu denji biex insiru bħalu. Huwa talabna, “Tqaddsu; iva, saffu qlubkom u naddfu jdejkom … biex jiena nkun nista’ nnaddafkom.” Jekk aħna nibdew nimxu fit-triq biex insiru bħalu, jekk aħna nindmu u nirċievu l-maħfra Tiegħu, Huwa jnaddaf ruħna.

Biex jgħinna, hekk kif aħna nimxu ‘l quddiem lejn il-Missier, il-Mulej tana din il-wegħda: “Kull ruħ li tiċħad dnubietha u tiġi għandi, u ssejjaħ ismi u tobdi leħni u żżomm il-kmandamenti tiegħi, tasal biex tara wiċċi u tkun taf li jiena jien.”

Permezz tal-fidi tagħna fis-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu, is-Salvatur inaddafna, ifejjaqna u jagħtina ċ-ċans li nsiru nafuh billi jgħinna nsiru bħalu . Mormon għallem, “Itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, … sabiex intom issiru wlied Alla; ħalli meta lilu aħna naraw aħna nkunu nixbhuh.” Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex insiru bħal Alla, Huwa jista’ jagħmel minna ferm aktar milli nistgħu nagħmlu aħna stess.

Insiru Nafuh billi Nimxu Wara Dawk li Nafdaw Fihom

Biex jgħinna fl-isforzi tagħna, Alla tana nies biex ikunu għalina mudelli li lilhom nafdaw u li nkunu rridu nsiru bħalhom. Nixtieq naqsam magħkom is-sentimenti tiegħi dwar bniedem bħal dan, il-Presbiteru Neal A. Maxwell. Huwa kontinwament kien ifittex li jissottometti r-rieda tiegħu għar-rieda tal-Missier fl-isforz tiegħu li jsir bħal Alla.

Aktar minn 20 sena ilu, huwa qasam miegħi is-sentimenti tiegħu hekk kif kien għadu kif sar jaf li għandu l-kanċer. Huwa qalli, “Irrid li nkun parti mit-tìm, jew fuq din in-naħa jew fuq in-naħa l-oħra. Ma rridx li nibqa’ fuq il-bank. Irrid li nilgħab fil-logħba.”

Fil-ġimgħat ta’ wara, huwa beda jsibha bi tqila biex jitlob lil Alla biex ifejqu; huwa sempliċiment ried jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Martu, Colleen, irrimarkat li l-ewwel talba ta’ Ġesù fil-Ġnien tal-Ġetsemani kienet “Jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi.” Kien biss f’ dak il-mument li s-Salvatur qal, “Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.” Hija ħeġġet lill-Presbiteru Maxwell sabiex jimxi wara l-eżempju tas-Salvatur, jitlob għall-għajnuna u mbagħad jissottometti r-rieda tiegħu għar-rieda ta’ Alla, kif fil-fatt għamel.

Wara li għal kważi sena sħiħa huwa sofra tant permezz ta’ trattamenti mill-aktar estensivi u diffiċli, huwa reġa’ beda jieħu sehem sħiħ u attiv “fil-logħba.” Huwa serva għal seba’ snin oħra.

Jiena kelli bosta essajnments miegħu f’ dawk is-seba’ snin sussegwenti. Jiena nista’ ngħid li verament ħassejt it-tjubija, il-kompassjoni u l-imħabba tiegħu. Jiena rajt b’ għajnejja r-raffinament spiritwali tiegħu waqt is-sofferenza kontinwa tiegħu u s-servizz bla waqfien tiegħu hekk kif huwa beda jagħmel dak kollu li jista’ biex isir bħas-Salvatur.

L- aqwa mudell li fih għandna nafdaw, li huwa disponibbli għalina lkoll, huwa l-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li qal, “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” “Ejja u imxi warajja.”

O ħuti żgħażagħ, li nsiru nafu lil Alla huwa proċess li jibqa’ għaddej tul ħajjitna. “Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li [aħna] nagħrfu lil … Alla waħdieni u veru, u lil Ġesù Kristu, li l-Missier bagħat.”

“M’għandniex nibqgħu għaddejjin naħdmu għal din il-kawża mill-aktar ġusta? … Kuraġġ, [O ħbieb żgħażagħ tiegħi]; u ibqgħu mexjin sar-rebħa!”

Alla jafkom ilkoll, u jistieden lilkom kollha biex issiru tafuh. Itlobu lill-Missier, studjaw l-iskrittura, fittxu li tagħmlu r-rieda ta’ Alla, agħmlu li tistgħu biex issiru bħas-Salvatur u imxu wara nies li tafdaw u li tixtiequ ssiru bħalhom. Hekk kif tagħmlu dan, intom issiru tafu lil Alla u lil Ġesù Kristu, u intom tirtu l-ħajja ta’ dejjem. Din hi l-istedina tiegħi għalikom, bħala wieħed mix-xhieda speċjali u ordnati Tagħhom. Huma jgħixu. Huma jħobbukom. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ġwanni 3:16.

  2. Ġwanni 17:3.

  3. Doctrine and Covenants 6:15–16, 22–23.

  4. Bruce R. McConkie, “The Purifying Power of Gethsemane,” Ensign, Mejju 1985, 11; enfażi miżjuda.

  5. Bruce R. McConkie, “The Purifying Power of Gethsemane,” 9; enfażi miżjuda.

  6. Ġwanni 6:38.

  7. 3 Nephi 11:11; enfażi miżjuda.

  8. Helaman 10:4.

  9. 3 Nephi 27:27.

  10. Doctrine and covenants 88:74.

  11. Doctrine and Covenants 93:1; enfażi miżjuda.

  12. Moroni 7:48; enfażi miżjuda.

  13. Ara dikjarazzjonijiet simili f’ Bruce C. Hafen, A Disciple’s Life: The Biography of Neal A. Maxwell (2002), 19.

  14. Mattew 26:39; enfażi miżjuda.

  15. Ara Bruce C. Hafen, A Disciple’s Life, 15.

  16. Ġwanni 14:6.

  17. Mattew 19:21.

  18. Ġwanni 17:3; enfażi miżjuda.

  19. Doctrine and covenants 128:22.